Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0188/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0188/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq

25.2.2014 - (2014/2565(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ALDE (B7‑0188/2014)
ECR (B7‑0189/2014)
S&D (B7‑0190/2014)
PPE (B7‑0191/2014)
Verts/ALE (B7‑0192/2014)

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Mairead McGuinness, Cristian Dan Preda, Ria Oomen-Ruijten, Tunne Kelam, Francisco José Millán Mon, György Schöpflin, Bernd Posselt, Krzysztof Lisek, Alf Svensson, Esther de Lange, Roberta Angelilli, Sari Essayah, Alejo Vidal-Quadras, Dubravka Šuica, Elena Băsescu, Davor Ivo Stier, Arnaud Danjean, Tokia Saïfi, Filip Kaczmarek, Salvador Sedó i Alabart f'isem il-Grupp PPE
Pino Arlacchi, Véronique De Keyser, Ana Gomes, Silvia Costa, Libor Rouček f'isem il-Grupp S&D
Jelko Kacin, Marietje Schaake, Ramon Tremosa i Balcells, Louis Michel, Izaskun Bilbao Barandica, Hannu Takkula f'isem il-Grupp ALDE
Tarja Cronberg f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Struan Stevenson f'isem il-Grupp ECR


Proċedura : 2014/2565(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0188/2014
Testi mressqa :
RC-B7-0188/2014
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq

(2014/2565(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, b'mod partikolari dik tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar il-vjolenza reċenti fl-Iraq[1],

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq[2],

–   wara li kkunsidra d-Dokument Strateġiku Konġunt tal-UE għall-Iraq 2011-2013 tal-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill "Affarijiet Barranin" dwar l-Iraq, b'mod partikolari dawk tal-10 ta' Frar 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton, dwar l-Iraq, b'mod partikolari dawk tal-5 ta' Frar 2014, tas-16 ta' Jannar 2014, tat-18 ta' Diċembru 2013 u tal-5 ta' Settembru 2013,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tal-VP/RGħ tat-28 ta' Diċembru 2013 dwar il-qtil ta' residenti f'Kamp Hurriya,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) tal-10 ta' Jannar 2014 dwar l-Iraq,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iraq hu parti tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A. billi l-Iraq għadu jħabbat wiċċu ma' sfidi gravi fl-ambitu politiku, tas-sigurtà u soċjoekonomiku u billi x-xena politika tiegħu hija estremament frammentata u kkaratterizzata mill-vjolenza u mill-politika settarja, fatt li jmur askapitu tal-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu tal-Iraq għall-paċi, għall-prosperità u għal tranżizzjoni effettiva lejn id-demokrazija; billi l-Iraq qiegħed jaffronta l-aktar mewġa ta' vjolenza gravi mill-2008;

B.  billi skont in-numru ta' vittmi ppubblikat mill-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iraq (UNAMI) fl-1 ta' Frar 2014, l-ammont totali ta' Iraqin maqtula kien 733 filwaqt li 1 229 oħra ndarbu f'atti ta' terroriżmu u vjolenza f'Jannar 2014; billi n-numru għal Jannar 2014 ma jinkudix il-vittmi tal-ġlied li għaddej fil-provinċja ta' Anbar, minħabba problemi fir-rigward tal-verifika u l-aċċertament tal-istatus ta' dawk maqtula jew midruba;

C. billi l-gwerra ċivili li għaddejja fis-Sirja aggravat is-sitwazzjoni fl-Iraq; billi din qiegħda tinfirex fl-Iraq, bil-militanti, partikolarment dak tal-Istat Iżlamiku tal-Iraq u tal-Lvant (Islamic State of Iraq and the Levant - ISIL) qegħdin jespandu l-attivitajiet tagħhom fit-territorju tal-Iraq;

D. billi fl-10 ta' Jannar 2014 il-KSNU kkundanna l-attakki li qed jitwettqu mill-ISIL kontra l-poplu tal-Iraq b'tentattiv biex jiddestabilizza l-pajjiż u r-reġjun;

