Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0563/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0563/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka

11.12.2013 - (2013/2982(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0563/2013)
S&D (B7‑0574/2013)
PPE (B7‑0576/2013)
ALDE (B7‑0579/2013)
ECR (B7‑0580/2013)

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Krzysztof Lisek, Cristian Dan Preda, Mariya Gabriel, Philippe Boulland, Jean Roatta, Bernd Posselt, Tunne Kelam, Monica Luisa Macovei, Eduard Kukan, Giovanni La Via, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Roberta Angelilli, Elena Băsescu, Petri Sarvamaa, Eija-Riitta Korhola, Sari Essayah, Michael Gahler, Anne Delvaux, Seán Kelly, Salvador Sedó i Alabart, Bogusław Sonik f’isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Ana Gomes, Richard Howitt, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Joanna Senyszyn, Pino Arlacchi, Mitro Repo, Marc Tarabella, Antigoni Papadopoulou, Mojca Kleva Kekuš f’isem il-Grupp S&D
Phil Bennion, Marietje Schaake, Sarah Ludford, Ramon Tremosa i Balcells, Jelko Kacin, Angelika Werthmann, Louis Michel, Kristiina Ojuland, Robert Rochefort, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Hannu Takkula f’isem il-Grupp ALDE
Jean Lambert, Nicole Kiil-Nielsen, Raül Romeva i Rueda, Barbara Lochbihler, Rui Tavares f'isem il-Grupp Verts/ALE
Geoffrey Van Orden, Charles Tannock, Nirj Deva, Adam Bielan f’isem il-Grupp ECR


Proċedura : 2013/2982(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0563/2013
Testi mressqa :
RC-B7-0563/2013
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka

(2013/2982(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2009[1] u tat-12 ta' Mejju 2011[2] dwar is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka,

–   wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni għat-Tagħlimiet Miksuba u r-Rikonċiljazzjoni tas-Sri Lanka ta' Novembru 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Marzu 2013 u t-22 ta' Marzu 2012 dwar il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni u l-obbligu ta' rendikont fis-Sri Lanka,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Panel ta' Studju Intern tas-Segretarju Ġenerali tan-NU ta' Novembru 2012 dwar l-azzjonijiet tan-NU fis-Sri Lanka matul l-istadji finali tal-gwerra fis-Sri Lanka u wara li din intemmet, li jinvestiga n-nuqqas min-naħa tal-komunità internazzjonali li tipproteġi ċ-ċivili mill-ksur fuq skala kbira tad-dritt umanitarju u tad-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, tal-31 ta' Awwissu 2013, u r-rapport tagħha għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-25 ta' Settembru 2013,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-organizzazzjoni karitattiva Franċiża 'Action against Hunger' dwar l-eżekuzzjoni, fl-2006, ta' 17-il membru tal-personal lokali tagħha fil-belt tat-tramuntana ta' Muttur,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-Unjoni Ewropea tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar l-istat tad-dritt fis-Sri Lanka[3],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Jannar 2013 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, f'isem l-UE, dwar id-denunzja tal-eks Prim Imħallef Sri Lankjan, Shirani Bandaranayake,

–   wara li kkunsidra l-laqgħa reċenti tal-kapijiet ta' gvern tal-Commonwealth f'Kolombo, u t-talba tal-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron biex issir investigazzjoni indipendenti tal-allegazzjonijiet ta' delitti tal-gwerra,

–   wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet li s-Sri Lanka hija firmatarja għalihom, partikolarment il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali, il-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u l-kastig tad-delitt ta' ġenoċidju, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Konvenzjoni kontra l-Korruzzjoni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) u l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi f'Mejju 2009, il-kunflitt li ilu għaddej għexieren ta' snin bejn il-Gvern tas-Sri Lanka u l-grupp separatist tat-Tigri għal-Liberazzjoni tat-Tamil Eelam (LTTE) fit-tramuntana tal-pajjiż intemm bit-telfa u ċ-ċediment tal-LTTE u l-mewta tal-kap tagħhom;

B.  billi fl-aħħar xhur tal-kunflitt, ġlied qalil f'żoni ċivili wassal għal dak li hu stmat li hu għexieren ta' eluf ta' mwiet u korrimenti ta' persuni ċivili u madwar 6000 każ ta' għajbien;

C. billi fit-23 ta' Mejju 2009, is-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, u l-President tas-Sri Lanka, Mahinda Rajapaksa, iffirmaw dikjarazzjoni konġunta li fiha l-Gvern tas-Sri Lanka qabel li jieħu miżuri biex jiggarantixxi r-responsabilità għall-allegazzjonijiet ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità matul l-istadji finali tal-kunflitt intern li dam għaddej 26 sena;

