MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar it-tneħħija tal-organi fiċ-Ċina
11.12.2013 - (2013/2981(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0562/2013)
PPE (B7‑0577/2013)
ALDE (B7‑0582/2013)
ECR (B7‑0583/2013)
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Mairead McGuinness, Tunne Kelam, Monica Luisa Macovei, Ria Oomen-Ruijten, Cristian Dan Preda, Inese Vaidere, Filip Kaczmarek, Mariya Gabriel, Bernd Posselt, Philippe Boulland, Jean Roatta, Eduard Kukan, Roberta Angelilli, Petri Sarvamaa, Eija-Riitta Korhola, Giovanni La Via, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Sari Essayah, Michael Gahler, Krzysztof Lisek, Jarosław Leszek Wałęsa, Csaba Sógor, Davor Ivo Stier, Kinga Gál, Tadeusz Zwiefka, László Tőkés, Bogusław Sonik f'isem il-Grupp PPE
Leonidas Donskis, Edward McMillan-Scott, Louis Michel, Sarah Ludford, Jelko Kacin, Kristiina Ojuland, Frédérique Ries, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez, Angelika Werthmann, Robert Rochefort, Izaskun Bilbao Barandica, Hannu Takkula, Johannes Cornelis van Baalen f'isem il-Grupp ALDE
Helga Trüpel, Barbara Lochbihler, Werner Schulz, Nicole Kiil-Nielsen, Bart Staes, Mark Demesmaeker, Raül Romeva i Rueda, Rui Tavares f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Adam Bielan, Roberts Zīle f'isem il-Grupp ECR
Claudio Morganti, Mara Bizzotto f'isem il-Grupp EFD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tneħħija tal-organi fiċ-Ċina
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006[1] u tal-14 ta' Marzu 2013[2] dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-rapport annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2011 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[3], tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[4], u tad-19 ta' Mejju 2010 dwar il-'Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Pjan ta’ azzjoni dwar id-Donazzjoni tal-Organi u t-Trapjanti (2009-2015): Kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-Istati Membri[5],
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta' Diċembru 2012, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha dwar id-dritt tal-integrità tal-persuna,
– wara li kkunsdira s-seduti ta' smigħ tal-21 ta' Novembru 2009, tas-6 ta' Diċembru 2012 u tat-2 ta' Diċembru 2013 mis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem u x-xhieda rispettiva tas-Segretarju preċedenti tal-Istat tal-Asja u l-Paċifiku David Kilgour u tal-avukat tad-drittijiet tal-bniedem David Matas dwar tneħħija tal-organi fuq skala kbira mwettqa fuq prattikanti tal-Falun Gong fiċ-Ċina sa mill-2000,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-tortura u t-trattament jew il-pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, ratifikata miċ-Ċina fl-4 ta' Ottubru 1988,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-Repubblika Popolari taċ-Ċina twettaq aktar minn 10 000 trapjant tal-organi kull sena u 165 ċentru Ċiniż ta' trapjant tal-organi jirriklama li organi li jaqblu jistgħu jinstabu fi żmien ġimagħtejn jew erba' ġimgħat, imma kif inhuma l-affarijiet iċ-Ċina ma għandhiex sistema pubblika organizzata jew effettiva ta' donazzjoni jew ta' distribuzzjoni ta' organi; billi s-sistema tat-trapjant tal-organi fiċ-Ċina ma tikkonformax mar-rekwiżiti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa rigward trasparenza u traċċabbiltà fil-modi tal-akkwist tal-organi, u billi l-Gvern Ċiniż irresista skrutinju indipendenti tas-sistema; billi l-kunsens volontarju u infurmat hu prekundizzjoni għal donazzjoni etika tal-organi;
B. billi r-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandha rati estremament baxxi ta' donazzjoni volontarja ta' organi minħabba twemmin tradizzjonali; billi fl-1984 iċ-Ċina implimentat regolamenti li jippermettu t-tneħħija tal-organi minn priġunieri li ngħataw sentenza ta' mewt;
C. billi l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina naqas milli jagħti rendikont adegwat tas-sorsi eċċessivi ta' organi meta ntalab informazzjoni mir-Rapporteur Speċjali preċedenti tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-tortura u t-trattament jew il-pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, Manfred Nowak, u mir-riċerkaturi Kanadiżi David Matas, avukat dwar id-drittijiet tal-bniedem, u David Kilgour, Segretarju preċedenti tal-Istat tal-Asja u l-Paċifiku;
