MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
5.2.2014 - (2014/2547(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0138/2014)
ALDE (B7‑0139/2014)
S&D (B7‑0140/2014)
PPE (B7‑0158/20140158/2014)
ECR (B7‑0163/2014)
EFD (B7‑0164/2014)
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Mairead McGuinness, Jacek Saryusz-Wolski, Laima Liucija Andrikienė, Roberta Angelilli, Elena Băsescu, Ivo Belet, Jerzy Buzek, Arnaud Danjean, Mário David, Mariya Gabriel, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Andrzej Grzyb, Gunnar Hökmark, Elisabeth Jeggle, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Monica Luisa Macovei, Francisco José Millán Mon, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Nadezhda Neynsky, Ria Oomen-Ruijten, Alojz Peterle, Andrej Plenković, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, György Schöpflin, Salvador Sedó i Alabart, Bogusław Sonik, Davor Ivo Stier, Inese Vaidere f'isem il-Grupp PPE
Libor Rouček, Ana Gomes, Tonino Picula, Maria Eleni Koppa, Liisa Jaakonsaari, Boris Zala, David Martin f'isem il-Grupp S&D
Guy Verhofstadt, Johannes Cornelis van Baalen, Graham Watson, Louis Michel, Leonidas Donskis, Marietje Schaake, Marielle de Sarnez, Ramon Tremosa i Balcells, Sarah Ludford, Gerben-Jan Gerbrandy, Hannu Takkula, Alexander Graf Lambsdorff f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Werner Schulz, Mark Demesmaeker, Indrek Tarand, Raül Romeva i Rueda, Tarja Cronberg f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Paweł Robert Kowal, Marek Henryk Migalski, Adam Bielan f'isem il-Grupp ECR
Jaroslav Paška f'isem il-Grupp EFD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-eżitu tas-summit ta' Vilnjus u l-futur tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fir-rigward tal-Ukraina[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar "Il-Politika Ewropea tal-Viċinat: ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha. Il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti ta' progress 2012"[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-pressjoni mir-Russja fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (fil-kuntest tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li jmiss f’Vilnjus)[3],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Vilnjus fid-29 ta' Novembru 2013,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Jannar 2014 dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra r-riżenja tal-Prim Ministru Azarov u tal-gvern tiegħu fit-28 ta' Jannar 2014,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tad-29 ta' Jannar 2014 tal-Prim Ministri tal-pajjiżi tal-Grupp Visegrad dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni l-ġdid inizjalat fit-30 ta' Marzu 2012,
– wara li kkunsidra s-Summit UE-Russja tat-28 ta' Jannar 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-dimostrazzjonijiet li bdew aktar minn xahrejn ilu konsegwenza tad-deċiżjoni tal-President Yanukovych li ma jiffirmax il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-UE għadhom għaddejjin sal-lum fil-kapitali u l-iskuntentizza qed tinfirex għal bliet oħra, inklużi r-reġjuni fil-Lvant tal-Ukraina; billi r-rivoluzzjoni popolari fl-Ukraina issa laħqet il-parti l-kbira tar-reġjuni, u l-amministrazzjonijiet ta' dawk ir-reġjuni jinsabu taħt il-kontroll tal-poplu;
B. billi matul dawn l-aħħar ġimgħat is-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar b'ritmu mgħaġġel, hekk kif in-nies niżlu fit-toroq għad-difiża tad-demokrazija u tal-libertajiet ċivili wara repressjonijiet brutali kommessi mill-pulizija kontra l-irvellijiet Berkut fuq id-dimostranti, l-attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti;
C. billi minkejja l-pressjoni internazzjonali, l-awtoritajiet Ukraini qed ikomplu jsegwu politika ta' intimidazzjoni, repressjoni, tortura u vjolenza kontra d-dimostranti, li wasslet biex indarbu 'l fuq minn 2 000 persuna, filwaqt li nħatfu bosta nies u nqatlu tal-inqas sitt persuni;
D. billi l-adozzjoni, fis-16 ta' Jannar 2014, ta' serje ta' liġijiet kontra d-dimostrazzjonijiet, li jillimitaw serjament il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda pprovokaw għadab madwar id-dinja u kunflitti vjolenti fi Kiev li rriżultaw fit-telfa ta' ħajjiet umani;
E. billi kwalunkwe repressjoni forzata jew dikjarazzjoni ta' stat ta' emerġenza għandha titqies bħala att kriminali u li tikser id-drittijiet fundamentali b'konsegwenzi internazzjonali profondi;
