MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana
11.12.2013 - (2013/2980(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0561/2013)
ECR (B7‑0570/2013)
S&D (B7‑0571/2013)
PPE (B7‑0572/2013)
ALDE (B7‑0575/2013)
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Filip Kaczmarek, Mariya Gabriel, Philippe Boulland, Jean Roatta, Bernd Posselt, Tunne Kelam, Monica Luisa Macovei, Eduard Kukan, Giovanni La Via, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Roberta Angelilli, Elena Băsescu, Petri Sarvamaa, Eija-Riitta Korhola, Sari Essayah, Michael Gahler, Krzysztof Lisek, Jarosław Leszek Wałęsa, Anne Delvaux, Seán Kelly, Joachim Zeller, Bogusław Sonik f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Françoise Castex, Ana Gomes, Liisa Jaakonsaari, Ricardo Cortés Lastra, Patrice Tirolien, Joanna Senyszyn, Mitro Repo, Pino Arlacchi, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Marc Tarabella, Antigoni Papadopoulou f'isem il-Grupp S&D
Louis Michel, Marietje Schaake, Jelko Kacin, Sarah Ludford, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Kristiina Ojuland, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Hannu Takkula, Ramon Tremosa i Balcells f'isem il-Grupp ALDE
Judith Sargentini, Barbara Lochbihler, Nicole Kiil-Nielsen, Raül Romeva i Rueda, Jean Lambert, Rui Tavares f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Adam Bielan f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013[1] u tat-12 ta' Settembru 2013[2] dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2088 (2013) tal-24 ta' Jannar 2013, 2121 (2013) tal-10 ta' Ottubru 2013 u 2127 (2013) tal-5 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-15 ta' Novembru, kif ukoll ir-rapport tas-Sur Abou Moussa, Rappreżentant tas-Segretarju Ġenerali u Kap tal-Uffiċċju Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Afrika Ċentrali,,
– wara li kkunsidra l-appell għall-għajnuna, indirizzat lill-komunità internazzjonali, li għamel fin-NU l-Prim Ministru Ċentru-Afrikan Nicolas Tiangaye;
– wara li kkunsidra l-ittra tal-awtoritajiet Ċentru-Afrikani tal-20 ta' Novembru 2013 li fiha talbu li l-MISCA tingħata appoġġ mill-forzi armati Franċiżi,
– wara li kkunsidra r-rapport lill-Kunsill tas-Sigurtà tad-Deputat Segretarju Ġenerali tan-NU, Jan Eliasson, dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-21 ta' Diċembru 2012, tal-1 u l-11 ta' Jannar 2013, tal-25 ta’ Marzu 2013, tal-21 ta’ April 2013, tas-27 ta’ Awwissu 2013 u tal-5 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kumissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili tal-21 ta' Diċembru 2012 dwar il-kunflitt fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u tal-10 ta' Settembru 2013 dwar id-deterjorament tal-kriżi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou rivedut,
– wara li kkunsidra t-twaqqif ta' Grupp Internazzjonali ta’ Kuntatt dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana f’Mejju 2013 sabiex jikkoordina l-azzjonijiet reġjonali, mifruxa mal-kontinent u internazzjonali bil-għan li tinsab soluzzjoni dejjiema għall-problemi rikorrenti tal-pajjiż;
– wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Grupp Internazzjonali ta’ Kuntatt tat-3 ta’ Mejju 2013 fi Brazzaville (ir-Repubblika tal-Kongo), li vvalidat il-pjan direzzjonali għat-tranżiżżjoni u stabiliet Fond Speċjali sabiex tiġi megħjuna r-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata mill-Grupp Internazzjonali ta’ Kuntatt dwar ir-RĊA fit-tielet laqgħa tiegħu li saret f'Bangui fit-8 ta' Novembru 2013,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), li r-RĊA rratifikatu fl-2001,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv dwar l-Involviment tat-Tfal fil-Kunflitti Armati għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li r-RĊA ffirmatu,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tat-13 ta' Novembru 2013 maħruġa mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana dwar is-sitwazzjoni fir-RĊA,
– wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-UA, fl-10 ta' Ottubru, ta' kunċett ġdid tal-operazzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-UA, tat-13 ta' Novembru, li fiha jifraħ bir-rinforz previst ta' kontinġent Franċiż mibgħu biex isaħħaħ l-appoġġ għall-MISCA,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tad-19 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana,
– wara li kkunsodra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Novembru 2013 mill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE f'Addis Ababa (l-Etjopja),
– wara li kunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tal-21 ta' Ottubru 2013dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
Vjolenzi
A. billi mindu beda l-ġlied fir-RĊA fi tmiem l-2012, u r-ribelli Séléka ħatfu l-poter mill-ex President François Bozizé f’Marzu ta’ din is-sena, ir-RĊA spiċċat fil-kaos, li rriżulta f’nuqqasijiet serji alimentari u mediċi;
B. billi, wara r-rebħa militari tal-koalizzjoni Séléka fl-24 ta’ Marzu 2013 u l-ħatfa tal-poter tagħha, membri ta’ dik il-koalizzjoni wettqu ħafna atroċitajiet, stupri, reati, atti ta’ vjolenza fiżika u serq, kif ukoll sakkeġġi u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem, kemm fil-kapitali kif ukoll fil-provinċji, u ma kienu soġġetti għal ebda kontroll; billi l-użu tas-suldati tfal qed jiżdied bħalma qed tiżdied il-vjolenza sesswali;
C. billi l-abbużi qed jitwettqu wkoll minn gruppi armati oħrajn, li wħud minnhom jiddikjaraw li jappoġġaw lill-ex President Bozizé;
D. billi, mill-5 ta’ Diċembru, mietu 400 ruħ f’Bangui f'perjodu ta' 72 siegħa;
E. billi l-gwerra qed tiġi strumentalizzata fi gwerra tar-reliġjon, kif evidenzjat mis-sitwazzjoni tal-komunitajiet Kristjani, u billi, minkejja l-isforzi konġunti tal-mexxejja reliġjużi biex jevitaw gwerra interkonfessjonali u minkejja l-koeżistenza paċifika tradizzjonali bejn ir-reliġjonijiet u l-komunitajiet, hemm riskju li jintilef il-kontroll tas-sitwazzjoni jekk ma tiġix indirizzata sew;
F. billi hemm riskju ta’ kontaġju fir-reġjun peress li, jekk ir-RĊA ssir mekka għat-terroristi,it-traffikanti tad-droga, il-ġiħadisti u l-banditi, il-pajjiżi tal-viċinat jiġu affettwati wkoll; billi l-awtoritajiet tal-Kamerun għalqu temporanjament il-fruntiera mar-RĊA wara li r-ribelli Séléka attakkaw il-belt ta' Toktoyo li tinsab fil-fruntiera u qatlu gwardja tal-fruntiera tal-Kamerun;
G. billi dawn il-vjolenzi qed jitwettqu minn gruppi mgħammra b’armi moderni, u b’ċerti armamenti tqal;
H. billi l-kunflitti armati saru dejjem aktar awtofinanzjati, billi l-gruppi ta’ ribelli, in-netwerks tal-kriminalità, il-merċenarji u l-elites predatorji ddependew dejjem aktar minn dħul mir-riżorsi naturali biex jiffinanzjaw attivitajiet militari;
I. billi l-awtoritajiet nazzjonali ta’ tranżizzjoni mhumiex f’pożizzjoni li jikkontrollaw lill-awturi ta' vjolenzi u li jassumu r-responsabbiltà tagħhom li jipproteġu l-popolazzjonijiet;
J. billi l-vjolenzi mwettqa fir-RĊA jiġġustifikaw l-urġenza li tittieħed azzjoni biex jiġu evitati r-riskji ta’ reati tal-massa li jheddu lill-popolazzjoni Ċentru-Afrikana u l-istabbiltà tal-pajjiżi tar-reġjun;
K. billi hemm ir-riskju li s-sitwazzjoni fir-RĊA toħloq ambjent ideali għall-iżvilupp ta’ attivitajiet kriminali transnazzjonali (estratt mir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU);
Sigurtà
L. billi, għalkemm 1 300 truppa tal-ECCAS (Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali) ġew skjerati fir-RĊA, ma rnexxilhomx iwaqqfu lill-pajjiż milli jispiċċa f’sitwazzjoni ta' anarkija;