D. billi fil-15 ta' Mejju 2010, il-President Rajapaksa ħatar LLRC (Kummissjoni dwar il-Lezzjonijiet Miksuba r-Rikonċiljazzjoni); billi l-għadd kbir ta' persuni li huwa rrappurtat li ħadu l-inizjattiva li jkellmu lil-LLRC juri x-xewqa u l-bżonn qawwijin ta' djalogu nazzjonali dwar il-kunflitt;

E.  billi r-rapport tal-panel ta' esperti tan-NU tas-26 ta' April 2011 sab li kien hemm rapporti kredibbli li kemm il-forzi tal-gvern kif ukoll il-LTTE wettqu delitti tal-gwerra fix-xhur ta' qabel Mejju 2009, meta l-forzi tal-gvern iddikjaraw rebħa fuq is-separatisti;

F.  billi n-natura serja tal-allegazzjonijiet f'dak ir-rapport u l-kampanja internazzjonali li baqgħet titwettaq b'talba għal evalwazzjoni preċiża tal-avvenimenti, inkluż fil-marġni tas-samit reċenti tal-Commonwealth, jenfasizzaw il-bżonn li din il-kwistjoni tissolva biex ikun possibbli li tinkiseb rikonċiljazzjoni dejjiema fis-Sri Lanka;

G. billi ċensiment madwar il-pajjiż inbeda fis-Sri Lanka biex jiġu aċċertati fil-pajjiż stess l-iskala u ċ-ċirkostanzi tal-imwiet u t-tidrib ta' ċivili, kif ukoll id-dannu lill-proprejtajiet, li twettqu matul il-kunflitt, bi qbil ma' rakkomandazzjoni ewlenija tar-rapport tal-LLRC;

H. billi, f'Awwissu 2013, ġiet stabbilita Kummissjoni Presidenzjali ta' Inkjesta biex tinvestiga u tirrapporta dwar il-każijiet ta' għajbien fil-provinċji tat-tramuntana u tal-lvant bejn l-1990 u l-2009;

I.   billi fil-25 ta' Settembru 2013, Navi Pillay talbet lill-Gvern tas-Sri Lanka juża ż-żmien li kien fadallu qabel ma tressaq ir-rapport dwar il-pajjiż lill-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-laqgħa tiegħu ta' Marzu 2014, biex jibda proċess nazzjonali kredibbli b'riżultati tanġibbli, inkluża l-prosekuzzjoni tal-ħatja individwali, inkella l-komunità internazzjonali se jkollha d-dmir li tistabbilixxi mekkaniżmi ta' inkjesta proprji;

J.   billi l-panel ta' studju interndwar il-ħidma tan-NU fis-Sri Lanka matul il-fażi finali tal-gwerra wasal għall-konklużjoni li n-nuqqas tal-istituzzjonijiet tan-NU li jipproteġu d-drittijiet tal-persuni li kellhom jassistu kollettivament jammonta għal nuqqas min-NU li taġixxi fl-ambitu tal-mandati istituzzjonali tagħha biex twettaq id-dmirijiet tagħha ta' protezzjoni;

1.  Jesprimi l-apprezzament tiegħu tar-ristawr tal-paċi fis-Sri Lanka, li jikkostitwixxi serħan tal-moħħ qawwi għall-popolazzjoni kollha kemm hi, u jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Gvern tas-Sri Lanka, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, biex tinbena mill-ġdid l-infrastruttura u jiġu ssetiljati mill-ġdid madwar 400,000 persuna spustjati internament;

2.  Jinnota l-progress li nkiseb fl-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, il-politika trilingwi – notevolment it-tagħlim tas-Sinhala, Tamil u Ingliż lill-uffiċjali pubbliċi – u ċ-ċensiment nazzjonali deċiż riċentement biex jingħaddu 'd-danni umani u tal-proprjetà' li saru waqt il-gwerra ċivili;

3.  Jilqa' l-ewwel elezzjonijiet għall-Kunsill Provinċjali fil-Provinċja tat-Tramuntana, li saru fil-21 ta' Settembru 2013, li l-partit tal-Alleanza Nazzjonali Tamil (TNA) rebaħ b'maġġoranza kbira ħafna;

4.  Jittama li d-dividend ta' paċi se jħalli l-frott, itejjeb aktar l-aġenda tal-iżvilupp tal-pajjiż u jippermetti liċ-ċittadini tiegħu u għadd dejjem akbar ta' viżitaturi barranin jgawdu bis-sħiħ il-potenzjal naturali u kulturali li joffri; jenfasizza li stabilità fit-tul titlob rikonċiljazzjoni ġenwina bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-popolazzjonijiet lokali;

