Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0201/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0201/2014

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-użu ta' drones armati

    25.2.2014 - (2014/2567(RSP))

    imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
    li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
    PPE (B7‑0201/2014)
    Verts/ALE (B7‑0202/2014)
    GUE/NGL (B7‑0203/2014)
    S&D (B7‑0204/2014)
    ALDE (B7‑0206/2014)

    José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Tunne Kelam, Krzysztof Lisek, Elena Băsescu, Roberta Angelilli, Anne Delvaux f'isem il-Grupp PPE
    Libor Rouček, Maria Eleni Koppa, Ana Gomes, Richard Howitt, Tonino Picula, Pino Arlacchi, Liisa Jaakonsaari f'isem il-Grupp S&D
    Annemie Neyts-Uyttebroeck, Sarah Ludford, Phil Bennion, Marietje Schaake, Norica Nicolai, Ramon Tremosa i Balcells, Louis Michel, Jelko Kacin, Nathalie Griesbeck, Izaskun Bilbao Barandica, Sonia Alfano f'isem il-Grupp ALDE
    Barbara Lochbihler, Tarja Cronberg, Jean Lambert, Rui Tavares, Reinhard Bütikofer, Judith Sargentini, Ulrike Lunacek, Nicole Kiil-Nielsen, Raül Romeva i Rueda, Iñaki Irazabalbeitia Fernández f'isem il-Grupp Verts/ALE
    Sabine Lösing f'isem il-Grupp GUE/NGL


    Proċedura : 2014/2567(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    RC-B7-0201/2014
    Testi mressqa :
    RC-B7-0201/2014
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-użu ta' drones armati

    2014/2567(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –       wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-użu ta' drones armati tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji tat-28 ta' Mejju 2010 u tat-13 ta' Settembru 2013 u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu tat-18 ta' Settembru 2013,

    –       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' Awwissu 2013 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, dwar l-użu ta' drones armati,

    –       wara li kkunsidra s-smigħ tal-25 ta' April 2013 dwar l-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones, organizzat b'mod konġunt mis-Sottokumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mas-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża,

    –       wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tat-3 ta' Mejju 2013 dwar "L-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones u robots awtonomi fil-gwerer",

    –       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013 dwar tħejjijiet għal programm tal-ġenerazzjoni li jmiss rigward sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS) Ewropej ta' Altitudni Medja u Awtonomija fit-Tul,

    –       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.     billi l-użu ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS, minn hawn 'il quddiem "drones") f'operazzjonijiet extraterritorjali letali żdied b'mod qawwi matul l-aħħar deċennju;

    B.     billi għadd mhux magħruf ta' ċivili ġew maqtula, midruba serjament jew trawmatizzati fil-ħajja tagħhom ta' kuljum minħabba attakki bid-drones barra żoni ddikjarati ta' kunflitt;

    C.     billi fil-każ ta' allegazzjonijiet ta' qtil ta' ċivili minħabba attakki bid-drones, l-istati huma obbligati li jwettqu investigazzjonijiet immedjati, indipendenti u imparzjali u, jekk l-allegazzjonijiet ikunu pruvati bħala korretti, jipproċedu għal attribuzzjoni pubblika ta' responsabbiltà, pieni għal dawk responsabbli u dispożizzjoni ta' aċċess għal rimedju, inkluż ħlas ta' kumpens lill-familji tal-vittmi;

    D.     billi l-Artikolu 51(2) tal-Protokoll Addizzjonali I għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, jiddikjara li "atti jew theddid ta' vjolenza li l-għan ewlieni tagħhom ikun li jxerred it-terrur fost il-popolazzjoni ċivili huma projbiti";

    E.     billi l-attakki bid-drones barra gwerra ddikjarata minn stat fit-territorju ta' stat ieħor mingħajr il-kunsens ta' dan tal-aħħar jew tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jikkostitwixxu ksur tad-dritt internazzjonali u tal-integrità u s-sovranità territorjali ta' dak il-pajjiż;

    F.     billi d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jipprojbixxi l-qtil arbitrarju fi kwalunkwe sitwazzjoni; billi d-dritt umanitarju internazzjonali ma jippermettix il-qtil immirat ta' persuni li jinsabu fi stati nonbelliġerenti;

    G.     billi seba' Stati Membri (Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u Spanja) ffirmaw ittra ta' intenzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) li ngħatat il-kompitu li tħejji studju dwar il-produzzjoni konġunta ta' inġenji ta' Altitudni Medja u Awtonomija fit-Tul (MALE), li jistgħu jintużaw f'attakki fuq miri militari jew għas-sorveljanza ta' dgħajjes ta' migranti fil-Baħar Mediterran, u b'hekk jibda x-xogħol fuq RPAS Ewropew;

    H.     billi studji ta' riċerka u żvilupp assoċjati mal-kostruzzjoni ta' drones, militari u ċivili, ġew appoġġjati b'fondi tal-UE, u billi dan hu ppjanat li jsir anke fil-ġejjieni;

    1.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fuq l-użu ta' drones armati barra l-qafas legali internazzjonali; iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa rispons ta' politika xieraq kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak globali li jħares id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

    2.      Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri u lill-Kunsill sabiex:

    (a)    jopponu u jipprojbixxu l-prassi ta' qtil immirat extraġudizzjarju;

    (b)    jiżguraw li l-Istati Membri, f'konformità mal-obbligi legali tagħhom, ma jwettqux qtil immirat illegali jew jiffaċilitaw qtil bħal dan min-naħa ta' stati oħra;

    (c)    jinkludu drones armati f'diżarm internazzjonali u Ewropew rilevanti u reġimi ta' kontroll tal-armi;

    (d)    jipprojbixxu l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman;

    (e)    jiżguraw li, fejn hemm bażijiet raġonevoli biex jassumu li individwu jew entità fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tagħhom jistgħu jkunu relatati ma' qtil immirat illegali barra l-pajjiż, jieħdu miżuri skont l-obbligi legali internazzjonali u interni tagħhom;

    (f)     jappoġġjaw il-ħidma u s-segwitu dwar ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

    3.      Iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati;

    4.      Jitlob lill-UE tippromwovi aktar trasparenza u responsabbiltà min-naħa tal-pajjiżi terzi fl-użu ta' drones armati fir-rigward tal-bażi legali għall-użu tagħhom u għar-responsabbiltà operattiva, li tipprevedi rieżami ġudizzjarju tal-attakki bid-drones u tiżgura li l-vittmi ta' attakki illegali bid-drones ikollhom aċċess effettiv għal rimedji;

    5.      Jitlob ukoll lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament informat sew dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-proġetti kollha ta' riċerka u żvilupp assoċjati mal-kostruzzjoni tad-drones; jitlob li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem rigward proġetti ulterjuri ta' żvilupp tad-drones;

    6.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu, u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.