M. billi, permezz tar-riżoluzzjoni 2127(2013) tiegħu adottata unanimament, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU awtorizza żieda fl-azzjoni militari minn truppi Franċiżi u Afrikani sabiex terġa’ tiddaħħal is-sigurtà u jiġu protetti ċ-ċivili fir-RĊA, impona embargo fuq l-armi u talab lin-Nazzjonijiet Uniti tħejji għal missjoni possibbli għaż-żamma tal-paċi;
N. billi fis-26 ta’ Novembru 2013 il-Ġeneral Jean-Marie Michel Mokoko (Kongo) inħatar bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Afrikana fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u bħala kap tal-forza Afrikana li qed tiġi skjerata fil-pajjiż (MISCA);
O. billi l-MISCA tista’ tiġi skjerata għal perjodu ta’ 12-il xahar, bi klawżola ta’ reviżjoni ta’ sitt xhur, bil-missjoni li tipproteġi ċ-ċivili, terġa’ tistabbilixxi l-ordni u s-sigurtà, tistabbilizza l-pajjiż u tiffaċilita l-provvediment ta’ għajnuna umanitarja;
P. billi l-istabbiliment ta’ “Operazzjoni għaż-żamma tal-paċi” tan-NU, mitluba mill-Unjoni Afrikana, u prevista mir-riżolużżjoni 2127 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jippermetti l-appoġġ finanzjarju kontinwu tal-operazzjoni;
Q. billi, skont ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, operazzjoni tan-NU trid timmobilizza bejn 6 000 u 9 000 elmu blu biex tkun effikaċi;
Drittijiet tal-Bniedem
R. billi n-nuqqas komplet tal-ordni u s-sigurtà pubbliċi fir-RĊA qed jikkawża diżastru umanitarju u qed joħloq ukoll theddid sinifikanti għas-sigurtà reġjonali;
S. billi l-qtil taċ-ċivili, il-ħruq tad-djar u l-qerda tal-infrastruttura bażika ġiegħlu lil nofs miljun ruħ, minn popolazzjoni ta' 4.6 miljuni fil-pajjiż, biex jaħarbu;
T. billi fl-4 ta’ Settembru 2013, il-prosekutur tat-Tribunal ta' Bangui talab biex l-24 ex ribelli Séléka, li tressqu quddiem il-qrati fl-ewwel proċess li ttratta l-abbużi mwettqa fir-RĊA, tingħatalhom sentenza ta’ 10 snin ħabs;
U. billi ħafna mill-atturi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-delitti tal-gwerra ma ttellgħux il-qorti; billi dan iħeġġeġ klima ta' impunità u jiffavorixxi li jsiru aktar delitti;
Asprtti umanitarji
V. billi l-Valutazzjoni tas-Sigurtà tal-Ikel ta' Emerġenza (VSIE) uriet li 484 000 persuna kienu f'riskju ta' nuqqas ta' sigurtà alimentari fil-pajjiż;
W. billi, minħabba n-nuqqas ta' sigurtà u l-livell mhux adegwat ta' ffinanzjar meta mqabbla mal-kobor tal-kriżi, l-organizzazzjonijiet umanitarji qed jaħdmu biss fil-bliet;
X. billi l-instabilità wasslet biex aktar minn 70 % tat-tfal ma jistgħux imorru l-iskola;
Y. billi l-Unjoni Ewropea tkompli tidħol fi djalogu politiku regolari mar-RĊA u tibqa' d-donatur ewlieni tal-pajjiż, peress li żiedet l-għajnuna umanitarja tagħha bi EUR 8 miljun għal EUR 20 miljun; billi din l-għajnuna tal-UE mhijiex biżżejjed u billi sħab internazzjonali oħrajn iridu jieħdu impenji wkoll;
Żvilupp
Z. billi l-kumplessità tal-kriżi teħtieġ reazzjoni globali u koerenti, integrata u multidimensjonali, billi intervent militari waħdu ma jistax isolvi l-problemi;
AA. billi huwa importanti li jitwaqqaf approċċ wiesa' u olistiku, li jqis il-kapaċità tal-interkonnessjoni bejn il-kwistjonijiet tal-governanza tar-riżorsi naturali, tal-paċi, tas-sigurtà u tal-iżvilupp tar-RĊA, bil-għan li tinstab soluzzjoni dejjiema;
AB. billi hemm bżonn ta' għajnuna ekonomika internazzjonali importanti;
AC. billi ttieħdet id-deċiżjoni mill-proċess ta' Kimberley biex ir-RĊA tiġi sospiża;
AD. billi, minkejja s-sitwazzjoni inċerta fir-RĊA, l-UE qatt ma ssospendiet il-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiż u tibqa' l-akbar donatur ta' għajnuna umanitarja; billi fil-5 ta' Diċembru 2013, l-UE offriet EUR 50 miljun għall-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ mmexxija minn pajjiżi Afrikani fir-RĊA sabiex jingħata kontribut għall-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż u l-protezzjoni tal-popolazzjonijiet lokali, kif ukoll biex jinħolqu kundizzjonijiet li jippermettu l-għoti ta' għajnuna umanitarja u r-riforma tas-settur tas-sigurtà u tad-difiża;
