Proċedura : 2014/2551(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0122/2014

Testi mressqa :

RC-B7-0122/2014

Dibattiti :

PV 06/02/2014 - 15.1
CRE 06/02/2014 - 15.1

Votazzjonijiet :

PV 06/02/2014 - 16.1

Testi adottati :

P7_TA(2014)0107

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 145kWORD 80k
5.2.2014
PE527.322v01-00}
PE527.323v01-00}
PE527.325v01-00}
PE527.326v01-00}
PE527.327v01-00} RC1
 
B7-0122/2014}
B7-0123/2014}
B7-0125/2014}
B7-0126/2014}
B7-0127/2014} RC1

imressqa skont l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

S&D (B7‑0122/2014)

PPE (B7‑0123/2014)

ALDE (B7‑0125/2014)

ECR (B7‑0126/2014)

Verts/ALE (B7‑0127/2014)


dwar is-sitwazzjoni fit-Tajlandja (2014/2551(RSP))


José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Krzysztof Lisek, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Bernd Posselt, Filip Kaczmarek, Tunne Kelam, Elena Băsescu, Monica Luisa Macovei, Mariya Gabriel, Philippe Boulland, Jean Roatta, Eduard Kukan, Roberta Angelilli, Petri Sarvamaa, Eija-Riitta Korhola, Giovanni La Via, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Sari Essayah, Seán Kelly, Joachim Zeller, Laima Liucija Andrikienė, Davor Ivo Stier, Salvador Sedó i Alabart, Jarosław Leszek Wałęsa, Bogusław Sonik f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Robert Goebbels, Marc Tarabella, Joanna Senyszyn, Ana Gomes, Liisa Jaakonsaari, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mitro Repo f'isem il-Grupp S&D
Phil Bennion, Marietje Schaake, Alexander Graf Lambsdorff, Louis Michel, Leonidas Donskis, Marielle de Sarnez, Izaskun Bilbao Barandica, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Angelika Werthmann, Sarah Ludford, Hannu Takkula, Robert Rochefort f'isem il-Grupp ALDE
Reinhard Bütikofer, Gerald Häfner, Nicole Kiil-Nielsen, Raül Romeva i Rueda, Rui Tavares f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Adam Bielan f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fit-Tajlandja (2014/2551(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tajlandja tal-5 ta' Frar 2009(1), tal-20 ta' Mejju 2010(2), u tas-17 ta' Frar 2011(3),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali tat-Tajlandja li tressaq quddiem il-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, tal-5 ta' Ottubru 2011,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli għall-UE Catherine Ashton, tas-26 ta' Novembru 2013 dwar is-sitwazzjoni politika fit-Tajlandja, tat-13 ta' Diċembru 2013 u tat-23 ta' Jannar 2014 dwar il-ġrajjiet reċenti fit-Tajlandja, u tat-30 ta' Jannar 2014 dwar l-elezzjonijiet li ġejjin,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea bi ftehim mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE fit-Tajlandja fit-2 ta' Diċembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-laqgħat mal-istampa li kellu l-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fis-26 ta' Diċembru 2013 u l-14 ta' Jannar 2014,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–       wara li kkunsidra l-Prinċipji Bażiċi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi tal-1990,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi d-dimostrazzjonijiet bdew f'Novembru 2013, wara li l-Kamra Inferjuri tal-Parlament Tajlandiż adotta liġi ta' amnestija, introdotta mill-Partit Pheu Thai (PTP) li qiegħed fil-Gvern, għal diversi reati mwettqa mill-2004 'l hawn minn mexxejja politiċi u uffiċjali tal-Gvern, inkluż ħu l-Prim Ministru Yingluck Shinawatra, l-eks-Prim Ministru Thaksin Shinawatra; billi l-eks-Prim Ministru ilu jgħix f'eżilju volontarju mill-2008 biex jevita sentenza ta' ħabs ta' sentejn wara kundanna f'każ relatat mal-korruzzjoni;

B.     billi, bħala protesta għal-liġi ta' amnestija, bdew jiġu organizzati dimostrazzjonijiet paċifiċi f'Bangkok fil-11 ta' Novembru 2013, immexxija mill-eks-Deputat Prim Ministru Suthep Thaugsuban, mexxej ta' grupp kontra l-gvern, il-Kumitat tal-Poplu għal Riforma Demokratika (PDRC); billi l-protesti fit-toroq issoktaw minkejja l-fatt li s-Senat Tajlandiż ma laqax il-liġi ta' amnestija;

C.     billi fl-20 ta' Novembru 2013, il-Qorti Kostituzzjonali ma laqgħetx emenda proposta għall-Kostituzzjoni li tittrasforma s-Senat f'korp għalkollox elett, u lanqas ma laqgħet petizzjoni tal-oppożizzjoni biex jiġi xolt il-Partit Pheu Thai, ħaġa li qanqlet aktar protesti kontra l-Gvern;

