Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0229/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0229/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-istrateġija tal-UE għall-Artiku

10.3.2014 - (2013/2595(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D (B7‑0229/2014)
ALDE (B7‑0230/2014)
ECR (B7‑0231/2014)
PPE (B7‑0232/2014)

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Mairead McGuinness, Michael Gahler, Ivo Belet, Dubravka Šuica, Elena Băsescu, Andrej Plenković, Davor Ivo Stier, Petri Sarvamaa, Sari Essayah  
f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Libor Rouček, Liisa Jaakonsaari, Jens Nilsson, Ivari Padar  
f'isem il-Grupp S&D
Anneli Jäätteenmäki, Pat the Cope Gallagher, Graham Watson, Olle Schmidt  
f'isem il-Grupp ALDE
Charles Tannock, Konrad Szymański  
f'isem il-Grupp ECR


Proċedura : 2013/2595(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0229/2014
Testi mressqa :
RC-B7-0229/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE għall-Artiku

(2013/2595(RSP))
 

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Artiku, li l-aktar waħda reċenti minnhom ġiet adottata f'Jannar 2001,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' Ġunju 2012 bit-titolu "L-iżvilupp ta' politika tal-Unjoni Ewropea rigward ir-reġjun Artiku: il-progress mill-2008 u l-passi li jmiss" (JOIN(2012)0019), u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2008 intitolata "L-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Artiku" (COM(2008)0763),

–   wara li kkunsidra l-Azzjoni ta' Tħejjija "Valutazzjoni strateġika tal-impatt ambjentali tal-iżvilupp tal-Artiku",

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-2013 dwar il-politika tal-Artiku tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar,

–   wara li kkunsidra l-programm tal-Kunsill tal-Artiku għall-2013 sal-2015 taħt il-presidenza Kanadiża,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Artiku ta' Kiruna tal-15 ta' Mejju 2013,

–   wara li kkunsidra s-Sħubija UE-Groenlandja 2007-2013 u l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u l-Groenlandja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Groenlandja u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra[1],

–   wara li kkunsidra l-programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE Orizzont 2020 għas-snin 2014-2020,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni fl-okkażjoni tal-20 Anniversarju tal-Kooperazzjoni Ewro-Artika ta' Barents, maħruġa f'Kirkenes fit-3 u l-4 ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra l-istrateġiji nazzjonali u d-dokumenti ta' politika li jikkonċernaw kwistjonijiet rigward l-Artiku mill-Finlandja, l-Isvezja, id-Danimarka u l-Groenlandja, in-Norveġja, ir-Russja, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada u r-Renju Unit rispettivament,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet adottati waqt il-Forum Parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana f'Settembru 2009 fi Brussell u fi Frar 2011 fi Tromsø,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-tielet laqgħa ministerjali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mġedda, li saret fi Brussell fit-18 ta' Frar 2013,

–   wara li kkunsidra l-prijoritajiet tal-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents għall-perjodu mill-2013 sal-2015 taħt il-presidenza Finlandiża,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet rispettivi tad-9 Konferenza ta' Membri tal-Parlament tar-Reġjun tal-Artiku, li saret fi Brussell mit-13 sal-15 ta' Settembru 2010, u tal-10 Konferenza ta' Membri tal-Parlament tar-Reġjun tal-Artiku, li saret f'Akureyri mill-5 sas-7 ta' Settembru 2012, u d-dikjarazzjoni magħmula mill-Kumitat Permanenti tal-Membri tal-Parlament tar-Reġjun tal-Artiku (SCPAR) tad-19 ta' Settembru 2013 f'Murmansk dwar l-istatus ta' osservatur tal-UE fil-Kunsill tal-Artiku,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Nordiku tal-2012,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar "L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020"[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija fl-2030[4],

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-ŻEE tat-28 ta'  Ottubru 2013 dwar il-politika tal-Artiku,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta' Ottubru 2013 fil-Kawża C-583/11P, u tal-25 ta' April 2013 fil-Kawża T-526/10 rigward l-applikazzjoni għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 tal-10 ta' Awwissu 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki[5],

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-panel tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-25 ta' Novembru 2013 bit-titolu "Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri li jipprojbixxu l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mill-foki", Kapitolu 1.3.5 (li jistabbilixxi d-deċiżjoni preliminari maħruġa fid-29 ta' Jannar 2013), u n-notifika ta' appell tal-UE lill-Korp tal-Appell tad-WTO tad-29 ta' Jannar 2014,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Nordregio 2009:2 ("Qawwijin, Speċifiċi u Promettenti – Lejn Viżjoni għaż-Żoni Nordiċi b'Popolazzjoni Sparsa fl-2020"),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE għandha interess fl-Artiku b'saħħet id-drittijiet u l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali, l-impenji tagħha favur l-ambjent u l-klima u politiki oħra u l-finanzjament tagħha, u l-attivitajiet ta' riċerka, kif ukoll l-interessi ekonomiċi;