E.  billi l-gvern tal-Prim Ministru Nuri al-Maliki ma affrontax it-tħassib espress mill-minoranza Sunnita; billi l-politika ta' "de-Baathifikazzjoni" skont il-Liġi dwar il-Ġustizzja u l-Obbligu ta' Rendikont waslet għat-tkeċċija prevalentement ta' uffiċjali Sunniti li saħħet il-perċezzjoni tal-aġenda settarja tal-gvern; billi, partikolarment, it-twaqqigħ tal-kamp ta' protesta tas-Sunniti li dam sena, f'Ramadi, min-naħa tal-gvern fit-30 ta' Diċembru aggrava l-konfront vjolenti fil-provinċja ta' Anbar; billi, b'konsegwenza ta' dan, f'Fallujah u fi bliet oħrajn fil-provinċja ta' Anbar kien hemm ġlied bejn il-forzi governattivi u l-militati tal-ISIL minn Diċembru 2013;

 

F.  billi fit-13 ta' Frar 2014 iktar minn 63 000 familja (li jirrappreżentaw aktar minn 370 000 ruħ, skont il-kalkoli tan-NU) milquta mill-ġlied fil-provinċja ta' Anbar ġew irreġistrati bħala spustati internament; billi bosta nies ħarbu lejn partijiet oħra tal-pajjiż, fosthom il-provinċji ta' Karbala, Bagdad u Erbil, filwaqt li oħrajn fittxew kenn f'komunitajiet imbiegħda fil-provinċja ta' Anbar jew ma jistgħux jaħarbu mill-ġlied; billi l-kundizzjoni tagħhom għadha waħda prekarja, b'livelli baxxi ta' ħażniet tal-ikel u tal-ilma tax-xorb, kundizzjonijiet sanitarji ħżiena u aċċess limitat għall-kura tas-saħħa;

G. billi ma waqfux l-attakki mortali bil-bombi fl-Iraq kollu, pereżempju l-attakk tal-5 ta' Frar fuq il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Iraq, li laqtu l-aktar liż-żoni b'maġġoranza Xiita, filwaqt li bosta evażjonijiet mill-ħabs żiedu l-għadd ta' ġellieda li jimlew l-istakkamenti tal-gruppi militanti estermisti;

 

H. billi fil-25 ta' Diċembru 2013, inqatlu mill-inqas 35 persuna u għexieren oħra sfaw midruba f'attakki bil-bombi fl-inħawi Nsara ta' Bagdad; billi hu mifhum li mill-2003 mill-inqas nofs l-Insara tal-Iraq ħallew il-pajjiż;

I.   billi fil-5 ta' Frar 2014, ġie attakkat il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Iraq f'Bagdad, u billi fl-10 ta' Frar 2014 il-konvoj tal-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Osama al-Nujaifi, ġie attakkat fil-belt ta' Mosul fil-provinċja ta' Ninawa;

 

J.   billi l-gvern federali tal-Iraq u l-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan għadhom ma jaqblux dwar il-mod kif jikkondividu l-użu tar-riżorsi minerali tal-Iraq, b'pipeline ġdida mistennija ġġorr 2 miljun barmil żejt kull xahar mill-Kurdistan sat-Turkija u l-gvern ċentrali qiegħed iħejji azzjoni legali kontra l-provinċja;

K. billi l-problemi soċjali u ekonomiċi serji – faqar mifrux, livell għoli ta' qgħad, staġnar ekonomiku, degrad ambjentali u nuqqas ta' servizzi pubbliċi bażiċi – għadhom jolqtu perċentwal kbir tal-popolazzjoni;

 

L.  billi l-vjolenza u s-sabutaġġ ostakolaw l-isforzi intiżi biex l-ekonomija, miflija minn għexieren ta' snin ta' kunflitti u sanzjonijiet, tingħata nifs ġdid; billi l-Iraq għandu t-tielet l-akbar riżerva taż-żejt mhux raffinat tad-dinja, iżda billi l-attakki, il-korruzzjoni u l-kuntrabandu rvinaw l-esportazzjonijiet; billi n-nisġa soċjali tal-pajjiż, inkluż il-livell ta' ugwaljanza għan-nisa milħuq preċedentement, tinsab f'diffikultà serja;

