Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0150/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0150/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-Summit UE-Russja

5.2.2014 - (2014/2533(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ALDE (B7‑0150/2014)
ECR (B7‑0151/2014)
S&D (B7‑0152/2014)
PPE (B7‑0156/2014)
GUE/NGL (B7‑0159/2014)

Ria Oomen-Ruijten, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Mairead McGuinness, Cristian Dan Preda, Roberta Angelilli, Arnaud Danjean, Paweł Zalewski, Michael Gahler, Francisco José Millán Mon, Bernd Posselt, Alf Svensson, Monica Luisa Macovei, Marietta Giannakou, Anna Ibrisagic, Eduard Kukan, Laima Liucija Andrikienė, Davor Ivo Stier, Tunne Kelam, Tokia Saïfi, György Schöpflin, Andrzej Grzyb, Krzysztof Lisek, Nadezhda Neynsky, Daniel Caspary, Elena Băsescu, Petri Sarvamaa, Andrej Plenković, Salvador Sedó i Alabart f'isem il-Grupp ALDE
Libor Rouček, Knut Fleckenstein, Ana Gomes, Justas Vincas Paleckis, Boris Zala, Liisa Jaakonsaari, Tonino Picula, Michael Cashman f'isem il-Grupp S&D
Guy Verhofstadt, Kristiina Ojuland, Leonidas Donskis, Graham Watson, Louis Michel, Sophia in 't Veld, Marietje Schaake, Johannes Cornelis van Baalen, Ramon Tremosa i Balcells, Sarah Ludford, Alexander Graf Lambsdorff f'isem il-Grupp ALDE
Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Helmut Scholz f'isem il-Grupp GUE/NGL


Proċedura : 2014/2533(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0150/2014
Testi mressqa :
RC-B7-0150/2014
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Summit UE-Russja

(2014/2533(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, kif ukoll in-negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehim ġdid UE-Russja,

–   wara li kkunsidra s-"Sħubija għall-Modernizzazzjoni" li bdiet fl-2010 f’Rostov-on-Don u l-impenn meħud mit-tmexxija Russa favur l-istat tad-dritt bħala bażi fundamentali għall-modernizzazzjoni tar-Russja,

–   wara li kkunsidra l-objettiv kondiviż mill-UE u r-Russja, stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fil-31 ta' Mejju 2003 wara l-11-il Summit UE-Russja li sar f'San Pietruburgu, dwar il-ħolqien ta' spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju komuni ta’ kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta’ riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali ("l-erba' spazji komuni"),

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet tat-28 ta’ Novembru 2013 bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra s-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tat-28 u d-29 ta' Novembru 2013,

–   wara li kkunsidra s-Summit UE-Russja tat-28 ta' Jannar 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Durão Barroso, u r-rimarki mill-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, wara s-Summit UE-Russja tat-28 ta' Jannar 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta UE-Russja tat-28 ta' Jannar 2014 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE tibqa’ impenjata li tapprofondixxi u tiżviluppa aktar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, kif jidher mill-impenn tagħha biex tidħol b'mod serju f'negozjati għal ftehim ta’ qafas ġdid għall-iżvilupp ulterjuri tagħhom, u billi l-UE u r-Russja stabbilixxew relazzjonijiet profondi u komprensivi, b’mod partikolari fis-setturi tal-enerġija, tal-ekonomija u tan-negozju;

B.  billi s-Summit UE-Russja tat-28 ta’ Jannar 2014 tnaqqas għal laqgħa ristretta ta’ tliet sigħat li iffukat fuq għadd limitat ta’ kwistjonijiet, fatt li jirrifletti l-isfidi fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, l-aktar minħabba l-pressjoni tar-Russja fuq is-Sħab tal-Lvant;