Vjolenzi
1. Jikkundanna bis-sħiħ il-ksur serju tad-dritt umanitarju u l-ksur mifrux tad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari minn eks-elementi tas-Séléka u gruppi tal-milizja, partikolarment dawk magħrufa bħala "anti-balaka", inkliżi l-qtil extraġudizzjarju, l-eżekuzzjonijiet sommarji, l-għajbien infurzat, l-arresti u d-detenzjoni arbitrarji, it-tortura, il-vjolenza sesswali u l-vjolenza sessista u r-reklutaġġ ta’ suldati tfal; Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar id-dinamika ġdida ta' vjolenza u tpattija prevalenti fir-RĊA, li tista' tiddeġenera f'sitwazzjoni inkontrollabbli, u tinvolvi l-iktar krimini serji fid-dritt internazzjonali, bħall-krimini tal-gwerra u l-krimini kontra l-umanità; Jinsab imħasseb ukoll dwar il-possibbiltà ta' effett "spill-over", li jista' jiddestabilizza r-reġjun kollu;
2. Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni fir-RĊA li hija kkaratterizzata minn nuqqas komplet tal-osservanzzjoni tal-liġi u nuqqas komplet tal-ordni u l-assenza tal-istat ta’ dritt u l-vjolenza settarja; jikkundanna l-vjolenza riċenti li kompliet telimina anki l-aktar servizzi bażiċi fil-pajjiż u għarrqet sitwazzjoni umanitarja diġà ħażina li qed taffettwa l-popolazzjoni kollha;
3. Jilqa' b'rabta ma' dan id-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU dwar l-embargo fuq l-armi kontra r-RĊA;
Sigurtà
4. Jilqa' l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni 2127/(2013) tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU, u jitlob biex tiġi implimentata malajr sabiex il-popolazzjoni tar-RĊA ma jkollhiex tgħaddi minn iktar vjolenza u insikurezza;
5. Jilqa' l-iskjerament veloċi ta' truppi militari Franċiżi wara li ngħatat l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU u l-isforzi tagħhom biex tieqaf il-vjolenza, tiġi protetta l-popolazzjoni ċivili u tiġi diżarmata l-milizja;
6. Irodd ħajr liż-żewġ suldati Franċiżi, li kienu parti mill-forzi Afrikani, li mietu l-ewwel jum tal-missjoni tagħhom ta' protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili tar-RĊA;
7. Jilqa' l-isforzi internazzjonali li qed isiru biex terġa' tinġieb l-ordni, inkluż it-tisħiħ tal-forza tal-paċi MICOPAX tal-ECCAS u r-rikonfigurazzjoni tagħha f'forza ta' żamma tal-paċi tal-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ għall-Afrika Ċentrali (MISCA) taħt ir-responsabilità tal-Unjoni Afrikana;
8. Jitlob lill-komunità internazzjonali tagħmel il-kontribuzzjonijiet kollha finanzjarji, ta' truppi u ta' tipi oħra meħtieġa biex tiżdied il-preżenza tas-sigurtà internazzjonali primarjament Afrikana u tiżgura l-implimentazzjoni tal-mandat tagħha; Jilqa' b'rabta ma' dan il-EUR 50 miljun provduti mill-UE b'appoġġ għall-AFISMA-CAR;
9. Jiddispjaċih mid-dewmien tat-twaqqif ta' operazzjoni ta' żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti u miż-żmien li jeħtieġ il-Kunsill ta' Sigurtà sabiex jagħti mandat skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU;
10. Jikkunsidra neċessarju, barra minn hekk, li jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-kunflitti, b’mod partikolari permezz ta’ riforma tal-forzi armati u l-forzi ta’ sigurtà, id-dimilitarizzazzjoni, id-demobilizzazzjoni u r-riintegrazzjoni tal-eks ġellieda, bi qbil mar-riżoluzzjoni 2121 (2013) tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU, ir-ripatrijazzjoni tar-refuġjati, ir-ritorn ta’ persuni spustati internament lejn djarhom u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ żvilupp vjabbli;
11. Jitlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistudja l-possibilità ta' azzjonijiet ta' taħriġ u ta' appoġġ tal-MISCA, hekk kif sar għall-AMISOM, biex tiżdied il-kapaċitàtal-forzi Afrikani li jġestixxu huma nnifishom l-ippjanar u t-tmexxija ta' operazzjonijiet ta' sikurizzazzjoni;
12. Jinnota li l-kriżijiet reċenti fil-Mali u fl-Afrika Ċentrali juru l-bżonn li l-kontinent Afrikan ikollu kapaċità kontinentali adegwata ta' sigurtà; F'dan ir-rigward, jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iżidu l-appoġġ tagħhom għal twaqqif effettiv tal-Kapaċità Afrikana ta' Reazzjoni Immedjata għall-Kriżijiet, maħluqa f'Ġunju 2013, element żejjed indispensabbli għall-operazzjonalizzazzjoni veloċi tal-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront (ASF) tal-Unjoni Afrikana, inizjalment prevista għall-2010;
13. Jixtieq li tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda kontra l-'Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur' (LRA);
Drittijiet tal-Bniedem
14. Jenfasizza li mgħandux ikun hemm impunità għal min iwettaq ksur evidenti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġijiet umanitarji internazzjonali; jenfasizza li mgħandux ikun hemm impunità għal min iwettaq ksur evidenti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġijiet umanitarji internazzjonali; jirrimarka f’dan ir-rigward li s-sitwazzjoni fir-RĊA diġà tressqet quddiem il-QKI u li, skont l-istatut tal-Qorti, ma hemmx perjodu ta’ preskrizzjoni għall-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, u jilqa' d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Awwissu 2013 mill-Prosekutur tal-QKI;
15. Jitlob biex jittieħdu miżuri bħala kwistjoni urġenti għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom u tintemm l-impunità għal min iwettaq krimini bħal dawn;
16. Jilqa' b'mod partikolari t-twaqqif mill-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU ta' kummissjoni ta' inkjesta biex tinvestiga rapporti ta' ksur tal-liġijiet umanitarji internazzjonali u abbużi mid-drittijiet tal-bniedem imwettqa fir-RĊA mill-partijiet kollha sa minn Jannar 2013; Jitlob lill-partijiet kollha biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-awturi ta' dawn l-atti orribbli jinżammu responsabbli;
17. Iħeġġeġ kooperazzjoni sħiħa mal-Kumitat ta' Sanzjonijiet stabbilit bir-riżoluzzjoni 2127 (2013) tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU;
18. Jitlob lill-awtoritajiet tar-RĊA biex iwettqu l-obbligi stabbiliti fl-Istatut ta' Ruma tal-QKI, li dan il-pajjiż huwa firmatarju tiegħu;
19. Jitlob li jiżammu l-obbligi nazzjonali u internazzjonali fir-rigward tal-projbizzjoni ta' reklutaġġ u użu tat-tfal fil-forzi armati u fi gruppi armati;
Settur umanitarju
20. Jilqa' t-twaqqif ta' aerial bridge umanitarju min-naħa tal-UE, permezz tat-titjiriet tal-ECHO - is-servizz ta' trasport umanitarju bl-ajru - mid-9 ta' Diċembru, biex jiżdiedu l-isforzi internazzjonali bgħall-istabilizzazzjoni tar-RĊA billi jiġi żgurat li l-għajnuna umanitarja tasal lill-iktar persuni li jeħtiġuha; Jilqa' l-isforzi tas-servizz estern u tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja li rreaġixxew malajr għas-sitwazzjoni;
21. Jitlob lill-komunità internazzjonali żżomm lir-RĊA fuq nett tal-aġenda tagħha u tappoġġa lil dan il-pajjiż fraġli; Jenfasizza b'rabta ma' dan li l-komunità umanitarja għandha wkoll iżżomm l-impenn tagħha lejn ir-RĊA, minkejja s-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà attwali, u talloka biżżejjed riżorsi biex jingħelbu l-kriżijiet mediċi u umanitarji li għaddej minnhom il-pajjiż; Jinsab imħasseb dwar l-aċċess umanitarju ristrett u jikkundanna l-attakki kontra l-ħaddiema umanitarji; Jitlob lill-partijiet kollha fil-kunflitt, u b'mod partikolari lis-Séléka, biex jippermettu aċċess sigur u mingħajr xkiel lill-organizzazzjonijiet umanitarji u ta' għajnuna;
