Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0219/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0219/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

26.2.2014 - (2014/2595(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B7‑0219/2014)
PPE (B7‑0220/2014)
ALDE (B7‑0222/2014)
S&D (B7‑0223/2014)
Verts/ALE (B7‑0224/2014)

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Mairead McGuinness, Jacek Saryusz-Wolski, Laima Liucija Andrikienė, Roberta Angelilli, Sophie Auconie, Elena Băsescu, Ivo Belet, Jerzy Buzek, Mário David, Anne Delvaux, Mariya Gabriel, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Gunnar Hökmark, Anna Ibrisagic, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Jan Kozłowski, Eduard Kukan, Krzysztof Lisek, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Monica Luisa Macovei, Francisco José Millán Mon, Nadezhda Neynsky, Ria Oomen-Ruijten, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Zuzana Roithová, Cristian Dan Preda, Jacek Protasiewicz, György Schöpflin, Salvador Sedó i Alabart, Davor Ivo Stier, Dubravka Šuica, Inese Vaidere, Andrej Plenković f'isem il-Grupp PPE
Hannes Swoboda, Libor Rouček, Ana Gomes, Marek Siwiec, Tonino Picula, Knut Fleckenstein, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Liisa Jaakonsaari, Boris Zala, Wolfgang Kreissl-Dörfler f'isem il-Grupp S&D
Guy Verhofstadt, Johannes Cornelis van Baalen, Marielle de Sarnez, Ramon Tremosa i Balcells, Louis Michel, Marietje Schaake, Phil Bennion, Jelko Kacin, Sarah Ludford, Izaskun Bilbao Barandica, Norica Nicolai, Catherine Bearder, Hannu Takkula, Ivo Vajgl, Eduard-Raul Hellvig, Jan Mulder, Cecilia Wikström, Gerben-Jan Gerbrandy, Graham Watson, Nathalie Griesbeck, Philippe De Backer, Frédérique Ries, Alexander Graf Lambsdorff, Nils Torvalds, Sonia Alfano, Liam Aylward, Robert Rochefort, Pat the Cope Gallagher, Rebecca Taylor, Justina Vitkauskaite Bernard, Anneli Jäätteenmäki, Stanimir Ilchev, Alexandra Thein, Marian Harkin f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Mark Demesmaeker, Tarja Cronberg, Bart Staes, Malika Benarab-Attou f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Paweł Robert Kowal, Ryszard Antoni Legutko, Adam Bielan, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Marek Henryk Migalski, Valdemar Tomaševski f'isem il-Grupp ECR
Adrian Severin


Proċedura : 2014/2595(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0219/2014
Testi mressqa :
RC-B7-0219/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar on the situation in Ukraine

(2014/2595(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-Politika tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina[1],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-eżitu tas-summit ta' Vilnjus u l-futur tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fir-rigward tal-Ukraina[2],

 

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar l-Ukraina fl-20 ta' Frar 2014,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi mid-deċiżjoni tal-President u l-Gvern Ukrain li jissospendi l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, mijiet ta' eluf ta' nies niżlu minn jeddhom fit-toroq tal-pajjiż kollu biex jipprotestaw favur l-integrazzjoni Ewropea; billi fi Kiev id-dimostranti qegħdin jokkupaw paċifikament Pjazza Indipendenza (Maidan Nezalezhnosti), u qed jappellaw għal bidla politika qawwija bil-għan li jġiegħlu lill-gvern jerġa' jeżamina d-deċiżjoni tiegħu;

B.  billi l-awtoritajiet taħt il-President Yanukovych ksiru l-liġi b'mod ċar meta awtorizzaw lill-forzi ta' sigurtà jagħmlu użu minn munizzjoni attiva kontra d-dimostranti u skjeraw tiraturi magħżula fuq il-bjut fi Pjazza Maidan u madwarha, li minn nofs Novembru 'l hawn kienet l-epiċentru ta' protesti kontra l-gvern u favur l-Ewropa; billi inqatlu kemm dimostranti kif ukoll persuni li kienu jinsabu fit-toroq ta' Kiev, u dan ipprovoka għadab u kundanni fil-livell internazzjonali;