C. billi l-kooperazzjoni msaħħa u r-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien bejn l-UE u r-Russja huma kruċjali għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa u, b’mod partikolari, il-viċinat komuni; billi l-iżvilupp ta' sħubija strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa jista' jinbena biss fuq valuri komuni kondiviżi; billi huwa importanti ħafna li tiżdied il-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali bejn iż-żewġ sħab fl-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-fora kollha bil-għan li tittejjeb il-governanza globali u jiġu indirizzati sfidi komuni;

D. billi għad hemm tħassib fuq żviluppi fil-Federazzjoni Russa rigward ir-rispett u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tal-prinċipji demokratiċi li dwarhom sar qbil komuni u l-istat tad-dritt; billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), u għalhekk intrabtet mal-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

E.  billi fis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnius, il-parteċipanti kollha kkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-prinċipji tad-dritt internazzjonali u għall-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien, il-paċi u l-istabilità fil-pajjiżi ġirien komuni tagħhom huma fl-interess kemm tar-Russja kif ukoll tal-UE; billi għandu jiżviluppa djalogu miftuħ, liberu u orjentat lejn ir-riżultati dwar il-kriżijiet f'dawn il-pajjiżi rigward, b'mod partikolari, il-kunflitti ffriżati, bil-għan li jiġu msaħħa s-sigurtà u l-istabilità, tiġi appoġġata l-integrità territorjali tal-pajjiżi kkonċernati u jiġu żviluppati mekkaniżmi konġunti għall-ġestjoni tal-kriżijiet;

G. billi l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għandhom id-dritt sovran sħiħ u l-libertà li jibnu relazzjonijiet, bħala sħab ugwali, ma’ sħab tal-għażla tagħhom, skont il-Ftehimiet ta’ Ħelsinki;

H. billi ġie aċċellerat u sar ostili l-proċess li jistabbilixxi l-fruntiera madwar Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, bl-appoġġ tal-forzi Russi u għad-detriment tat-territorji Ġeorġjani;

I.   billi, mill-1 ta' Diċembru 2013, qed tiġi ttrasferita data dwar Informazzjoni minn Qabel ta' Passiġġieri (API) minn trasportaturi tal-ajru lill-awtoritajiet Russi, u billi mill-1 ta' Lulju 2014, l-awtoritajiet Russi se jitolbu data sħiħa tal-passiġġieri u tal-persunal għal titjiriet li jgħaddu minn fuq it-territorju Russu; billi l-awtoritajiet Russi għandhom l-għan li jistabbilixxu sistema sħiħa ta' ġbir ta' Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri;

1.  Jieħu nota tas-Summit UE-Russja tat-28 ta' Jannar 2014 bħala opportunità biex issir riflessjoni dwar in-natura u d-direzzjoni tas-Sħubija Strateġika UE-Russja u biex issir kjarifika tal-punti fuq nuqqas ta' qbil; jinnota li l-format ridott tas-Summit UE-Russja jirrifletti s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, li jippermetti skambju pragmatiku dwar kwistjonijiet topiċi, filwaqt li jissimbolizza wkoll l-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħha bħalissa l-kooperazzjoni UE-Russja; jistenna li d-diskussjonijiet se jwasslu għal titjib fil-fiduċja reċiproka u joħolqu kundizzjonijiet għal impetu politiku mġedded sabiex is-sħubija timxi 'l quddiem;

2.  Jerġa’ jafferma t-twemmin tiegħu li r-Russja għadha wieħed mis-sħab l-iktar importanti tal-Unjoni Ewropea fil-bini ta’ kooperazzjoni strateġika, peress li t-tnejn mhux biss għandhom interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda jaspiraw ukoll fit-twettiq ta' valuri demokratiċi li dwarhom sar qbil komuni; jisħaq li sabiex isir progress fir-relazzjonijiet bilaterali hija meħtieġa diskussjoni miftuħa għall-kjarifika ta' kwisjtonijiet ta' nuqqas ta' qbil reċiproku;

