Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0263/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0263/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja

12.3.2014 - (2014/2627(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B7‑0263/20)
PPE (B7‑0264/20)
S&D (B7‑0265/20)
Verts/ALE (B7‑0266/20)
ALDE (B7‑0267/20)

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Mairead McGuinness, Jacek Saryusz-Wolski, Laima Liucija Andrikienė, Roberta Angelilli, Sophie Auconie, Elena Băsescu, Ivo Belet, Jerzy Buzek, Arnaud Danjean, Mário David, Anne Delvaux, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Gunnar Hökmark, Anna Ibrisagic, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Jan Kozłowski, Eduard Kukan, Krzysztof Lisek, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Monica Luisa Macovei, Ria Oomen‑Ruijten, Alojz Peterle, Andrej Plenković, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Jacek Protasiewicz, György Schöpflin, Davor Ivo Stier, Dubravka Šuica, Inese Vaidere, Anna Maria Corazza Bildt, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Algirdas Saudargas, Philippe Juvin, Mariya Gabriel, Csaba Sógor, Paweł Zalewski f'isem il-Grupp PPE
Hannes Swoboda, Libor Rouček, Ana Gomes, Marek Siwiec, Tonino Picula, Knut Fleckenstein, Maria Eleni Koppa, Liisa Jaakonsaari, Boris Zala, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Victor Boştinaru, Ivari Padar, Emine Bozkurt, Richard Howitt, Ioan Mircea Paşcu, Jo Leinen, Marusya Lyubcheva f'isem il-Grupp S&D
Guy Verhofstadt, Johannes Cornelis van Baalen, Marielle de Sarnez, Louis Michel, Marietje Schaake, Graham Watson, Leonidas Donskis, Ivo Vajgl, Sarah Ludford, Gerben-Jan Gerbrandy, Jan Mulder, Robert Rochefort, Olle Schmidt, Nathalie Griesbeck f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Werner Schulz, Tarja Cronberg, Bart Staes, Ulrike Lunacek, Mark Demesmaeker, Indrek Tarand, Isabelle Durant, Nikos Chrysogelos f'isem il-Grupp Verts/ALE
Martin Callanan, Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Paweł Robert Kowal, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan, Ruža Tomašić, Marek Henryk Migalski, Roberts Zīle, Konrad Szymański, Valdemar Tomaševski, Geoffrey Van Orden f'isem il-Grupp ECR


Proċedura : 2014/2627(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0263/2014
Testi mressqa :
RC-B7-0263/2014
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja

(2014/2627(RSP))
 

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, u b'riferiment partikolari għal dik tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-eżitu tas-summit ta' Vilnjus u l-futur tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fir-rigward tal-Ukraina[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-Summit UE-Russja[3],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tat-3 ta' Marzu 2014 tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Ukraina,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana tal-4 ta' Marzu 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern dwar l-Ukraina insegwitu tal-laqgħa straordinarja tas-6 ta' Marzu 2014 tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċeduri tiegħu,

A. billi l-att ta' aggressjoni tar-Russja li kkonsista fl-invażjoni tal-Krimea jikkostitwixxi vjolazzjoni tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-Ukraina, u jmur kontra d-dritt internazzjonali u jikkostitwixxi ksur tal-obbligi tar-Russja bħala firmatarja tal-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà għall-Ukraina, fejn hija ggarantiet ir-rispett tal-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukraina;

B.  billi tiraturi pro-Russja u suldati Russi ħatfu binjiet essenzjali fil-kapitali tal-Krimea, Simferopol, kif ukoll installazzjonijiet Ukraini importanti u objettivi strateġiċi fil-Krimea, inklużi mill-inqas tliet ajruporti; billi l-parti l-kbira tal-unitajiet militari Ukraini fil-peniżola ġew iċċikundati iżda rrifjutaw li jċedu l-armi; billi mill-bidu tal-kriżi 'l hawn fl-Ukraina ġew skjerati numri sostanzjali ta' truppi Russi addizzjonali;