B.  billi l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ppubblikaw il-komunikazzjoni konġunta tagħhom bit-titolu "L-iżvilupp ta' politika tal-Unjoni Ewropea rigward ir-reġjun Artiku: il-progress mill-2008 u l-passi li jmiss", f'Ġunju 2012;

 

C. billi l-Kunsill għadu ma ppubblikax il-konklużjonijiet tiegħu dwar il-komunikazzjoni konġunta Kummissjoni/SEAE tas-sajf tal-2012;

D. billi l-Parlament kien parteċipant attiv fil-ħidma tal-SCPAR permezz tad-delegazzjoni tiegħu għal relazjonijiet mal-Isvizzera, l-Islanda u n-Norveġja fil-Konferenza ta' Membri tal-Parlament tal-Artiku;

E.  billi d-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja huma pajjiżi Artiċi; billi l-uniku poplu indiġenu tal-UE, il-poplu Sami, jgħix fir-reġjuni Artiċi tal-Finlandja u tal-Isvezja, kif ukoll tan-Norveġja u tar-Russja;

F.  billi Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, Spanja u l-Italja – osservaturi fil-Kunsill tal-Artiku – juru involviment sostanzjali fl-Artiku u interess qawwi fi djalogu u kooperazzjoni futuri mal-Kunsill tal-Artiku;

G. billi l-Islanda u n-Norveġja, bħala sħab impenjati u affidabbli, huma assoċjati mal-UE permezz taż-ŻEE u l-Ftehim ta' Schengen;

H. billi l-Artiku huwa reġjun abitat bi stati sovrani; billi r-reġjun Artiku Ewropew jinkludi soċjetajiet moderni industrijalizzati, żoni rurali u komunitajiet indiġeni; billi l-involviment attiv ta' dawn ir-reġjuni fl-iżvilupp tal-politika UE-Artiku huwa essenzjali biex jiġu żgurati leġittimità, fehim reċiproku u appoġġ lokali għall-impenn Artiku tal-UE;

I.   billi kien hemm impenn tal-UE dejjiemi fl-Artiku permezz tal-involviment tagħha fil-Politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mar-Russja, in-Norveġja u l-Islanda, fil-kooperazzjoni ta' Barents u b'mod partikolari fil-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents u l-Kunsill Reġjonali ta' Barents, fis-sħubijiet strateġiċi mal-Kanada, l-Istati Uniti u r-Russja, u fil-parteċipazzjoni tagħha bħala osservatur ad hoc attiv fil-Kunsill tal-Artiku fis-snin reċenti;

J.   billi l-Kunsill tal-Artiku ħa deċiżjoni f'Kiruna fil-15 ta' Mejju 2013 li "jilqa' b'mod affermattiv" l-applikazzjoni tal-UE għal status ta' osservatur permanenti; billi din id-deċiżjoni affermattiva tinkludi l-kundizzjoni li tiġi solvuta l-kwistjoni tal-projbizzjoni fuq il-prodotti mill-foki bejn l-UE u l-Kanada; billi l-UE u l-Kanada jinsabu fil-proċess biex isolvu din il-kwistjoni; billi l-UE diġà qed taħdem taħt l-istatus imsemmi hawn fuq ta' osservatur permanenti għall-Kunsill tal-Artiku;

K. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħtu kontribut kbir għar-riċerka fl-Artiku; billi l-programmi tal-UE, inkluż il-Programm Qafas ġdid Orizzont 2020, u l-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej jappoġġaw proġetti ta' riċerka kbar fir-reġjun, li minnhom żgur jibbenefikaw il-popli u l-ekonomiji tal-pajjiżi tal-Artiku;

L.  billi 20 % biss tar-riżervi tal-fjuwils fossili dinjin jistgħu jiġu sfruttati sal-2050 sabiex iż-żieda medja tat-temperatura tinżamm taħt iż-żewġ gradi Celcius;

M. billi huwa stmat li madwar wieħed minn kull ħamsa tar-riżorsi dinjin ta' idrokarburi mhux skoperti jinsabu fir-reġjun tal-Artiku, għalkemm tinħtieġ riċerka aktar estensiva;

N. billi l-interess dejjem jikber fir-reġjun tal-Artiku li qed juru atturi mhux Artiċi, bħalma huma ċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja u pajjiżi oħra, l-allokazzjoni ta' fondi tagħhom għar-riċerka polari u l-konferma tal-Korea t'Isfel, iċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja u Singapor bħala osservaturi fil-Kunsill tal-Artiku, jindikaw interess ġeopolitiku globali dejjem jiżdied fl-Artiku;