3.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' djalogu kontinwu u kostruttiv sabiex jiġu diskussi l-iżviluppi li qed isiru fil-viċinat komuni tagħna, flimkien ma' inizjattivi reġjonali differenti ta' integrazzjoni ekonomika, u b'mod partikolari l-implikazzjonijiet kummerċjali tagħhom, fuq il-bażi ta' impenji eżistenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); iħeġġeġ lill-UE u r-Russja sabiex isibu modi biex jagħmlu l-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali rispettivi aktar kompatibbli, filwaqt li jkomplu jaħdmu lejn viżjoni ta' kummerċ komuni u żona ekonomika fil-ġejjieni;

4.  Itenni li d-djalogu UE-Russja dwar kwistjonijiet relatati ma' viċinat komuni għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju fundamentali ta' sovranità u l-indipendenza għall-pajjiżi ġirien rigward l-għażla ta' alleanzi politiċi u kummerċjali; huwa konvint li aktar riformi politiċi u ekonomiċi fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, inkluża l-Ukraina, ibbażati fuq valuri u standards tal-UE, huma, fl-aħħar mill-aħħar, fl-interess tar-Russja stess, peress li tkun tista’ tespandi ż-żona ta’ stabilità, prosperità u kooperazzjoni madwar il-fruntieri tagħha; ifakkar fl-istedina permanenti tal-UE sabiex ir-Russja tikkontribwixxi għal dan il-proċess permezz ta’ impenn kostruttiv mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jopponi l-intenzjoni tar-Russja li tkompli tqis ir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant bħala l-isfera ta’ influwenza tagħha; jemmen li ċ-ċittadini tal-Ukraina biss għandu jkollhom id-dritt li jiddeċiedu l-futur ta’ pajjiżhom;

5.  Jiddispjaċih il-fatt li t-tmexxija Russa rigward is-Sħubija tal-Lvant tal-UE hija ta' theddida għall-interessi ekonomiċi u politiċi tagħha stess; jenfasizza l-fatt li, għall-kuntrarju, ir-Russja se tiggwadanja minn żieda fl-attivitajiet kummerċjali u ekonomiċi u li s-sigurtà tagħha se tissaħħaħ permezz ta’ viċinat stabbli u prevedibbli; jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati sinerġiji sabiex jippermettu lill-pajjiżi fil-viċinat komuni jibbenefikaw u jagħmlu l-aħjar użu mir-relazzjonijiet bilaterali kemm mal-UE kif ukoll mal-Federazzjoni Russa;

6.  Itenni li, għall-kuntrarju tal-Unjoni Doganali appoġġata mir-Russja, il-ftehimiet tal-UE mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant dwar Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) ma jipprojbixxux lil dawn tal-aħħar milli jimpenjaw ruħhom f'kummerċ ħieles ma' pajjiżi terzi; jinnota, għalhekk, li wara li ġie ffirmat ftehim ta' assoċjazzjoni inkluż DCFTA, is-Sħab tal-Lvant xorta se jkunu jistgħu jwettqu kummerċ ħieles mar-Russja skont il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles iffirmati attwalment bħala parti mill-Commonwealth ta' Stati Indipendenti (CIS);

7.  Jistenna li, jekk il-kundizzjonijiet huma preparati sew, jinbdew in-negozjati tal-ftehim il-ġdid fis-summit li jmiss li se jsir f'Sochi f'Ġunju 2014; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' progress fin-negozjati dwar FSK ġdid li jieħu post dak attwali, prinċipalment minħabba n-nuqqas ta' impenn min-naħa tar-Russja li timpenja ruħha f'negozjati sostanzjali dwar il-kapitolu kummerċjali; jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm l-impenn tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni;

8.  Jitlob għal koordinazzjoni effettiva tar-responsabilità tal-politika tal-UE dwar ir-Russja fil-mandat li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea, bi rwol ċar u ċentrali għar-Rappreżentant Għoli / Viċi President u bl-Istati Membri lesti li jitkellmu mar-Russja b'vuċi waħda;