C. billi fl-istess waqt, tliet ministri għall-affarijiet barranin mill-UE vvjaġġaw lejn Kiev fi sforz ta' medjazzjoni biex tinstab soluzzjoni ta' kompromess bejn il-President Yanukovych u l-oppożizzjoni; billi dawn irnexxielhom jiksbu ftehim dwar pjan direzzjonali għal ħruġ paċifiku u demokratiku mill-kriżi; billi l-mibgħut speċjali Russu wkoll iffaċilita l-ftehim, iżda mingħajr ma kien kofirmatarju;

D. billi, bħala konsegwenza, l-UE ddeċidiet li timponi sanzjonijiet immirati, inkluż l-iffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-għoti tal-viża, fuq dawk il-persuni responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, vjolenza u użu ta' forza eċċessiva; billi l-Istati Membri qablu, barra min hekk, li jissospendu l-liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir li jista' jintuża għal ripressjoni interna u li jerġgħu jeżaminaw il-liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir kopert mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK;

E.  billi ċ-ċittadini ta' Lviv u Donetsk ħadu l-inizjattiva li jużaw il-lingwa Russa u dik Ukraina rispettivament fin-negozju tagħhom ta' kuljum fis-26 ta' Frar 2014 bħala ġest ta' solidarjetà u unità għall-pajjiż kollu;

F.  billi l-Verkhovna Rada adottat riżoluzzjoni fil-21 ta' Frar 2014 li fiha tiddenunzja l-operazzjonijiet ta' kontra t-terroriżmu u titlob li l-forzi tas-sigurtà joħorġu miċ-ċentru ta' Kiev; billi, b'dan il-mod, il-parlament wera d-determinazzjoni tiegħu li jkollu rwol ċentrali u jieħu kontroll tas-sitwazzjoni fil-pajjiż; billi, il-ġurnata ta' wara, il-parlament ivvota favur it-tkeċċija tal-President Yanukovych, ir-ritorn tal-Kostituzzjoni tal-2004, elezzjonijiet bikrija fil-25 ta' Mejju 2014 u r-rilaxx tal-ex-Prim Ministru' Yulia Tymoshenko;

1.  Jagħti ġieħ lil dawk li ġġieldu u mietu għall-valuri Ewropej, u jesprimi l-kondoljanzi l-aktar profondi tiegħu lill-familji tal-vittmi, jikkundanna bil-qawwa kull att ta' vjolenza u jitlob liċ-ċittadini Ukraini kollha biex, flimkien mal-mexxejja politiċi u ċiviċi, jaġixxu bl-ikbar responsabbiltà f'dan il-waqt storiku għall-Ukraina;

2.  Jikkundanna bis-saħħa l-azzjoni brutali u sproporzjonata tal-forzi kontra l-irvellijiet bħal Berkut, it-tiraturi magħżula u oħrajn, li wassal għal eskalazzjoni drammatika tal-vjolenza; jiddeplora l-imwiet u l-feriment li saru fin-naħat kollha u jesprimi l-kondoljanzi l-aktar sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi; iwissi li kull eskalazzjoni ulterjuri ta' vjolenza tkun diżastruża għan-nazzjon Ukrain u tista' timmina l-unità u l-integrità territorjali tal-pajjiż; jenfasizza li issa importanti ħafna li l-partijiet kollha juru sens ta' responsabbiltà, rażan u impenn għal djalogu politiku inklużiv, u jeskludu ritaljazzjoni extraġudizzjarja; iħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha jaħdmu flimkien f'dan il-punt kritiku għall-Ukraina u jiffaċilitaw soluzzjonijiet ta' kompromess, iżommu 'l bogħod mill-estremisti u jevitaw provokazzjoni u azzjonijiet vjolenti li jistgħu jwasslu għal inizjattivi tas-separatisti;