 

M. billi l-libertà tal-istampa u tal-midja qed tiġi attakkata b'mod ripetut u dejjem aktar ta' sikwit mill-gruppi tal-gvern kif ukoll dawk estremisti; billi l-ġurnalisti u s-sorsi tal-aħbarijiet ġew attakkati jew iċċensurati, u Reporters Without Borders irrappurtat blackout fuq l-aħbarijiet dwar is-sitwazzjoni fil-provinċja ta' Anbar; billi l-Iraq hu klassifikat bħala "mhux liberu" mir-rapport Freedom in the World ("Il-Libertà fid-Dinja") 2014 tal-organizzazzjoni mhux governattiva Freedom House;

 

N. billi l-kostituzzjoni tal-Iraq tiggarantixxi l-ugwaljanza quddiem il-liġi għaċ-ċittadini kollha, flimkien mad-"drittijiet amministrattivi, politiċi, kulturali u edukattivi tad-diversi nazzjonalitajiet";

O. billi l-FSK UE-Iraq, b'mod partikolari l-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem misjuba fih, jenfasizza li d-djalogu politiku UE-Iraq għandu jikkonċentra fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi;

 

P.  billi l-emendi lil-liġi elettorali tal-Iraq ġew adottati f'Novembru 2013 li wittew it-triq għall-elezzjonijiet ġenerali li mistennijin isiru fit-30 ta' April 2014;

 

Q. billi l-UE affermat mill-ġdid l-impenn tagħha li tassisti lill-Iraq fit-tranżizzjoni tiegħu għad-demokrazija, u fakkret li l-unità u l-integrità territorjali tal-Iraq huma elementi essenzjali fil-bini ta' stat sigur u għani għaċ-ċittadini kollha tiegħu u biex ikun hemm stabilità fir-reġjun kollu;

R.  billi l-Kunsill ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Iraq kellu l-ewwel laqgħa tiegħu fi Brussell fl-20 ta' Jannar 2014; billi l-Kunsill ta' Kooperazzjoni, li qed jiltaqa' fil-qafas tal-FSK UE-Iraq, afferma mill-ġdid l-impenn taż-żewġ partijiet li jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet ta' bejniethom; billi l-UE se tkompli tippromwovi l-kooperazzjoni fl-oqsma kollha ta' interess reċiproku, filwaqt li toffri assistenza mmirata f'oqsma maqbula b'mod konġunt;

 

S.  billi l-awtoritajiet tal-Iraq qed ikomplu japplikaw il-piena tal-mewt; billi l-Kapjiet tal-Missjoni f'Bagdad tal-UE ffirmaw dikjarazzjoni dwar il-Jum Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt f'Ottubru, fejn esprimew tħassib kbir dwar l-użu tal-piena tal-mewt mill-Iraq u stiednu lill-Gvern tal-Iraq jintroduċi moratorja;

T.  billi għaddejja bħalissa kampanja ta' armament massiva għall-Iraq, bl-involviment ta' bejgħ fuq skala kbira ta' apparat militari;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti reċenti ta' terroriżmu u ż-żieda fil-vjolenza settarja, li ġġib magħha l-periklu li l-pajjiż jerġa' jaqa' fil-ġlied settarju u qiegħda tiġġenera biża' ta' kunflitt settarju usa' fir-reġjun kollu; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li minkejja li l-vjolenza sseħħ fuq linji settarji, il-kawżi tagħha huma politiċi aktar milli reliġjużi; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji u lill-ħbieb tal-vittmi u tal-midruba;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kommessi mill-ISIL fil-provinċja ta' Anbar u jappoġġa l-appell tal-KSNU lill-poplu tal-Iraq, inklużi t-tribujiet tal-Iraq, il-mexxejja lokali, u l-forzi tas-sigurtà tal-Iraq fil-provinċja ta' Anbar, biex jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-vjolenza u t-terrur; jenfasizza li l-ISIL huwa suġġett għall-embargo fuq l-armi u l-iffriżar tal-assi imposti bir-riżoluzzjonijiet nri 1267 (1999) u 2083 (2012) tal-KSNU u jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni fil-pront u effikaċi ta' dawk il-miżuri;