O. billi r-riċerka u l-iżvilupp, il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-protezzjoni tal-ekosistema għandhom jakkumpanjaw l-investiment u l-iżvilupp ekonomiku sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun tal-Artiku;

P.  billi r-rikonċiljazzjoni tal-interessi u l-opportunitajiet ekonomiċi prospettivi mal-isfidi soċjokulturali, ekoloġiċi u ambjentali permezz ta' żvilupp sostenibbli għadha prijorità ewlenija, riflessa wkoll fl-istrateġiji nazzjonali dwar l-Artiku tal-istati tal-Artiku;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' Ġunju 2012 bħala element kostitwenti importanti biex jiġi żgurat żvilupp kontinwu tal-politika tal-UE dwar l-Artiku;

2.  Itenni s-sejħa tiegħu għal politika unita tal-UE dwar l-Artiku, kif ukoll għal strateġija koerenti u pjan ta' azzjoni konkretizzat dwar l-impenn tal-UE favur l-Artiku, b'konċentrazzjoni fuq kwistjonijiet soċjoekonomiċi u ambjentali; jemmen li din l-għażla strateġika hija integrali biex jiġu żgurati leġittimità u appoġġ lokali għall-impenn tal-UE favur l-Artiku;

3.  Jenfasizza li l-użu dejjem jiżdied tar-riżorsi naturali tar-reġjun tal-Artiku irid isir b'mod li jirrispetta lill-popolazzjoni lokali u jkun ta' benefiċċju għaliha, kemm dik indiġena u dik mhux indiġena, u jassumi responsabilità ambjentali sħiħa għall-ambjent fraġli tal-Artiku;

4.  Jissottolinja l-opportunitajiet ekonomiċi u l-varjetà ta' industriji fir-reġjuni tal-Artiku u s-sub-Artiku, bħat-turiżmu, l-industrija marittima u n-navigazzjoni, l-enerġija rinnovabbli, it-teknoloġija ambjentali u nadifa, il-gass u ż-żejt, l-industija offshore, il-forestrija u l-industriji bbażati fuq l-injam, l-industrija tal-minjieri, is-servizzi ta' trasport u komunikazzjoni, it-tekonoloġija tal-informazzjoni u s-soluzzjonijiet elettroniċi, is-sajd u l-akkwakultura, u l-agrikoltura u l-mezzi ta' għajxien tradizzjonali bħat-tobbija tar-renni; jirrikonoxxi l-impatt u l-importanza tagħhom kemm fir-reġjun u kemm fl-Ewropa b'mod ġenerali, filwaqt li jenfasizza l-impenn tal-atturi Ewropej mill-qasam tan-negozju, ir-riċerka u l-iżvilupp;

5.  Jieħu nota tad-Dikjarazzjoni ta' Kiruna tal-Kunsill tal-Artiku f'Mejju 2013, u d-deċiżjoni tiegħu dwar l-istatus ta' osservatur permanenti għall-UE kif ukoll għal entitajiet statali oħrajn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issegwi l-kwistjoni pendenti tal-projbizzjoni fuq il-prodotti mill-foki mal-Kanada u biex tinforma debitament lill-Parlament Ewropew rigward dak il-proċess; jiddispjaċih għall-effetti li r-regolament tal-UE dwar il-projbizzjoni fuq il-prodotti tal-foki kellu fuq sezzjonijiet tal-popolazzjoni, b'mod partikolari fuq il-kultura indiġena u l-għajxien tal-popli;

6.  Ifakkar fl-istatus tal-UE u tal-Istati Membri tagħha bħala membri attivi f'oqfsa oħra ta' rilevanza għall-Artiku, bħall-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD); jenfasizza l-bżonn li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-UE jerġgħu jkunu ffokati fuq dawk l-oqsma ta' rilevanza għall-interessi politiċi, ambjentali jew ekonomiċi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-interessi tal-UE u tal-istati u r-reġjuni tal-Artiku Ewropew fl-użu, l-emendar jew l-iżvilupp ta' programmi jew politiki tal-UE li jaffettwaw jew jistgħu jaffettwaw l-Artiku, sabiex ikunu ta' servizz għar-reġjun tal-Artiku kollu kemm hu;

7.  Iqis il-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents (BEAC) bħala pjattaforma importanti għall-kooperazzjoni bejn id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja, ir-Russja, l-Isvezja u l-Kummissjoni; jinnota x-xogħol tal-BEAC fl-oqsma tas-saħħa u kwistjonijiet soċjali, tal-edukazzjoni u r-riċerka, tal-enerġija, tal-kultura u tat-turiżmu; jinnota r-rwol konsultattiv tal-Grupp ta' Ħidma tal-Popli Indiġeni (WGIP) fi ħdan il-BEAC;