3.  Jilqa' r-rwol responsabbli li kellha l-Verkhovna Rada fl-eżerċitar tal-funzjonijiet kostituzzjonali tagħha bis-sħiħ, billi pattiet għan-nuqqasijiet politiċi u istituzzjonali maħluqa mir-riżenja tal-gvern u t-tkeċċija tal-President, li mbagħad tneħħa mill-Parlament; jieħu nota tal-miżuri adottati s'issa mill-parlament, b'mod partikolari fir-rigward tar-ritorn għall-Kostituzzjoni tal-2004, id-deċiżjoni li jiġu organizzati elezzjonijiet presidenzjali fil-25 ta' Mejju 2014, id-deċiżjoni tal-irtirar tal-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà, u tal-ħelsien mill-ħabs ta' Yulia Tymoshenko; jenfasizza kemm huwa importanti li l-Parlament Ukrain u l-membri tiegħu jibqgħu jirrispettaw l-istat tad-dritt;

4.  Ifaħħar lill-poplu Ukrain għall-bidla bl-ordni fil-poter u r-reżiljenza ċivika li wera f'dawn l-aħħar xhur, u jenfasizza l-fatt li din il-protesta ċivika u popolari għandha sservi ta' eżempju u se tibqa' titfakkar bħala waqt importanti fl-istorja tal-Ukraina; jenfasizza li din ir-rebħa demokratika u ċivika m'għandhiex titħassar bi spirtu ta' tpattija jew atti ta' retribuzzjoni lejn l-avversarji, jew bi ġlied politiku intern; jenfasizza li dawk li wettqu reati kontra ċ-ċittadini tal-Ukraina u li għamlu użu ħażin mill-poter tal-istat għandhom jiffaċċjaw proċessi indipendenti; jitlob li titwaqqaf kummissjoni indipendenti ta' investigazzjoni, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE, fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ sa mill-bidu tal-protesti;

5.  Jappoġġja l-approċċ fuq żewġ binarji tal-UE, li jgħaqqad flimkien l-isforzi diplomatiċi intensifikati ma' sanzjonijiet immirati kontra dawk responsabbli li ordnaw abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati ma' opressjoni politika; jitlob l-adozzjoni tas-sanzjonijiet immirati kif miftiehem mill-Kunsill "Affarijiet Barranin" u jħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess kontra l-ħasil tal-flus biex iwaqqfu l-fluss ta' flus illeċitu mill-Ukraina, u biex jiżguraw ir-ritorn ta' assi misruqa depożitati fl-UE; iqis li investigazzjoni verament indipendenti tad-delitti mwettqa għandha tibda immedjatament u li s-sanzjonijiet immirati għandhom jitneħħew malli s-sitwazzjoni fl-Ukraina titjieb u tali investigazzjoni tad-delitti kommessi tibda tħalli l-frott; jitlob li ssir investigazzjoni dwar l-approprjazzjoni massiva ta' fondi u assi tal-istat mill-ħbieb u l-"familja" tal-President li tneħħa Yanukovych, għall-iffriżar tal-assi kollha tagħhom sakemm tingħata kjarifika dwar kif akkwistawhom u, jekk ikun ippruvat li dawn kienu misruqa, għar-ritorn ta' dawn l-assi mill-gvernijiet ta' Stati Membri tal-UE bħar-Renju Unit, il-Latvja u l-Awstrija, li hu maħsub li huma l-benefiċjarji ewlenin;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet umanitarji jistabbilixxu għajnuna medika u umanitarja rapida, robusta u diretta għall-vittmi kollha;