 

3.  Jinsab imħasseb ħafna dwar l-iżviluppi fil-provinċja ta' Anbar u l-għadd kbir ta' persuni spustati internament li qed jaħarbu miż-żoni ta' kunflitt; jitlob aċċess umanitarju għal Fallujah; jitlob lill-Gvern tal-Iraq jonora dmiru li jipproteġi lill-popolazzjoni ċivili f'Fallujah u fi bnadi oħrajn; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq ikompli jaħdem mal-UNAMI u mal-aġenziji umanitarji biex jiġi żgurat il-forniment tal-għajnuna umanitarja; jilqa' l-isforzi tan-NU intiżi biex tingħata għajnuna lil dawk milquta mill-ġlied fil-provinċja ta' Anbar, minkejja l-isfidi maħluqa mill-ambjent ta' sigurtà deterjoranti u l-operazzjonijiet li għaddejjin fil-provinċja;

4.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni jsostnu l-isforzi kollha tal-Gvern tal-Iraq u tal-UNAMI f'dik li hija protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili f'Fallujah u fi bnadi oħrajn bil-għan li jippruvaw jassiguraw il-passaġġ sigur taċ-ċivili maqbuda fiż-żoni tal-kunflitt, kif ukoll ir-ritorn bla periklu tal-persuni spustati internament malli l-kundizzjonijiet jippermettu;

5.  Jistieden lill-Gvern tal-Iraq jittratta l-kwistjonijiet fit-tul li jikkontribwixxu għall-instabbiltà tal-pajjiż, fosthom it-tħassib leġittimu tal-minoranza Sunnita, billi jvara djalogu nazzjonali inklużiv dwar ir-riforma tal-Liġi dwar il-Ġustizzja u l-Obbligu ta' Rendikont, jastjeni minn dikjarazzjonijiet settarji xewwiexa u jimplimenta miżuri mmirati għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali; jirrifjuta l-appelli għall-ħolqien ta' reġjun federali Sunnita fl-Iraq bħala soluzzjoni għall-kunflitt attwali billi dan x'aktarx isarraf f'aktar settariżmu u vjolenza;

6.  Jinnota bi tħassib l-effetti b'konsegwenza tal-vjolenza tal-kunflitt fis-Sirja; jistieden lill-Gvern tal-Iraq jagħmel sforz qawwi biex jiżola lill-Iraq mill-gwerra ċivili Sirjana billi jastjeni milli jappoġġa lil xi parti involuta fil-kunflitt u billi jipprevjeni lill-ġellieda, kemm Sunniti kif ukoll Xiiti, milli jaqsmu minn jew ġewwa s-Sirja;

 

7.  Huwa preokkupat ħafna dwar l-atti kontinwi ta' vjolenza kommessi kontra l-popolazzjoni ċivili, il-gruppi vulnerabbli u l-komunitajiet reliġjużi; jistieden lill-Gvern tal-Iraq u lill-mexxejja politiċi kollha jadottaw il-miżuri neċessarji biex jipprovdu sigurtà u protezzjoni lill-poplu kollu tal-Iraq, partikolarment il-membri tal-minoranzi vulnerabbli bħan-nisa, il-ġurnalisti, iż-żgħażagħ, l-attivisti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, it-trejdunjonisti u l-komunitajiet reliġjużi, fosthom l-Insara; jistieden lill-Gvern tal-Iraq jiżgura li l-forzi ta' sigurtà jottemperaw mal-Istat tad-dritt u mal-istandards internazzjonali;

 