8.  Jappoġġa bil-qawwa l-libertà tar-riċerka fl-Artiku u jħeġġeġ kooperazzjoni wiesgħa bejn l-istati li huma attivi fil-qasam tar-riċerka multidixxiplinari fl-Artiku u fl-istabbiliment ta' infrastrutturi għar-riċerka;

9.  Ifakkar fil-kontribuzzjonijiet li l-UE qed tagħmel għar-riċerka u l-iżvilupp u l-impenn tal-atturi ekonomiċi Ewropej fir-reġjun tal-Artiku;

10. Jenfasizza li netwerks ta' informazzjoni u servizzi diġitali affidabbli u b'kapaċità għolja huma strumentali biex tingħata spinta lill-attività ekonomika u l-benesseri tal-popli fl-Artiku;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti dwar kif il-Proġett Galileo jew progetti bħall-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà, li jista' jkollhom impatt fuq l-Artiku, jistgħu jiġu żviluppati sabiex ikun hemm navigazzjoni aktar sikura u rapida fl-ilmijiet tal-Artiku, u b'hekk isir investiment fis-sikurezza u l-aċċessibilità tal-Passaġġ Tramuntana-Lvant b'mod partikolari, sabiex jikkontribiwixxu għal prevedibilità aħjar tal-moviment tas-silġ, kif ukoll immappjar aħjar ta' qiegħ il-baħar fir-reġjun tal-Artiku u fehim tal-proċessi ġeodinamiċi ewlenin fir-reġjun;

12. Jenfasizza l-bżonn ta' sistemi affidabbli ta' monitoraġġ u osservazzjoni li jsegwu l-kundizzjonijiet tal-Artiku li qed jinbidlu;

13. Jenfasizza l-ħtieġa ta' ċentri ta' kompetenza sabiex jiġu żgurati s-sikurezza, l-istat tajjeb ta' tħejjija għall-emerġenzi u l-faċilitajiet ta' salvataġġ; jirrakkomanda li l-UE tikkontribwixxi b'mod attiv għall-iżvilupp ta' tali ċentri ta' kompetenza;

14. Jilqa' l-identifikazzjoni taż-Żoni Ekoloġikament u Bijoloġikament Sinifikanti fir-reġjun tal-Artiku skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) bħala proċess importanti fl-iżgurar tal-konservazzjoni effikaċi tal-bijodiversità tal-Artiku, u jenfasizza l-importanza li jiġi implimentat approċċ ta' Ġestjoni Bbażata fuq l-Ekosistemi (EBM) fl-ambjenti kostali, marini u terrestri tal-Artiku, kif ġie sottolinjat mill-grupp ta' esperti tal-EBM tal-Kunsill tal-Artiku;

15. Itenni li t-tħassib ambjentali serju relatat mal-ilmijiet tal-Artiku jirrikjedi attenzjoni speċjali li tiżgura l-protezzjoni ambjentali tal-Artiku b'rabta ma' kwalunkwe operazzjoni offshore taż-żejt u tal-gass, filwaqt li jitqies ir-riskju ta' aċċidenti kbar u l-ħtieġa għal rispons effikaċi, kif previst fid-Direttiva 2013/30/UE;

16. Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jippromwovu attivament l-ogħla standards fir-rigward tas-sikurezza ambjentali fl-ilmijiet tal-Artiku;

17. Jilqa' l-implimentazzjoni, mill-membri tal-Kunsill tal-Artiku, tal-Ftehim ta' Tiftix u Salvataġġ u l-Ftehim dwar Azzjoni f'Każ ta' Tixrid ta' Żejt; jiddispjaċih, madankollu, li l-ftehim ma jinkludix standards komuni vinkolanti speċifiċi;

18. Jenfasizza l-ħtieġa ta' strument vinkolanti dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis;

19. Jenfasizza l-ħtieġa ta' involviment attiv tal-UE fil-gruppi ta' ħidma relevanti kollha tal-Kunsill tal-Artiku;

20. Jinnota l-inizjattiva tal-Gvern tal-Islanda biex itemm in-negozjati ta' sħubija mal-UE; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżommu relazzjonijiet tajba u jiżviluppaw kooperazzjoni eqreb mal-Islanda f'oqsma ta' interess komuni, bħall-iżvilupp tat-trasport marittimu, is-sajd, l-enerġija ġeotermali u l-ambjent, billi jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti eżistenti u jinkoraġġixxu kooperazzjoni fl-Artiku bejn atturi bbażati fl-UE u dawk fl-Islanda u jiżguraw li jibqgħu jitħarsu l-interessi Ewropej f'dan ir-reġjun strateġikament importanti;