F. billi fiż-żjara f'Kiev mit-28 sat-30 ta' Jannar 2014 id-delegazzjoni ad hoc mill-Parlament Ewropew iltaqgħet mal-awtoritajiet u mal-EuroMaidan, l-oppożizzjoni politika u l-mexxejja tal-knisja u kisbet analiżi dettaljata u fil-fond tas-sitwazzjoni fl-Ukraina;
1. Jilqa' l-ispirtu demokratiku u r-reżiljenza tal-poplu Ukrain wara xahrejn ta' protesti kuraġġużi li ffaċċjaw ir-reazzjoni brutali mill-awtoritajiet u jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tal-poplu għal Ukraina ħielsa, demokratika u indipendenti u għall-perspettiva Ewropea tagħha;
2. Jesprimi tħassib profond dwar il-kriżi politika serja fl-Ukraina u dwar il-konfrontazzjonijiet vjolenti f'Kiev u fi bliet oħra Ukraini; jappella bil-qawwa għal soluzzjoni politika għall-kriżi u jinsisti fuq dibattitu tassew demokratiku dwar il-modi u l-mezzi biex tingħeleb il-konfrontazzjoni u d-diviżjoni fil-pajjiż;
3. Jikkundanna bil-qawwa t-tiħrix tal-vjolenza kontra ċ-ċittadini paċifiċi, il-ġurnalisti, l-istudenti, l-attivisti tas-soċjetà ċivili, il-politiċi tal-oppożizzjoni u l-kleru, u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u lill-vittmi tal-vjolenza fl-Ukraina; jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet ċivili u l-libertajiet fundamentali tal-persuni u jieħdu passi immedjati biex itemmu l-istat ta' impunità billi jinvestigaw u jikkastigaw lil dawk responsabbli mill-vjolenza kontra dimostranti paċifiċi;
4. Jistieden ukoll lid-dimostranti ta' Pjazza Maidan joqogħdu lura mill-użu tal-forza u jiddefendu l-leġittimità tal-kawża tagħhom b'mod paċifiku, u jitlob lill-mexxejja kollha tal-oppożizzjoni jkomplu jevitaw il-vjolenza mhux provokata u jżommu d-dimostrazzjoni waħda paċifika;
5. Jinsab imħasseb dwar l-użu eċċessiv ta' vjolenza mill-forzi tas-sigurtà u mit-Titushki u dwar l-azzjonijiet vjolenti tal-ultranazzjonalisti;
6. Jesiġi b'mod partikolari li l-President Yanukovych iwaqqaf l-iskjerament deplorevoli ta' pulizija kontra l-irvellijiet Berkut u ta' forzi tas-sigurtà oħrajn biex jipprovokaw, jaħtfu, jagħtu fastidju, jittorturaw, isawtu u jumiljaw lis-sostenituri tal-EuroMaidans, kif ukoll l-arresti arbitrarji u l-arrest preventiv twil iżżejjed qabel il-proċess; jinsab partikolarment imħasseb dwar rapporti ta' tortura u jenfasizza l-impenji internazzjonali tal-Ukraina f'dan ir-rigward; jirrimarka l-każ l-aktar reċenti ta' Dmytro Bulatov, il-mexxej ta' "AutoMaidan", li nħataf u ġie ttorturat;
7. Jistieden lill-President Yanukovych jordna li dawn il-prattiki jieqfu u jesiġi l-ħelsien immedjat u inkondizzjonat u r-riabilitazzjoni politika tad-dimostranti u tal-priġunieri politiċi kollha miżmuma illegalment, fosthom Yulia Tymoshenko; jappella biex jitwaqqaf kumitat ta' inkjesta indipendenti taħt l-awspiċji ta' korp internazzjonali rikonoxxut, bħall-Kunsill tal-Ewropa, bil-għan li jinvestiga l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ mill-bidu tad-dimostrazzjonijiet;
8. Ifakkar li l-UE lesta tiffirma AA/DCFTA mal-Ukraina hekk kif tingħeleb il-kriżi politika u meta jintlaħqu r-rekwiżiti rilevanti kif definit mill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-10 ta' Diċembru 2012, u appoġġat mir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta' Diċembru 2012;
9. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Verkhovna Rada li jirrevoka l-liġijiet kontra d-dimostrazzjonijiet, u l-iffirmar tagħha mill-President Yanukovych, bħala pass pożittiv lejn ir-riżoluzzjoni politika tal-kriżi; jiddispjaċih, madankollu, li l-liġi tal-amnestija li tibdel il-vittmi f'ostaġġi ġiet approvata fid-29 ta' Jannar mingħajr il-kunsens tal-oppożizzjoni; huwa tal-fehma li l-ħelsien inkondizzjonat tad-dimostranti jista' jiffaċilita ħafna d-djalogu u jikkalma s-soċjetà;
10. Iħeġġeġ lill-President u lill-gvern jimpenjaw ruħhom serjament fi djalogu inklużiv mal-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u d-dimostranti ta' Pjazza Maidan bil-għan li tonqos it-tensjoni u l-polarizzazzjoni li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni u li jinstabu soluzzjonijiet biex tingħeleb il-kriżi politika u soċjali attwali tal-Ukraina permezz ta' mezzi paċifiċi;
11. Ifakkar lill-President Yanukovych fir-responsabbiltà tiegħu quddiem il-poplu Ukrain u l-komunità internazzjonali li jżomm lura milli juża metodi repressivi, isib rimedju għall-kriżi politika attwali u jirrispetta d-dritt ta' dimostrazzjoni paċifika;