D.     billi d-Deputat Prim Ministru Suthep Thaugsuban akkuża lill-Gvern li huwa illeġittimu u ppropona li l-Parlament għandu jċedi postu għal "Kunsill tal-Poplu" mhux elett biex dan iwettaq riformi politiċi u istituzzjonali;

E.     billi waqt it-taqlib li dam sejjer xhur sħaħ, bosta persuni nqatlu u mijiet oħra sfaw midruba, fosthom Kwanchai Praipana, mexxej tal-fazzjoni favur il-Gvern tat-Tajlandja, li ndarab b'arma tan-nar fit-22 ta' Jannar 2014, kif ukoll Suthin Tharatin, mexxej ta' moviment kontra l-Gvern, li nqatel b'arma tan-nar fis-26 ta' Jannar 2014;

F.     billi fil-21 ta' Jannar 2014, il-Prim Ministru Yingluck Shinawatra ħabbar stat ta' emerġenza ta' 60 jum fil-belt kapitali Bangkok u l-provinċji tal-madwar, u pprojbixxa laqgħat pubbliċi ta' aktar minn ħames persuni, ippermetta l-arrest għal 30 jum ta' persuni sospettati bi vjolenza, awtorizza ċ-ċensura ta' aħbarijiet li jqanqlu vjolenza u ggarantixxa l-immunità mill-prosekuzzjoni kriminali lill-aġenziji u l-uffiċjali tal-Gvern involuti fl-infurzar tad-digriet;

G.     billi l-Qorti Kostituzzjonali fl-24 ta' Jannar 2014 iddeċidiet li l-elezzjonijiet jistgħu jiġu posposti minħabba t-taqlib, iżda l-Gvern iddeċieda li jibqa' sejjer kif pjanat bil-votazzjonijiet antiċipati jibdew fis-26 ta' Jannar 2014;

H.     billi l-elezzjonijiet ġenerali saru fit-Tajlandja fit-2 ta' Frar 2014 u l-votazzjoni bdiet fis-26 ta' Jannar 2014, minkejja t-talba tal-Kummissjoni Elettorali biex l-elezzjonijiet jiġu posposti minħabba t-taqlib li għaddej;

I.      billi l-partit ewlieni tal-oppożizzjoni, il-Partit Demokratiku, ħabbar li kien se jirtira mill-elezzjonijiet li kellhom iseħħu fit-2 ta' Frar 2014;

J.      billi fis-26 ta' Jannar 2014 il-votazzjoni ġiet ikkanċellata fi 83 kostitwenza mit-375 eżistenti fil-pajjiż minħabba li d-dimostranti kontra l-Gvern imbarraw l-aċċess għall-postijiet tal-votazzjoni, ibblokkaw lill-uffiċjali elettorali u waqqfu lill-votanti milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-vot;

K.     billi, minkejja l-fatt li ftit nies ħarġu jivvutaw, wara li saret laqgħa mal-Kummissjoni Elettorali fit-28 ta' Jannar 2014 il-Prim Ministru kkonferma li d-data tal-elezzjonijiet, dik tat-2 ta' Frar 2014, kienet se tibqa' l-istess;

L.     billi ma saret l-ebda votazzjoni f'disa' provinċji, u jingħad li l-protestanti sfrattaw ir-reġistrazzjoni elettorali u bblokkaw il-votazzjoni f'xi nħawi ta' Bangkok u n-Nofsinhar tal-pajjiż, b'madwar 69 distrett minn 375 u 8.75 miljun votant milquta mit-taqlib;

M.    billi l-liġi Tajlandiża tistipula li l-leġiżlatura ma tistax terġa' tiftaħ sakemm ma jimtlewx 95 % (jew 475 siġġu) mill-500 siġġu; billi għal din ir-raġuni se jkollhom isiru elezzjonijiet każwali fiż-żoni affettwati;

N.     billi l-Parlament mhux se jkun jista' jissejjaħ u ma jistax jinħoloq Gvern ġdid, u hemm it-theddida li tintilef l-awtorità politika ċentrali, fattur li probabbilment se jtawwal il-perjodu ta' kriżi;

1.      Jesprimi tħassib profond dwar il-fatt li d-differenzi politiċi u soċjoekonomiċi ddeġeneraw fi skontri vjolenti bejn il-Gvern u l-oppożizzjoni, id-dimostranti u l-forzi tas-siġurtà fit-Tajlandja, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Tajlandiż li bata minħabba t-taqlib u mal-familji kollha tal-vittmi li nqatlu jew li ndarbu f'dawn l-aħħar xhur;