22. Jilqa l-appoġġ akbar tal-UE fl-indirizzar tal-kriżi umanitarja fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u jappella lill-UE u l-Istati Membri tagħha, bħala donaturi prinċipali lill-pajjiż, sabiex isaħħu l-koordinazzjoni tagħhom ma’ donaturi u istituzzjonijiet internazzjonali oħra sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet umanitarji urġenti u tittaffa s-sofferenza tal-persuni mill-Afrika Ċentrali;
Żvilupp
23. Jitlob lill-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar ir-RĊA biex jipprovdi lir-RĊA b'appoġġ finanzjarju meħtieġ għall-ħolqien ta' żvilupp ekonomiku vijabbli, jiġu ristawrati amministrazzjoni pubblika li taħdem u servizzi pubbliċi u jiġu stabbiliti istituzzjonijiet demokratiċi li jaħdmu, u li jkunu kapaċi jipproteġu liċ-ċittadini;
24. Jinsisti li soluzzjoni politika komprensiva, inkluża d-distribuzzjoni ekwa ta’ dħul mill-baġit tal-istat hija vitali sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-kriżi u titwettaq it-triq għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun;
25. Jikkundanna l-isfruttament illegali tar-riżorsi naturali tar-RĊA;
26. Iqis li t-trasparenza u l-iskrutinju pubbliku fis-settur tal-minjieri huma kruċjali għall-ġestjoni effiċjenti tal-mini u biex ikunu pubbliċi l-attivitajiet u d-dħul mill-mini u l-kumpaniji tal-esportazzjoni;
27. Jitlob biex jittieħdu miżuri, Bl-għajnuna tal-komunitàinternazzjonali, biex jiżdiedu l-isforzi biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi politika u biex tinbena sistema ġudizzjarja u infrastruttura amministrattiva, billi tingħata prijorità għolja lir-ristawr ta' servizzi bażiċi fil-qasam tal0ġustizzja, tal-kura tas-saħħa u tal-edukazzjoni; Jitlob biex tittieħed azzjoni għall-iżgurar u l-promozzjoni tad-dritt għall-edukazzjoni, u bie il-gvern iżid l-isforzi tiegħu għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar Edukazzjoni għal Kulħadd;
28. Jikkundanna l-qirda tal-patrimonju naturali, partikolarment il-kaċċa illegali (riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU);
Proċess politiku
29. Itenni l-appoġġ tiegħu għal sovranità, unità u integrità territoarjali tar-RĊA;
30. Jitlob lill-awtoritajiet tar-RĊA jimplimentaw il-ftehimiet fir-rigward tat-tranżizzjoni politika mingħajr dewmien sabiex ikunu jistgħu jseħħu elezzjonijiet u l-pajjiż jinġieb lura lejn ordni kostituzzjonali sa Frar 2015;
31. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Prim Ministru, Nicolas Tiangaye, li għandu l-appoġġ tal-komunità internazzjonali;
32. Jitlob biex jerġa' jinbena mill-ġdid is-servizz ċivili tar-RĊA sabiex jiġu organizzati elezzjonijiet nazzjonali kredibbli u inkontestati bl-għan li l-pajjiż jimxi iktar fit-triq tad-demokrazija; Jinnota li, minkejja l-isforzi tal-Prim Ministru Tiangaye, l-istrutturi statali u l-kontroll tant marru lura li m'għad fadal kważi xejn minnhom; Iħeġġeġ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fid-dibattiti dwar il-ġejjieni tar-RĊA;
33. Jinsisti li l-awtoritajiet ta' tranżizzjoni jiżguraw il-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa f'kull fażi tal-proċess (riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtàan-NU);
34. Jilqa' l-fatt li n-NU ħadet l-impenn li ssegwi mill-qrib il-ġestjoni tat-tranżizzjoni;
35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/HR Catherine Ashton, lill-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-ECCAS, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Istati Membri tal-UE, u lill-Conseil National de Transition de la République Centrale Africaine.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0033.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2013)0389.