9.  Jistieden lir-Russja tikkonforma mal-obbligi multilaterali kollha tagħha li jirriżultaw mill-adeżjoni tagħha mad-WTO u timplimenta bis-sħiħ l-impenji tagħha tad-WTO; jistieden lir-Russja tieqaf milli timponi projbizzjonijiet arbitrarji fuq prodotti mill-Istati Membri tal-UE, billi dawn il-miżuri jagħmlu ħsara għar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Membri individwali u r-Russja, u għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja;

10. Jikkundanni bil-qawwa l-attakki terroristiċi reċenti f'Volgograd; jilqa’ l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni konġunta UE-Russja tat-28 ta’ Jannar 2014 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li fiha l-UE u r-Russja ftiehmu li jikkunsidraw possibbilitajiet għal aktar tisħiħ fil-kooperazzjoni bi tweġiba għal reati mwettqa minn terroristi u minn kriminalità organizzata, jespandu l-kooperazzjoni fl-iskambju tal-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u jsir taħriġ għall-esperti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom kemm fil-qafas tan-NU kif ukoll f’fora multilaterali oħra;

11. Jinnota r-Rapporti ta’ Progress dwar l-Ispazji Komuni UE-Russja li jiddeskrivu l-progress, jew ir-rigressjoni, fl-implimentazzjoni tal-Ispazji Komuni UE-Russja u tal-pjanijiet direzzjonali adottati fl-2005; jappoġġa speċjalment il-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u jenfasizza li l-erba' Spazji Komuni jistrieħu fuq il-prinċipju tar-reċiproċità;

12. Jenfasizza l-importanza tas-sigurtà tal-enerġija u l-fatt li l-provvista tar-riżorsi naturali m'għandhiex tintuża bħala għodda politika; jissottolinja l-importanza reċiproka ta’ kollaborazzjoni fil-qasam tal-enerġija, li tirrappreżenta opportunità għal kollaborazzjoni kummerċjali u ekonomika ulterjuri f’suq miftuħ u trasparenti, fejn tkun mifhuma għalkollox il-ħtieġa tal-UE li tiddiversifika l-mogħdijiet tat-trasport u l-fornituri tal-enerġija; jenfasizza li l-prinċipji ta' interdipendenza u trasparenza għandhom ikunu l-bażi ta' din il-kooperazzjoni, flimkien ma' aċċess ugwali għas-swieq, l-infrastruttura u l-investiment; jitlob li l-kooperazzjoni UE-Russja fil-qasam tal-enerġija tkun ibbażata b’mod sod fuq il-prinċipji tas-suq intern, inkluż it-Tielet Pakkett tal-Enerġija, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess ta’ parti terza, kif ukoll fuq it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija (ECT); huwa konvint li aċċettazzjoni sħiħa tal-prinċipji tal-ECT mir-Russja jkollha effetti ta’ benefiċċju reċiproku fuq ir-relazzjonijiet bilaterali fil-qasam tal-enerġija; jitlob għal kooperezzjoni mill-qrib bejn l-UE u r-Russja rigward il-provvista ta' materja prima u metalli rari, speċjalment dawk meqjusa bħala kritiċi, u jitlob għall-konformità mar-regoli internazzjonali, speċjalment mar-regoli tad-WTO;

13. Iħeġġeġ lil-Federazzjoni Russa tintensifika l-kontribut tagħha biex tindirizza t-tibdil fil-klima; jistieden, b’mod partikolari, lir-Russja taċċetta l-mira tat-tieni perjodu ta’ impenn billi tirratifika l-Ftehim ta’ Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima;

14. Itenni l-impenn tiegħu favur l-objettiv fit-tul li jkun hemm ivvjaġġar mingħajr viżi bejn l-UE u r-Russja, fuq il-bażi ta' approċċ gradwali ffukat fuq is-sustanza u l-progress prattiku; jinnota li huma għaddejjin negozjati dwar ftehim aġġornat dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi, filwaqt li qed jiġu implimentati l-"miżuri komuni li jwasslu biex titneħħa l-viża għal vjaġġar fuq perjodu qasir"; jesprimi t-tħassib tiegħu fuq il-pjanijiet li jinkludu għadd kbir ta' uffiċjali Russi li jkollhom "passaporti ta' servizz" ta' konvenjenza fil-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi;