7.  Jistieden lill-partijiet kollha u lill-pajjiżi terzi biex jirrispettaw u jappoġġjaw l-unità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; Jistieden lill-forzi politiċi kollha fl-Ukraina u l-atturi kollha internazzjonali involuti, sabiex jimpenjaw ruħhom biex jaħdmu għall-integrità territorjali u l-unità nazzjonali tal-Ukraina, waqt li jieħdu kont tal-kompożizzjoni kulturali u lingwistika tal-pajjiż u l-istorja tiegħu; jistieden lill-Parlament Ukrain u lill-gvern il-ġdid jirrispettaw id-drittijiet tal-minoranzi fil-pajjiż u l-użu tar0Russu u l-lingwi minoritarji l-oħra; Jitlob l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida f'konformità mal-obbligi tal-Ukraina fl-ambitu tal-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji;

8.  Ifakkar li l-fruntieri eżistenti tal-Ukraina kienu ggarantiti mill-Istati Uniti tal-Amerika, mill-Federazzjoni Russa u r-Renju Unit fil-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà meta l-Ukraina rrinunzjat għall-armi nukleari tagħha u ssieħbet fit-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP); ifakkar lill-Federazzjoni Russa li, flimkien maż-żewġ pajjiżi msemmija hawn fuq, impenjat ruħha fl-istess att biex toqgħod lura mill-pressjoni ekonomika maħsuba biex tissubordina l-eżerċitar mill-Ukraina tad-drittijiet inerenti fis-sovranità tagħha għall-interess tagħha stess u b'hekk tikseb kull tip ta' benefiċċju;

9.  Jenfasizza l-importanza li ma tintilifx id-dinamika fl-ittrattar tal-kawżi fundamentali tal-kriżi, u tiġi stabbilita l-fiduċja tan-nies fil-politika u fl-istituzzjonijiet; jemmen, barra minn hekk, li dan jeħtieġ riformi kostituzzjonali u strutturali bil-għan li tinħoloq sistema effettiva ta' kontrolli u bilanċi, rabta eqreb bejn il-politika u s-soċjetà, l-istat tad-dritt, ir-responsabbiltà u sistema ġudizzjarja verament indipendenti u imparzjali u elezzjonijiet kredibbli;

10. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill straordinarju tal-Affarijiet Barranin tal-20 ta' Frar 2014 u, b'mod partikolari, id-deċiżjoni dwar l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet immirati, inkluż l-iffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-għoti tal-viża kontra l-persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-vjolenza u l-użu eċċessiv tal-forza, u s-sospensjoni ta' liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir li jista' jintuża għal ripressjoni interna; jinnota l-impatt enormi li kellhom dawn is-sanzjonijiet fuq l-opinjoni publika fl-Ukraina, u huwa tal-fehma li dawn il-miżuri setgħu ġew adottati qabel; huwa tal-fehma, madankollu, li dawn is-sanzjonijiet għandhom jinżammu bħala parti mill-politika tal-UE lejn l-Ukraina waqt dan il-perjodu tranżitorju;

11. Jilqa' r-rilaxx tal-ex-Prim Ministru Yulia Tymoshenko mill-ħabs, u jittama li r-rilaxx tagħha se jissimbolizza t-tmiem ta' ġustizzja selettiva u motivata politikament fl-Ukraina; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tad-dimostranti u l-priġunieri politiċi kollha li ġew detenuti b'mod illegali, it-tneħħija tal-akkużi kollha kontrihom u r-riabilitazzjoni politika tagħhom;

12. Iħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha jaħdmu flimkien f'dan il-punt kritiku għall-Ukraina, favur tranżizzjoni politika paċifika, aġenda ta' riforma ambizzjuża u fuq skala wiesgħa u gvern orjentat lejn l-istandards Ewropej, biex jiddefendu l-unità u l-integrità territorjali tal-pajjiż, u jiffaċilitaw soluzzjonijiet ta' kompromess għall-futur tal-Ukraina; jistieden lill-awtoritajiet intermedjarji biex jiggarantixxu d-drittijiet u l-libertajiet demokratiċi lill-forzi politiċi demokratiċi kollha u biex jipprevjenu attakki kontra kull wieħed minnhom;