21. Jilqa' t-tħejjijiet għal Kunsill Ekonomiku tal-Artiku, li għandu jkun affiljat mal-Kunsill tal-Artiku b'funzjoni konsultattiva, u jenfasizza l-proporzjon ta' negozji u istituti Ewropej li qed jikkontribwixxu għall-Artiku u jinvestu fih, proporzjon li jindika parteċipazzjoni effiċjenti mill-atturi kummerċjali mhux biss mit-tliet Stati Artiċi Membri tal-UE, iżda anke minn stati (osservaturi) oħrajn, u dan fid-dawl tan-natura globali ta' ħafna negozji;

22. Jenfasizza l-ħtieġa li jsiru investimenti b'mod ambjentalment u soċjalment responsabbli;

23. Jilqa' l-ħidma rigward inizjattivi minn isfel għal fuq li jistgħu jiżguraw impenn bilanċjat u fit-tul ta' negozji Ewropej u mhux Ewropej, u jitlob lill-Kummissjoni tressaq suġġerimenti dwar kif tista' tinvolvi negozji Ewropej impenjati fi żvilupp soċjoekonomiku bilanċjat, sostenibbli u fit-tul fl-Artiku;

24. Jenfasizza li l-UE jeħtiġilha tqis il-bżonn li l-attivitajiet marbuta mal-materja prima jipprovdu benefiċċji lokali u jkunu aċċettati lokalment; jirrikonoxxi d-distakk attwali bejn il-kompetenza relevanti fir-rigward tal-estrazzjoni tal-minerali, l-ipproċessar u l-ħtiġijiet futuri mbassra hekk kif ir-reġjun ikompli jiżviluppa; jissuġġerixxi li permezz tal-parteċipazzjoni fi proġetti konġunti fil-livell Ewropew, bħas-Sħubija għall-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima, l-atturi Artiċi jistgħu jagħmlu skambju ta' informazzjoni u ta' kompetenza fuq diversi suġġetti;

25. Jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-għadd enormi ta' attivitajiet xjentifiċi, ekonomiċi u ċiviċi, b'mod partikolari fl-Artiku Ewropew, ir-reġjun ta' Barents u lil hinn, biex tiżviluppa prattiki bl-għan li l-fondi tal-UE jintużaw aħjar u li jiġi żgurat bilanċ xieraq fil-protezzjoni u l-iżvilupp tar-reġjun tal-Artiku meta l-fondi tal-UE jiġu allokati lill-Artiku;

26. Jenfasizza l-importanza vitali tal-politika reġjonali u ta' koeżjoni tal-UE fir-rigward tal-kooperazzjoni interreġjonali u transfruntiera;

27. Jitlob ukoll li jiġu żviluppati sinerġiji aktar effikaċi bejn il-programmi eżistenti, pereżempju fil-qafas tal-Programm Interreg IV, il-Programm tal-Periferija tat-Tramuntana (NPP), il-Programm Kolartic, il-Programm Baltiku u l-Istrateġija tat-Tkabbir Blu, kif ukoll li jsiru kontribuzzjonijiet għall-finanzjament tas-Sħubijiet tad-Dimensjoni tat-Tramuntana bħas-Sħubija Ambjentali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana (NDEP) u s-Sħubija tad-Dimensjoni tat-Tramuntana dwar it-Trasport u l-Loġistika (NDPTL), jew pakketti oħrajn tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) sabiex tkun tista' ssir allokazzjoni effiċjenti tal-fondi, u sabiex jiġu definiti b'mod ċar il-prijoritajiet ta' investiment għall-involviment fir-reġjun tal-Artiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkooperaw għal allokazzjoni koerenti ta' fondi għall-Artiku u b'hekk jimmassimizzaw l-interazzjoni effikaċi bejn il-programmi interni u esterni tal-UE u l-proġetti relatati mar-reġjuni tal-Artiku u s-sub-Artiku;

28. Jenfasizza li l-Istrateġija UE-Artiku tirrikjedi appoġġ baġitarju xieraq sabiex issir operattiva;

29. Huwa tal-fehma li l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana bbażata fuq kooperazzjoni reġjonali u sħubijiet prammatiċi sservi bħala mudell ta' suċċess ta' stabilità, sjieda konġunta u impenn li jinvolvi l-UE, l-Islanda, in-Norveġja u r-Russja;