15. Jesprimi t-tħassib tiegħu fuq żviluppi fil-Federazzjoni Russa dwar ir-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għal prinċipji, regoli u proċeduri demokratiċi li dwarhom sar qbil komuni, b'mod partikolari rigward il-liġi ta' aġenti barranin, il-leġiżlazzjoni kontra l-LGBT, l-inkriminazzjoni mill-ġdid tal-malafama, il-liġi dwar it-tradiment u l-leġiżlazzjoni li tirregola l-protesti pubbliċi; iħeġġeġ lir-Russja tirrispetta l-impenji internazzjonali tagħha bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa;

16. Jilqa' l-każijiet reċenti ta' amnestija u jenfasizza l-fatt li għarfien ċar u affidabbli tal-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem, u l-istat tad-dritt se jgħin ukoll fil-progress tas-sħubija strateġika tagħna; jenfasizza li sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u effiċjenti hija element ewlieni tal-istat tad-dritt, u tikkontribwixxi ħafna għall-iżvilupp ta' ambjent kummerċjali affidabbli u stabbli u klima ta' investiment;

17. Itenni t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u n-nuqqas ta’ kwalunkwe evoluzzjoni fil-modalitajiet tal-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja; jiddispjaċih, b’mod partikolari, mill-fatt li dan id-djalogu aktar sar proċess milli mezz, li permezz tiegħu jinkisbu riżultati tanġibbli u li jistgħu jitkejlu; jinsisti għal darb’oħra fuq il-ħtieġa li jkunu inklużi indikaturi pubbliċi ta’ progress f’dawn il-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jitjiebu l-modalitajiet ta’ djalogu, pereżempju billi jiġu alternati l-postijiet tal-konsultazzjonijiet, permezz ta’ interazzjoni bejn NGOs Russi u l-awtoritajiet Russi bħala parti minn dan il-proċess u fuq il-kompożizzjoni tad-delegazzjoni Russa, u biex jinħarġu valutazzjonijiet pubbliċi tal-progress fl-okkażjoni tas-Summit UE-Russja u wara l-laqgħat tal-Kunsill ta’ Sħubija;

18. Jitlob lir-Russja tħassar kompletament il-liġi federali dwar il-"propaganda għal relazzjonijiet sesswali mhux tradizzjonali" u liġijiet simili reġjonali kontra l-propaganda li jillimitaw id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda fir-rigward ta' orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru; jesprimi t-tħassib ġenwin tiegħu fuq il-konsegwenzi negattivi ta' dawn il-liġijiet fuq is-soċjetà, fejn se jiżdiedu d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra individwi LGBTI; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE żżid l-appoġġ tagħha għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI, f'konformità mal-linji gwida rilevanti;

19. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni, bil-ħsieb tal-ipprogrammar li għaddej bħalissa tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u tal-istrument finanzjarju tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u l-Awtoritajiet Lokali (CSO-LA), biex żżid b’mod sinifikanti l-isforzi tagħha biex tipprovdi assistenza lis-soċjetà ċivili oppressa billi tirduppja l-allokazzjonijiet finanzjarji lill-pajjiż;

20. Jenfasizza li laqgħat regolari ta’ djalogu politiku fuq medda wiesgħa ta’ kwistjonijiet marbuta mal-politika barranija huma element essenzjali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; jiddikjara li r-Russja, bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC), għandha tieħu r-responsabbiltà tagħha fi kriżijiet internazzjonali; jistieden lir-Russja tieħu approċċ kostruttiv ħafna fil-Konferenza Ġinevra II dwar is-Sirja, fejn l-għan huwa li tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt; jilqa’ l-isforzi tar-Russja, flimkien mal-Istati Uniti u l-komunità internazzjonali, biex japprovaw riżoluzzjoni tal-UNSC rigward l-eliminazzjoni tal-armi kimiċi Sirjani u t-tnedija tat-taħdidiet ta' Ginevra II;