13. Itenni li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA) huwa lest biex jiġi ffirmat mal-gvern il-ġdid, malajr kemm jista' jkun u hekk kif il-gvern il-ġdid ikun lest biex jagħmel dan;

14. Jilqa' l-fatt li minn tliet punti ta' referenza stabbiliti mill-Kunsill "Affarijiet Barranin" fl-2012, il-punt dwar it-tmiem ta' ġustizzja selettiva (priġunerija ta' Yulia Tymoshenko) intlaħaq, filwaqt li t-tnejn l-oħra, dwar il-ġustizzja u s-sistemi elettorali, li huma t-talbiet tal-moviment ta' protesta, huma diġà s-suġġett ta' bidla u riforma profonda, li wieħed jittama li jintlaħqu dalwaqt mill-gvern ta' koalizzjoni l-ġdid u appoġġjati mill-maġġoranza parlamentari l-ġdida;

15. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-awtoritajiet Ukraini bil-għan li jinstabu modi kif jiġu kontrobilanċjati l-effetti tal-miżuri ta' ritaljazzjoni adottati mir-Russja biex twaqqaf l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, kif ukoll ta' miżuri ġodda possibbli; jilqa' l-aħbar mill-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro, Olli Rehn, tar-rieda tal-UE li tipprovdi pakkett ta' għajnuna finanzjarja sostanzjali, ambizzjuż kemm fuq terminu qasir kif ukoll fuq terminu twil, sakemm tinstab soluzzjoni politika bbażata fuq prinċipji demokratiċi, impenn għal riforma u l-ħatra ta' gvern leġittimu; jistieden lir-Russja tadotta attitudni kostruttiva sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet biex l-Ukraina tibbenefika minn relazzjonijiet bilaterali kemm mal-UE kif ukoll mar-Russja; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jitkellmu mar-Russja b’vuċi waħda b’appoġġ għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina u tal-pajjiżi oħra tas-SL li b’mod liberu jagħżlu li japprofondixxu r-relazzjonijiet tagħhom mal-UE;

16. Jistenna li l-Kunsill u l-Kummissjoni, flimkien mal-FMI, il-Bank Dinji, jaġixxu malajr kemm jista' jkun b'assistenza finanzjarja fuq terminu ta' żmien qasir u bilanċ ta' faċilità ta' pagamenti, ikkomplementat b'pakkett fuq terminu ta' żmien twil, flimkien mal-BERŻ u l-BEI, ta' sostenn finanzjarju biex l-Ukraina tingħata l-għajnuna ħalli taffronta s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħha li qiegħda tmur għall-agħar kif ukoll jagħtu sostenn ekonomiku biex tagħti bidu għal riformi profondi u komprensivi neċessarji għall-ekonomija Ukraina; Jitlob, għalhekk, li tiġi organizzata konferenza tad-donaturi mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni u lill-SEAE jagħmlu l-aħjar użu tal-fondi disponibbli għall-Ukraina fil-qafas tal-istrumenti finanzjarji eżistenti u biex, mill-iktar fis possibli, jikkunsidraw jagħmlu riżorsi addizzjonali disponibbli għall-Ukraina;

17. Jirrikonoxxi li l-korruzzjoni mifruxa fil-livelli kollha tal-gvern għadha qed tostakola l-potenzjal tal-Ukraina għall-iżvilupp u qed tipperikola l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tagħhom stess; Iħeġġeġ, għalhekk, lill-gvern il-ġdid iqiegħed il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fuq quddiem nett fil-prijoritajiet tal-programm tiegħu u jitlob li l-UE tgħin dawn l-isforzi;