2.      Jistieden lill-awtoritajiet Tajlandiżi jinvestigaw bis-sħiħ il-każijiet reċenti ta' vjolenza li wasslu għal bosta mwiet u tidrib u jħarrku lil dawk responsabbli;

3.      Jisteden lill-partijiet kollha jirrispettaw l-istat tad-dritt u jimxu mal-prinċipji demokratiċi; jenfasizza li l-elezzjonijiet iridu jkunu liberi u ġusti u jikkundanna l-azzjonijiet distruttivi tad-dimostranti kontra l-Gvern li ma ħallewx lill-votanti jitfgħu l-vot tagħhom fis-26 ta' Jannar 2014 u t-2 ta' Frar 2014;

4.      Jistieden lill-awtoritajiet Tajlandiżi jipproteġu l-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni; jappella għall-awtoritajiet biex jirrevokaw minnufih l-istat ta' emerġenza, ladarba l-liġijiet eżistenti huma adegwati biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali;

5.      Jistieden lil dawk li jappoġġjaw lill-Gvern u d-dimostranti kontra l-Gvern iżommu milli jinfexxu fi kwalunkwe vjolenza politika u jagħmlu passi 'l quddiem fi ħdan il-qafas demokratiku u kostituzzjonali tat-Tajlandja;

6.      Jistieden lill-mexxejja tal-Partit Demokratiku jħallu lill-parlament, elett mill-poplu tat-Tajlandja, iwettaq il-mandat tiegħu;

7.      Jenfasizza l-fatt li l-proposta tal-Kumitat tal-Poplu għal Riforma Demokratika għat-twaqqif ta' "Kunsill tal-Poplu" mhux elett biex jieħu post il-Gvern u jiggverna l-pajjiż għal sentejn mhijiex demokratika;

8.      Iħeġġeġ lill-Gvern, il-Kummissjoni Elettorali u l-oppożizzjoni jimpenjaw ruħhom minnufih fi djalogu kostruttiv u jagħtu bidu għal proċess inklużiv u marbut bil-ħin ta' riformi istituzzjonali u politiċi, li jistgħu jiġu approvati permezz ta' referendum nazzjonali u segwiti minn elezzjonijiet inklużivi, siguri, liberi u ġusti;

9.      Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem sejħet laqgħa konsultattiva li tlaqqa' intellettwali, rappreżentanti tal-movimenti soċjali, mexxejja reliġjużi u l-erba' eks-Prim Ministri, Anand Panyarachun, Banharn Silapa-acha, Chavalit Yongchaiyudh u Chuan Leekpai, biex tinstab u titressaq soluzzjoni ħalli tintemm din il-kriżi;

10.    Iħeġġeġ lill-uffiċjali tal-armata jżommu n-newtralità tagħhom u jiżvolġu rwol pożittiv sabiex jiżguraw riżoluzzjoni paċifika tal-kriżi li għaddejja;

11.    Jinsab imħasseb rigward l-okkupazzjoni tal-bini ta' uffiċċji pubbliċi u stazzjonijiet tax-xandir televiżiv, l-intimidazzjoni tal-mezzi tax-xandir u l-akkużi ta' diffamazzjoni kriminali li tressqu kontra żewġ ġurnalisti bbażati f'Phuket;

12.    Ifakkar li l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi jistabbilixxu li l-awtoritajiet, kemm jista' jkun, għandhom japplikaw mezzi mhux vjolenti qabel ma jagħmlu użu mill-forza u mill-armi tan-nar, u kull meta l-użu legali ta' dawn tal-aħħar ikun inevitabbli, l-awtoritajiet għandhom jillimitaw dan l-użu u jaġixxu b'mod proporzjonali għas-serjetà tar-reat;

13.    Jiddikjara l-appoġġ tiegħu għad-demokrazija fit-Tajlandja, filwaqt li jinnota n-natura eċċellenti tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Tajlandja u r-rwol tat-Tajlandja bħala għejun ta' prosperità u stabbiltà fir-reġjun; jenfasizza l-fatt li bħalissa għaddejjin negozjati għal Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u t-Tajlandja u li l-Ftehimiet FSK li diġà ġew konklużi, is-soltu jirrikjedu li ż-żewġ partijiet jaffermaw mill-ġdid ir-rabta b'saħħitha tagħhom mal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem;

14.    Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tagħmel dak kollu li tista' biex twaqqaf il-vjolenza; iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex issegwi s-sitwazzjoni politika mill-qrib u tikkoordina l-azzjonijiet mal-ASEAN u n-Nazzjonijiet Uniti sabiex jitrawwem id-djalogu u tissaħħaħ id-demokrazija fil-pajjiż;

15.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u l-Parlament tat-Tajlandja, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

(1)

ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 144.

(2)

ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 152.

(3)

ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 57.

Avviż legali - Politika tal-privatezza