21. Jenfasizza l-importanza tad-djalogu u l-kooperazzjoni mar-Russja fuq kwistjonijiet globali bil-għan li jiġu indirizzati b'mod effettiv kwistjonijiet bħall-Afganistan, il-ħidma tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani u l-ġlieda kontra l-piraterija ftit 'il barra mill-Qarn tal-Afrika; iħeġġeġ l-approfondiment u t-tisħiħ ta' din il-kooperazzjoni, bil-għan għal azzjoni konġunta rigward il-programm nukleari tal-Iran;

22. Jistieden lir-Russja tirrevoka r-rikonoxximent tagħha tas-separazzjoni tar-reġjuni Ġeorġjani ta' Abkażja u Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar; jikkundanna bil-qawwa l-proċess li jistabbilixxi l-fruntiera madwar Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, li wassal għall-espansjoni taż-żona ta’ territorji okkupati għad-detriment tal-Ġeorġja; jistieden lill-Ġeorġja u lir-Russja jimpenjaw ruħhom għal taħditiet diretti mingħajr prekundizzjonijiet dwar medda ta' suġġetti, b'medjazzjoni, jekk ikun meħtieġ, minn parti terza aċċettabbli għat-tnejn, li għandhom jikkomplementaw, iżda mhux jissostitwixxu, il-proċess ta' Ġinevra eżistenti;

23. Jistieden lill-Federazzjoni Russa tissodisfa l-impenji meħuda fl-1996 fil-Kunsill tal-Ewropa u riflessi fid-deċiżjonijiet tas-Summit tal-OSKE (f'Istanbul fl-1999 u Oporto fl-2002) dwar l-irtirar tat-truppi u l-armi Russi mit-territorju tal-Moldova; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta’ progress fuq din il-kwistjoni; jenfasizza li l-partijiet kollha tat-taħdidiet 5+2 impenjaw ruħhom li jsolvu l-kunflitt fuq il-bażi tal-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova; jistieden lir-Russja jkollha rwol kostruttiv fl-isforzi tagħha li ssolvi l-kunflitt twil f'Nagorno-Karabakh, fil-qafas tal-Grupp Minsk;

24. Jemmen li huma meħtieġa sforzi mġedda biex imexxu 'l quddiem il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar kwistjonijiet ta' sigurtà reġjonali, inkluż ir-riżoluzzjoni ta' kunflitti twal fil-viċinat;

25. Jisħaq l-importanza li jitrawmu d-djalogu interkulturali UE-Russja u l-għarfien tal-istorja u l-wirt kulturali tat-tnejn li huma, kif ukoll jinkoraġixxi l-mobilità u l-iskambju ta' studenti, għalliema, professuri u riċerkaturi sabiex jiffaċilitaw il-kuntatti bejn il-persuni li jipprovdu xhieda viżibbli u tanġibbli ta' sħubija sostenibbli li twassal, fl-aħħar mill-aħħar, għal komunità ta' valuri;

26. Jappella lill-awtoritajiet Russi jikkooperaw fil-ftuħ tal-arkviji Russi, li jippermettu l-aċċess għar-riċerkaturi u d-deklassifikazzjoni ta’ dokumenti rilevanti, inkluż dak tad-destin ta' Raoul Wallenberg, li 70 sena ilu salva eluf ta’ Lhud Ungeriżi minn ġenoċidju;

27. Jilqa’ l-ħidma tal-Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni UE-Russja bħala pjattaforma għall-iżvilupp ta’ kooperazzjoni u għal djalogu kontinwu bejn iż-żewġ istituzzjonijiet parlamentari;

28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.