D. billi Huang Jiefu, Direttur tal-Kumitat Ċiniż dwar id-Donazzjoni tal-Organi u Viċi Ministru preċedenti tas-Saħħa, iddikkjara, fil-Konferenza ta' Madrid dwar id-Donazzjoni u t-Trapjant tal-Organi fl-2010, li aktar minn 90% ta' organi trapjantati fiċ-Ċina li ttieħdu minn donaturi mejta ġew minn priġunieri li ngħataw is-sentenza tal-mewt, u qal li sa nofs l-2014 l-isptarijiet kollha liċenzjati għat-trapjant tal-organi se jkunu mitluba li jieqfu milli jużaw organi minn priġunieri li ngħataw is-sentenza tal-mewt u li jużaw biss dawk mogħtija b'mod volontarju u allokati mis-sistema nazzjonali li għadha kif bdiet tiffunzjona;
E. billi r-Repubblika Popolari taċ-Ċina ħabbret l-intenzjoni tagħha li twaqqqaf b'mod gradwali t-tneħħija tal-organi minn priġunieri li ngħataw is-sentenza tal-mewt sal-2015, kif ukoll tintroduċi sistema komputerizzata ta' allokazzjoni ta' organi magħrufa bħala Sistema ta' Rispons ta' Trapjant tal-Organi Ċiniża (COTRS), b'hekk tikkontradixxi l-impenn li ħadet li l-isptarijiet kollha liċenzjati għat-trapjant tal-organi se jkunu mitluba jieqfu jużaw organi minn priġunieri li ngħataw is-sentenza tal-mewt sa nofs l-2014;
F. billi f'Lulju 1999 il-Partit Komunist Ċiniż nieda kampanja intensiva ta' persekuzzjoni mal-pajjiż kollu, maħsuba biex teqred il-prattika spiritwali tal-Falun Gong u twassal għall-arrest u d-detenzjoni ta' mijiet ta' eluf ta' prattikanti tal-Falun Gong; billi hemm rapporti li priġunieri tal-Uyghur u tat-Tibet ukoll kienu suġġetti għal trapjanti furzati tal-organi;
G. billi l-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura u r-Rapporteur Speċjali tan-NU kontra t-tortura u t-trattament jew il-pieni krudili, inumani jew degradanti oħra esprimew tħassib dwar l-allegazzjonijiet ta' tneħħija ta' organi minn priġunieri, u sejħu lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex iżid ir-responsabbiltà u t-trasparenza tas-sistema ta' trapjant tal-organi u jikkastiga lil dawk responsabbli għal abbużi; billi l-qtil ta' priġunieri reliġjużi jew politiċi għal iskop ta' bejgħ tal-organi tagħhom għat-trapjant hija vjolazzjoni ferm ħażina u intolerabbli tad-dritt fundamentali għall-ħajja;
H. billi fit-12 ta' Novembru 2013 l-Assemblea Ġenerali tan-NU għażlet liċ-Ċina biex isservi fuq il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għal perjodu ta' tliet snin li jibda mill-1 ta' Jannar 2014;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar rapporti persistenti u kredibbli ta' tneħħija sistematika ta' organi approvata mill-istat minn priġunieri ta' kuxjenza li ma jkunux taw il-kunsens tagħhom fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, inkluż minn għadd kbir ta' prattikanti tal-Falun Gong mitfugħa l-ħabs għat-twemmin reliġjuż tagħhom, kif ukoll minn membri ta' gruppi reliġjużi, etniċi jew ta' minoranza oħra;
2. Jenfasizza li l-waqfien gradwali tat-tneħħija tal-organi minn priġunieri li ngħataw is-sentenza tal-mewt sal-2015 mhijiex aċċetabbli; jitlob lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex itemm immedjatament il-prattika ta' tneħħija ta' organi minn priġunieri ta' kuxjenza u membri ta' gruppi reliġjużi u ta' minorità etnika;
3. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha iqajmu l-kwistjoni tat-tneħħija tal-organi fiċ-Ċina; jirrakkomanda li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jikkundannaw pubblikament l-abbużi ta' trapjant tal-organi fiċ-Ċina u jqajmu kuxjenza dwar din il-kwistjoni fost iċ-ċittadini tagħhom li jkunu qed jivvjaġġaw lejn iċ-Ċina; jitlob għal investigazzjoni sħiħa u trasparenti mill-UE dwar il-prattiki ta' trapjant tal-organi fiċ-Ċina, u biex jitressqu quddiem il-qorti dawk li jinstabu li jkunu pparteċipaw fi prattiki mhux etiċi bħal dawn;
4. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jirrispondu b'mod adegwat għat-talbiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU kontra t-tortura u t-trattament jew il-pieni krudili, inumani jew degradanti oħra u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew twemmin li qed jitolbu lill-Gvern Ċiniż jispjega s-sorsi żejda ta' organi wara li żdied l-għadd ta' operazzjonijiet ta' trapjant ta' organi, u li jippermettulhom iwettqu investigazzjoni dwar il-prattiki tat-trapjant tal-organi fiċ-Ċina;
5. Jitlob il-ħelsien immedjat tal-priġunieri kollha ta' kuxjenza fiċ-Ċina, inkluż il-prattikanti tal-Falun Gong;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż.
- [1] ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 219.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2013)0097.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2012)0503.
- [4] ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 81.
- [5] ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 65.