12. Jappella biex l-UE tkompli tinvolvi ruħha fil-medjazzjoni u l-iffaċilitar ta' proċess li jwassal għal tnaqqis fit-tensjoni, djalogu politiku aktar kostruttiv fil-pajjiż u soluzzjoni għall-kriżi, u biex tiċċekken il-lakuna ta' nuqqas totali ta' fiduċja; jisħaq fuq il-fatt li tali djalogu għandu jkun trasparenti u jinvolvi b'mod sħiħ lill-EuroMaidan u lis-soċjetà ċivili;
13. Huwa tal-fehma, wara talbiet numerużi minn ċittadini ordinarji, attivisti u politiċi Ukraini, li l-involviment attiv tal-Membri tal-Parlament Ewropew f'Kiev taf tipprevjeni t-tiħrix ulterjuri tal-kriżi u jappella, f'dan ir-rigward, biex tiġi stabbilita missjoni permanenti tal-Parlament Ewropew fl-Ukraina, bil-għan li tnaqqas it-tensjoni u taġevola d-djalogu bejn il-partijiet; jagħti struzzjonijiet lill-Konferenza tal-Presidenti biex twaqqaf din il-missjoni mill-aktar fis possibbli;
14. Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni immedjata, inklużi aktar pressjoni diplomatika u t-tħejjija ta' miżuri mmirati personalizzati (sanzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi u tal-proprjetà) fir-rigward ta' dawk l-uffiċjali u leġiżlaturi Ukraini kollha u l-parrini kummerċjali (oligarki) tagħhom li huma responsabbli għar-repressjonijiet u l-imwiet tad-dimostranti, u jżidu l-isforzi biex iwaqqfu l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa minn kumpaniji u negozjanti Ukraini f'banek Ewropej;
15. Jitlob lill-UE, lill-Istati Uniti, lill-FMI, lill-Bank Dinji, lill-BERŻ u lill-BEI jkomplu jħejju pakkett ta' appoġġ finanzjarju fit-tul biex jgħinu lill-Ukraina tindirizza s-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali li sejra għall-agħar u jagħtuha appoġġ ekonomiku biex il-gvern iniedi r-riformi profondi u komprensivi meħtieġa għall-ekonomija tal-Ukraina;
16. Jilqa' u jappoġġa l-ħidma li għaddejja mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti biex jinħoloq pakkett ta' appoġġ sostanzjali għall-Ukraina li għandu jiġi offrut lil gvern interim ġdid kredibbli sabiex tittaffa s-sitwazzjoni diffiċli preżenti fir-rigward tal-ħlasijiet;
17. Huwa tal-fehma li waħda mill-miżuri importanti biex tissolva l-kriżi fl-Ukraina hu r-ritorn għall-Kostituzzjoni tal-2004, li ġiet abolita illegalment fl-2010 mill-Qorti Kostituzzjonali, mingħajr ma kkonsultat lill-Parlament Ukrain, flimkien mal-istabbiliment ta' gvern interim u elezzjonijiet bikrija;
18. Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jimpenjaw ruħhom favur ftuħ wiesa' lejn is-soċjetà Ukraina, b'mod partikolari permezz ta' ftehim rapidu dwar reġim ta' viża mingħajr ħlas, u eventwalment reġim mingħajr viża; huwa tal-fehma li t-tariffa tal-viża għandha minnufih titnaqqas drastikament għaż-żgħażagħ Ukraini, flimkien mat-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar ir-riċerka, aktar skambji għaż-żgħażagħ u disponibbiltà akbar ta' boroż ta' studju;
19. Iqis li għandhom isiru aktar sforzi biex l-Ukraina tiġi inkluża fis-suq tal-enerġija intern tal-UE permezz tal-Komunità tal-Enerġija;
20. Jistieden lir-Russja tadotta atteġġjament kostruttiv u twaqqaf il-miżuri ta' ritaljazzjoni u pressjoni indebita intiża li timmina d-dritt sovran tal-ġirien tagħha li jiddeterminaw liberament il-ġejjieni tagħhom; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jitkellmu mar-Russja b'vuċi waħda b'appoġġ għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL) li jagħżlu liberament li japprofondixxu r-relazzjonijiet tagħhom mal-UE; jenfasizza li l-impożizzjoni politika, ekonomika jew xort'oħra hija bi ksur tal-Att Finali ta' Ħelsinki u tal-Memorandum ta' Budapest tal-1994 dwar is-sigurtà tal-Ukraina; jirrimarka li kemm l-UE kif ukoll ir-Russja għandhom responsabbiltà biex jagħtu kontribut attiv lejn il-paċi u l-prosperità fil-viċinat komuni li jibbenefikaw minnhom kemm l-UE u kemm ir-Russja; itenni t-twemmin tiegħu li l-kooperazzjoni hija l-unika triq għall-kisba ta' dan l-objettiv;
21. Jappoġġa l-parteċipazzjoni ulterjuri tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta' riforma nazzjonali; iħeġġeġ kooperazzjoni interparlamentari msaħħa mal-Assemblea Parlamentari Euronest; jilqa' l-involviment tal-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tas-Sħubija tal-Lvant;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-President tal-Ukraina, lill-Gvern tal-Ukraina, lill-Verkhovna Rada, lill-Assemblea Parlamentari Euronest u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0595.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2013)0446.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2013)0383.