30. Jissottolinja, f'dan ir-rigward, is-sinifikat tal-prijoritajiet Artiċi bħall-funzjonament tajjeb tal-infrastruttura u l-loġistika, l-iżvilupp fir-reġjun tal-Artiku, it-tħeġġiġ ta' investiment fil-kompetenzi dwar klimi kesħin u f'teknoloġiji relevanti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u l-appoġġ għall-intraprenditorija lokali u rurali u b'mod partikolari għall-SMEs; jitlob lill-UE tagħmel sforz akbar biex tintegra tali prijoritajiet Artiċi fl-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u fi programmi bħal Orizzont 2020 u l-Unjoni ta' Innovazzjoni, kif ukoll fi programmi ta' riċerka oħra tal-Unjoni;

31. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu favur l-istabbiliment ta' Ċentru ta' Informazzjoni tal-UE dwar l-Artiku bħala impriża f'netwerk b'uffiċċju permanenti f'Rovaniemi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproċedi bl-istabbiliment ta' tali Ċentru, b'referenza għall-Azzjoni ta' Tħejjija dwar Valutazzjoni Strateġika tal-Impatt Ambjentali tal-Iżvilupp fl-Artiku, kif appoġġat mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fil-komunikazzjoni konġunta tagħhom tal-2012 u implimentat miċ-Ċentru Artiku tal-Università tal-Lapponja, flimkien ma' netwerk ta' ċentri ta' eċċellenza Ewropej dwar l-Artiku bl-għan li jinkiseb aċċess effiċjenti għal informazzjoni dwar l-Artiku, djalogi f'kull livell u komunikazzjoni sabiex jinġabru informazzjoni u għarfien għas-sostenibilità fl-Artiku;

32. Jistenna, f'dan ir-rigward, ir-riżultati tal-proġett ta' Azzjoni Preparatorja (AP) ta' 18-il xahar dwar il-valutazzjoni strateġika tal-impatt ambjentali tal-iżvilupp tal-Artiku, li għandhom jiġu ppubblikati din ir-rebbiegħa; jitlob lill-UE sabiex, wara dan, tipproċedi malajr bl-istabbiliment taċ-Ċentru ta' Informazzjoni dwar l-Artiku tal-UE;

33. Jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm interfaċċa speċjali dwar l-Artiku bl-għan li tipprovdi pjattaforma miftuħa u trasversali, fir-rigward tal-partiti u l-kwistjonijiet ikkonċernati, fi Brussell, li tħeġġeġ fehim bejn il-firxa wiesgħa ta' atturi relevanti kemm fl-Artiku kif ukoll fl-UE li jorbot l-oqsma tat-tfassil tal-politika, tax-xjenza, tas-soċjetà ċivili u tal-kummerċ;

34. Jirrakkomanda t-tisħiħ ta' skambji u konsultazzjonijiet regolari dwar suġġetti relatati mal-Artiku, ma' partijiet interessati reġjonali, lokali u indiġeni tal-Artiku Ewropew sabiex jiġi ffaċilitat fehim reċiproku, b'mod partikolari matul il-proċess UE-Artiku ta' tfassil ta' politika; jenfasizza l-ħtieġa li tali konsultazzjonijiet jisiltu mill-esperjenza u l-kompetenza tar-reġjun u l-abitanti tiegħu u jiggarantixxu l-leġittimità essenzjali tal-involviment ulterjuri tal-UE bħala attur Artiku;

35. Jissuġġerixxi li għandu jkun hemm koordinazzjoni mtejba fl-istituzzjonijiet tal-UE bejn il-Kummissjoni u s-SEAE, b'mod partikolari meta wieħed jikkunsidra n-natura transsettorjali tal-kwistjonijiet marbuta mal-Artiku;

36. Jirrikonoxxi li l-ilmijiet madwar il-Pol tat-Tramuntana huma prevalentement ilmijiet internazzjonali;

37. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sigurtà tal-enerġija hi marbuta mill-qrib mat-tibdil fil-klima; iqis li s-sigurtà tal-enerġija trid tittejjeb billi titnaqqas id-dipendenza tal-UE mill-fjuwils fossili; jenfasizza l-fatt li t-trasformazzjoni tal-Artiku tirrappreżenta effett kbir wieħed tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li dan il-multiplikatur tar-riskji jiġi indirizzat permezz ta' strateġija msaħħa tal-UE għall-Artiku, u permezz ta' politika msaħħa dwar l-enerġiji minn sorsi rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika tal-UE li tnaqqas b'mod sinifikanti d-dipendenza tal-Unjoni minn sorsi esterni u b'hekk ittejjeb il-pożizzjoni tagħha fil-qasam tas-sigurtà;