5.  Jinnota bi tħassib li l-preżenza tal-forzi militari tal-gvern fiż-żoni fejn qabel kien hemm il-kunflitt għadha konsiderevoli, qed twassal għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem inkluż il-ħtif tal-art, b'aktar minn elf kawża pendenti fil-qrati li jinvolvu sidien ta' art li tilfu l-proprjetà tagħhom, u għadd inkwetanti ta' attakki sesswali rappurtati u abbużi oħra kontra n-nisa, filwaqt li nqisu l-vulnerabilità partikolari tal-għexieren ta' eluf ta' romol tal-gwerra;

6.  Ifaħħar il-pjan ta' azzjoni nazzjonali għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għat-Tagħlimiet Miksuba u r-Rikonċiljazzjoni (LLRC), u jistieden lill-gvern jintensifika l-isforzi tiegħu biex jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet, jiġifieri billi jwettaq investigazzjonijiet kredibbli tal-allegazzjonijiet ta' qtil extraġudizzjarju u għajbien furzat, ikompli jiddemilitarizza t-Tramuntana tas-Sri Lanka, joħloq mekkaniżmi imparzjali kompluti ta' tilwim dwar l-artijiet, jerġa' jevalwa l-politiki tad-detenzjoni, isaħħaħ istituzzjonijiet ċivili li qabel kienu indipendenti bħall-forza tal-pulizija, il-ġudikatura u l-Kumissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jasal għal riżoluzzjoni politika fit-tul dwar id-devoluzzjoni ulterjuri tal-poter lill-provinċji; jitlob lill-Kummissjoni ta' Inkjesta Presidenzjali tkopri l-għajbien mhux biss fil-Provinċji tat-Tramuntana u tal-Lvant, iżda wkoll fil-bqija tal-pajjiż;

7.  Jesprimi tħassib konsiderevoli dwar ir-rapporti kontinwi ta' intimidazzjoni u ksur tad-drittijiet tal-bniedem (fosthom mill-forzi tas-sigurtà), qril extraġudizzjarju, tortura u ksur tal-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, flimkien ma' rappreżelji kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, membri tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti, theddid għall-indipendenza ġudizzjarja u l-istat tad-dritt, u d-diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew twemmin; jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka jieħu l-miżuri neċessarji;

8.  Jilqa' l-passi riċenti min-naħa tal-amministrazzjoni biex tinvestiga l-qtil allegat mill-forzi tal-gvern ta' 17-il ħaddiem lokali li jipprovdu l-għajnuna tal-organizzazzjoni karitattiva Franċiża 'Action for Hunger' fil-belt tat-Tramuntana ta' Muttur, flimkien mal-qtil ta' ħames żgħażagħ fi Trincomalee fl-2006; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jagħmlu kulma jistgħu biex dawk li wettqu dawn il-massakri jiġu proċessati;

9.  Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sri Lanka jaġixxi fuq it-talbiet għal responsabbilizzazzjoni għall-allegat ksur waqt il-gwerra tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju billi tinfetaħ investigazzjoni indipendenti u kredibbli dwar l-allegat ksur sa Marzu 2014, u jqis li inkella n-NU għandha tiftaħ investigazzjoni internazzjonali;

10. Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sri Lanka jabbozza liġi effettiva dwar il-protezzjoni tax-xhieda sabiex ix-xhieda ta' tali reati jingħataw protezzjoni suffiċjenti;

11. Ifaħħar l-attivitajiet ta' tneħħija ta' mini tal-armata tas-Sri Lanka u l-NGOs internazzjonali bħal Halo Trust, u jirrikonoxxi l-finanzjament konsiderevoli li ngħata mill-UE u l-finanzjament addizzjonali mħabbar mir-Renju Unit; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sri Lanka u l-forzi armati, flimkien mal-UE u l-Istati Membri tagħha, ikomplu jipprovdu r-riżorsi meħtieġa għal iktar tindif tal-mini tal-art, li huma ostakolu serju għar-rijabilitazzjoni u r-riġenerazzjoni ekonomika; jerġa' jitlob lis-Sri Lanka tissieħeb fit-Trattat ta' Ottawa ta' Projbizzjoni tal-Mini;

12. Jinnota bi tħassib li, skont ir-'Rapport tax-Xejriet u s-Sitwazzjoni tat-Terroriżmu tal-UE' reċenti tal-Europol, il-LTTE, li fil-passat wettqu attakki terroristi indiskriminati, għadhom attivi fil-livell internazzjonali;

13. Jistieden lin-NU u lill-Istati Membri tagħha janalizzaw bir-reqqa n-nuqqasijiet tal-komunità internazzjonali fis-Sri Lanka u jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw li, jekk tinsab f'sitwazzjoni simili fil-futur, in-NU tkun tista' tilħaq standards ħafna ogħla f'termini ta' ssodisfar tar-responsabbilitajiet ta' protezzjoni u umanitarji tagħa;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Gvern u lill-Parlament tas-Sri Lanka.