18. Jenfasizza l-bżonn li tiġi stabbilita sistema ġudizzjarja verament indipendenti u imparzjali;

19. Jistieden lill-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tħaffef id-djalogu dwar il-viża mal-Ukraina; jenfasizza l-finalizzazzjoni malajr tal-ftehim liberalizzazzjoni tal-viża – wara l-eżempju tal-Moldova – bejn l-UE u l-Ukraina hija l-aħjar mod kif għandha tingħata tweġiba għall-aspettattivi tas-soċjetà ċivili u taż-żgħażagħ Ukraini; jitlob, sadattant, l-introduzzjoni immedjata ta' proċeduri tal-viża temporanji, sempliċi ħafna u bi ħlas baxx fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, flimkien ma' kooperazzjoni msaħħa għar-riċerka, skambji ta' studenti aktar wesgħin u boroż ta' studju aktar disponibbli;

20. Huwa tal-fehma li l-dispożizzjonijiet tad-DCFTA ma jirrappreżentaw l-ebda sfida kummerċjali għall-Federazzjoni Russa u li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mhuwiex ta' impediment għar-relazzjonijiet tajba bejn l-Ukraina u l-ġar tagħha fil-Lvant; jenfasizza li l-instabilità fil-viċinat konġunt mhu la fl-interess tal-UE u lanqas tar-Russja; jenfasizza li l-applikazzjoni ta' pressjoni politika, ekonomika jew pressjoni oħra hija bi ksur tal-Att Finali ta' Ħelsinki;

21. Jinnota d-deċiżjoni li jiġu organizzati elezzjonijiet presidenzjali fil-25 ta' Mejju 2014; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn l-elezzjonijiet isiru b'mod ħieles u ġust; iħeġġeġ bil-qawwa li l-Verkhovna Rada tadotta l-leġiżlazzjoni elettorali neċessarja f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezia, inkluża liġi mġedda dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi li tindirizza l-kwistjonijiet identifikati minn GRECO u OSKE/ODIHR; iħeġġeġ li jkun hemm osservazzjoni internazzjonali tal-elezzjonijiet li ġejjin u jiddikjara r-rieda tiegħu li tiġi stabbilita missjoni ta' osservazzjoni tiegħu stess għal dan il-għan permezz ta' missjoni sostanzjali ta' osservazzjoni mill-Parlament Ewropew; jemmen li l-elezzjonijiet leġiżlattivi għandhom jiġu organizzati malajr wara l-elezzjonijiet presidenzjali u qabel l-aħħar tas-sena; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-OSKE/ODIHR jipprovdu appoġġ imsaħħaħ pre-elettorali u missjoni sostanzjali ta' monitoraġġ fit-tul tal-elezzjonijiet sabiex l-elezzjonijiet presidenzjali skedati għall-25 ta' Mejju 2014 ikunu jistgħu jsiru skont l-ogħla standards u jipproduċu riżultat li jkunu jistgħu jaċċettawh ir-rivali kollha; jitlob li persunal mill-Parlament Ewropew jintbagħat fid-delegazzjoni tal-UE fi Kiev għal perjodu tranżitorju sa ma jsiru l-elezzjonijiet;

22. Jilqa' r-rikonoxximent riċenti mill-Kunsill li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż DCFTA, ma jikkostitwix l-għan aħħar fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina; jirrimarka li l-UE tinsab lesta li tiffirma l-AA/DCFTA hekk kif il-kriżi politika attwali tiġi solvuta u l-awtoritajiet Ukraini ġodda jkunu lesti għal perspettiva Ewropea serja; ifakkar, barra minn hekk, li l-Artikolu 49 tat-TUE japplika għall-Ukraina, bħal ma japplika għal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor, sakemm hija taderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittjiet tal-minoranzi, u tiżgura l-istat tad-dritt;

23. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva mhux partitika tas-soċjetà ċivili li titwaqqaf 'Pjattaforma ta' Maidan', għall-iżvilupp ta' strateġija biex tintemm il-korruzzjoni endemika fl-Ukraina;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Aġent President , lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.