38. Jappoġġa l-inizjattiva ta' ħames stati kostali tal-Artiku li jiftiehmu dwar miżuri prekawzjonarji interim biex jiġi evitat kwalunkwe sajd fl-ibħra internazzjonali tal-Artiku mingħajr l-istabbiliment minn qabel ta' mekkaniżmi regolatorji xierqa, u jappoġġa l-iżvilupp ta' netwerk ta' żoni ta' konservazzjoni tal-Artiku u, b'mod partikolari, il-protezzjoni taż-żona ta' baħar internazzjonali madwar il-Pol tat-Tramuntana barra ż-żoni ekonomiċi tal-istati kostali;

39. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Istati taż-ŻEE jappoġġaw l-impenn internazzjonali fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) biex jitħarsu 10 % ta' kull reġjun kostali u marin;

40. Jistieden lill-UE tagħmel kull sforz possibbli biex tiżgura rikonċiljazzjoni sostenibbli bejn l-attivitajiet ekonomiċi u protezzjoni u żvilupp soċjoekonomiċi u ambjentali vijabbli, sabiex jitħares il-benesseri fl-Artiku;

41. Jenfasizza li ż-żamma ta' komunitajiet żviluppati u sostenibbli fl-Artiku b'livell għoli ta' kwalità tal-ħajja hija ta' importanza assoluta, u li l-UE jista' jkollha rwol vitali f'dan il-qasam; jitlob lill-UE, f'dan ir-rigward, tintensifika l-ħidma tagħha fl-oqsma marbuta ma' ġestjoni bbażata fuq l-ekosistemi, kooperazzjoni multilaterali, teħid ta' deċiżjonijiet abbażi tal-għarfien u kooperazzjoni mill-qrib mal-abitanti lokali u l-popli indiġeni;

42. Jirrikonoxxi r-rieda tal-abitanti u l-gvernijiet tar-reġjun tal-Artiku bi drittijiet u b'responsabilitajiet sovrani li jkomplu jippruvaw jiksbu żvilupp ekonomiku sostenibbli filwaqt li fl-istess ħin jipproteġu l-għejun tradizzjonali tal-għajxien tal-popli indiġeni u n-natura sensittiva ferm tal-ekosistemi tal-Artiku;

43. Jirrikonoxxi l-importanza fundamentali tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali (RAG), li jippermettu lir-reġjuni fit-Tramuntana Estrema li għandhom karatteristiċi u sfidi speċjali jkomplu jużaw mekkaniżmi xierqa sabiex iħeġġu l-innovazzjoni u t-tkabbir sostenibbli;

44. Jikkonferma d-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni b'mod ġenerali u tas-Sami b'mod partikolari, bħala l-uniku poplu indiġenu tal-UE;

45. Jappoġġa l-laqgħat li għamlet il-Kummissjoni mas-sitt assoċjazzjonijiet ta' popli indiġeni ċirkumpolari li huma rikonoxxuti bħala parteċipanti permanenti fil-Kunsill tal-Artiku; jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-possibilità li jkun żgurat li l-fehmiet tagħhom jiġu kkunsidrati fid-dibattiti tal-UE, li jiġu pprovduti fondi għal dawn l-assoċjazzjonijiet biex jattendu laqgħat tal-korpi tan-NU u assembleji internazzjonali oħra li diġà huma preżenti fihom, u li tipprovdi appoġġ politiku għall-aspirazzjoni tagħhom li jkunu preżenti f'forums internazzjonali oħra fejn jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mal-popli indiġeni;

46. Jirrikonoxxi li l-politiki tal-UE li jsaħħu l-edukazzjoni għolja u l-faċilitajiet għar-riċerka fir-reġjun huma fundamentali biex jissaħħu l-ambjenti innovattivi u l-mekkaniżmi għat-trasferiment tat-teknoloġija; jissottolinja l-importanza li jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' netwerks ta' kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja fir-reġjun u lil hinn minnu u li jiġu pprovduti opportunitajiet ta' finanzjament għar-riċerka, b'mod partikolari f'oqsma fejn ir-reġjun għandu storja ta' riżultati tajbin, sabiex iseħħ żvilupp ekonomiku sostenibbli fir-reġjuni tal-Artiku;

47. Jissottolinja l-importanza ewlenija tas-sikurezza u s-sigurtà ta' rotot ġodda ta' kummerċ dinji bil-baħar fl-Artiku, b'mod partikolari għall-UE u għall-ekonomiji tal-Istati Membri tagħha, li jikkontrollaw 40 % tat-trasport marittimu kummerċjali tad-dinja;

48. Jilqa' l-ħidma fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) rigward il-finalizzazzjoni tal-Kodiċi Polari mandatarju għat-trasport marittimu; iħeġġeġ kooperazzjoni kemm fir-riċerka kif ukoll fl-investiment bil-ħsieb li tiġi żviluppata infrastruttura robusta u sikura għar-rotot marittimi tal-Artiku, u jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jirrispettaw attivament il-prinċipji tal-libertà tan-navigazzjoni u d-dritt ta' passaġġ innoċenti;