8.  Jappoġġa l-isforzi tal-UE intiżi biex jassistu lill-Iraq fil-promozzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-Istat tad-dritt, anki billi tibni fuq l-esperjenzi u l-kisbiet tal-missjoni EUJUST LEX-Iraq, li sfortunatament lestiet il-mandat tagħha fil-31 ta' Diċembru 2013, flimkien mal-isforzi tal-UNAMI u tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jassistu lill-Gvern tal-Iraq fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi tiegħu, fil-promozzjoni tal-Istat tad-dritt, fil-faċilitazzjoni tad-djalogu reġjonali, fit-titjib tal-forniment ta' servizzi bażiċi u fl-iżgurar tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' b'sodisfazzjon il-programm ta' bini ta' kapaċitajiet mniedi fit-22 ta' Jannar 2014, finanzjat mill-UE u implimentat mill-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Proġetti tan-NU, sabiex jgħin lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Iraq fl-implimentazzjoni tal-mandat tiegħu li jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq;

 

9.  Jilqa' pożittivament l-emendi adottati tal-liġi elettorali tal-Iraq fl-4 ta' Novembru 2013, li wittew it-triq għall-elezzjonijiet ġenerali li mistennijin isiru fit-30 ta' April 2014; jenfasizza l-importanza ta' dawn l-elezzjonijiet għat-tranżizzjoni demokratika kontinwa tal-Iraq u jistieden lill-atturi kollha jiżguraw li jkunu inklużivi, trasparenti, kredibbli u puntwali; jistieden lis-SEAE jassisti lill-Gvern tal-Iraq kemm jista' jkun fil-preparamenti prattiċi;

10. Huwa preokkupat ħafna dwar ir-rata għolja ta' eżekuzzjonijiet fl-Iraq; jistieden lill-awtoritajiet tal-Iraq jintroduċu moratorja fuq l-eżekuzzjoni tas-sentenzi ta' mewt kollha; jemmen li huma ta' importanza primarja r-riformi tas-sistema ġudizzjarja bil-għan li jerġa' jiġi stabbilit sens ta' sigurtà għaċ-ċittadini tal-Iraq, u għandhom jinkludu r-reviżjoni tal-Liġi kontra t-Terroriżmu, li toffri konsiderevolment inqas protezzjoni għas-suspettati u għad-detenuti mill-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali, u jappella għat-tmiem tal-impunità, partikolarment fir-rigward tal-forzi statali ta' sigurtà;

11. Jistieden lill-atturi kollha tal-Istat u mhumiex jirrispettaw il-libertà tal-istampa u tal-midja u biex iħarsu lill-ġurnalisti u lill-sorsi tal-aħbarijiet mill-vjolenza; jirrikonoxxi li stampa u midja liberi huma parti essenzjali ta' demokrazija li tiffunzjona, li joffru aċċess għall-informazzjoni u pjattaforma għaċ-ċittadini;

 

12. Jistieden lill-UE tiżviluppa pożizzjoni komuni tal-UE favur il-projbizzjoni tal-użu tal-munizzjon bl-uranju mfaqqar u toffri sostenn għat-trattament tal-vittmi, inklużi l-vittmi tal-armi kimiċi, u l-isforzi possibbli għad-dekontaminazzjoni taż-żoni milquta;

13. Iqis li t-taħditiet reċenti bejn l-E3+3 u l-Iran ukoll joffru opportunità għall-Iraq biex jistabbilizza ruħu, dment li l-setgħat kollha tal-madwar jieqfu jindaħlu fl-affarijiet interni tal-Iraq;

14. Jikkundanna bil-qawwa l-attakk bil-missili f'Kamp Hurriya fis-26 ta' Diċembru 2013, li skont rapporti varji ħalla bosta residenti tal-kamp mejta u midruba; jenfasizza li ċ-ċirkostanzi li fihom seħħ dan l-inċident brutali għandhom jiġu ċċarati; jistieden lill-awtoritajiet tal-Iraq iżidu l-miżuri ta' sigurtà madwar il-kamp sabiex jipproteġu r-residenti tiegħu minn kwalunkwe vjolenza ulterjuri; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq isib l-awturi tal-attakk u jżommhom responsabbli; jinnota li l-UE tistieden lill-partijiet kollha jiffaċilitaw il-ħidma tal-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati tan-NU fit-trasferiment tar-residenti kollha ta' Kamp Hurriya f'post permanenti u sikur barra mill-Iraq malajr kemm jista' jkun;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.