49. Jenfasizza li l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) irid ikollha l-mezzi meħtieġa biex tissorvelja u tipprevjeni t-tniġġis mit-trasport marittimu kif ukoll mill-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass fir-reġjun tal-Artiku;

50. Jistieden lill-istati fir-reġjun biex jiżguraw li kwalunkwe rotta tat-trasport attwali – u kwalunkwe waħda li tista' tiżviluppa fil-futur – tkun miftuħa għat-trasport marittimu internazzjonali u biex iżommu lura milli jintroduċu ostakli unilaterali u arbitrarji, kemm jekk finanzjarji kif ukoll jekk amministrattivi, li jistgħu jfixklu t-trasport marittimu fl-Artiku, minbarra l-miżuri maqbula fil-livell internazzjonali bl-għan li tiżdied is-sigurtà jew il-protezzjoni tal-ambjent;

51. Jinnota l-importanza li jiġu żviluppati konnessjonijiet infrastruttutali li jgħaqqdu lir-reġjun tal-Artiku mal-bqija tal-Ewropa;

52. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw fuq kurituri tat-trasport bħal toroq, linji ferrovjarji u rotot ta' trasport marittimu bil-ħsieb li jinżammu u jiġu promossi konnessjonijiet transfruntieri fl-Artiku Ewropew u li prodotti mill-Artiku jinġiebu lejn is-swieq Ewropej; huwa tal-fehma li hekk kif l-UE tkompli tiżviluppa l-infrastruttura tagħha tat-transport (Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, TEN-T), jeħtieġ li jittejbu l-konnessjonijiet kemm mal-Artiku Ewropew kif ukoll fi ħdanu;

53. Itenni d-dritt tal-poplu tal-Artiku li jiddetermina l-għajxien tiegħu stess u jirrikonoxxi x-xewqa tiegħu ta' żvilupp sostenibbli tar-reġjun; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta dwar liema programmi tal-UE jistgħu jintużaw biex jappoġġaw tali żvilupp sostenibbli bilanċat u fit-tul, u tħejji mezzi bl-għan li jingħata kontribut aktar konkret biex din ix-xewqa sseħħ;

54. Jieħu nota tal-attivitajiet ta' esplorazzjoni reċenti fl-Artiku Ewropew u fil-Baħar ta' Barents, u jenfasizza l-kooperazzjoni bilaterali bejn in-Norveġja u r-Russja, bl-għan li jiġu applikati l-ogħla standards tekniċi disponibbli fil-qasam tal-ħarsien ambjentali, waqt it-tiftix għaż-żejt u l-gass fil-Baħar ta' Barents; jirrimarka b'mod partikolari l-importanza tal-iżvilupp kontinwu ta' teknoloġiji ġodda, żviluppati speċjalment għall-ambjent Artiku, bħat-teknoloġija tal-installazzjoni taħt qiegħ il-baħar;

55. Ifakkar fil-pożizzjoni tal-UE bħala konsumatur ewlieni tal-gass naturali tal-Artiku, u jenfasizza r-rwol tal-gass naturali minn sors ta' provvista sikur u bla periklu u prodott skont l-ogħla standards possibbli, u bħala element tranżitorju importanti għall-bidla għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju fil-futur; jappoġġa l-approċċ prekawzjonarju pass pass fl-iżvilupp ta' riżorsi tal-enerġija fl-Artiku, filwaqt li jirrikonoxxi li r-reġjuni tal-Artiku jvarjaw sostanzjalment;

56. Jenfasizza r-relazzjonijiet b'saħħithom tal-UE mal-Groenlandja u l-importanza ġeostrateġika ta' dak it-territorju; jieħu nota tal-prijoritajiet tal-Gvern tal-Groenlandja, b'enfasi mġedda fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-isfruttament tal-materja prima; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jesploraw kif l-UE u l-atturi bbażati fl-UE mill-qasam tax-xjenza, tat-teknoloġija u tal-kummerċ jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tal-Groenlandja u jgħinu f'dan l-iżvilupp sabiex kemm il-preokkupazzjonijiet ambjentali kif ukoll il-ħtieġa ta' żvilupp ekonomiku jiġu kkunsidrati; jesprimi, f'dan ir-rigward, il-preokkupazzjoni tiegħu rigward ir-riżultati limitati tal-Ittra ta' Intenzjoni ffirmata minn Viċi President tal-Kummissjoni mal-Groenlandja;

57. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati tar-reġjun tal-Artiku.