C. billi l-argumenti ppreżentati mit-tmexxija Russa insostenn ta' din l-aggressjoni huma għalkollox infondati u bla ebda relazzjoni mar-realtà fil-post, peress li ma kien hemm l-ebda każ ta' attakki jew ta' intimidazzjoni fuq Russi jew ċittadini ta' etniċità Russa fil-Krimea;

D. billi l-awtoritajiet awtoproklamati u illeġittimi tal-Krimea ddeċiedew fis-6 ta' Marzu 2014 li jitolbu lir-Russja tinkorpora lill-Krimea fil-Federazzjoni Russa u sejħu referendum għas-16 ta' Marzu 2014 dwar is-seċessjoni tal-Krimea mill-Ukraina, u b'hekk kisru l-kostituzzjonijiet kemm tal-Ukraina kif ukoll tal-Krimea;

E.  billi l-Prim Ministru Russu ħabbar pjanijiet għall-applikazzjoni malajr ta' proċeduri biex il-persuni ta' lsien Russu f'pajjiżi barranin jiksbu ċ-ċittadinanza Russa;

F.  billi fl-1 ta' Marzu 2014 il-Kunsill Federali tal-Federazzjoni Russa awtorizza l-iskjerament tal-forzi armati tal-Federazzjoni Russa fl-Ukraina biex jipproteġi l-interessi tar-Russja u tal-persuni ta' lsien Russu fil-Krimea u fil-pajjiż kollu;

G. billi hemm il-ħtieġa ta' azzjoni diplomatika internazzjonali qawwija fil-livelli kollha u ta' proċess negozjat bil-għan li titnaqqas l-intensità tas-sitwazzjoni, jittaffew it-tensjonijiet, jiġi pprevenut li l-kriżi tkompli tikber bla kontroll u jinkiseb eżitu paċifiku; billi jeħtieġ li l-UE tirreaġixxi b'mod effikaċi ħalli tippermetti lill-Ukraina teżerċita bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tagħha ħielsa minn pressjoni esterna;

H. billi t-28 Prim Ministru u Kap ta' Stat tal-UE ħarġu twissija b'saħħitha fir-rigward tal-implikazzjonijiet tal-azzjonijiet tar-Russja u ddeċidew li jissospendu t-taħdidiet bilaterali mar-Russja dwar kwistjonijiet ta' viża u n-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni ġdid u li jissospendu l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE fit-tħejjijiet għas-Summit tal-G8 li għandu jseħħ f'Sochi f'Ġunju 2014;

1.  Jikkundanna bis-saħħa l-att ta' aggressjoni tar-Russja li kkonsista fl-invażjoni tal-Krimea, li hija parti inseparabbli mill-Ukraina u rikonoxxuta bħala tali mill-Federazzjoni Russa u mill-komunità internazzjonali; jitlob it-tnaqqis immedjat tal-intensità tal-kriżi, bl-irtirar minnufih tal-forzi militari kollha preżenti illegalment fit-territorju Ukrain, u jħeġġeġ ir-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali u tal-obbligi fis-seħħ imposti minn konvenzjonijiet;

2.  Ifakkar li dawn l-azzjonijiet imorru b'mod ċar kontra l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-OSKE, l-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà tal-1994, it-Trattat Bilaterali dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija tal-1997, il-Ftehim dwar l-Istatus u l-Kundizzjonijiet tal-Preżenza tal-Flotta Russa tal-Baħar Iswed fit-Territorju tal-Ukraina tal-1997 u l-obbligi internazzjonali tar-Russja; iqis li l-atti meħuda mir-Russja jikkostitwixxu theddida għas-sigurtà tal-UE; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa li ma tattendix il-laqgħa dwar is-sigurtà tal-Ukraina li ssejħet mill-firmatarji tal-memorandum u li kienet skedata għall-5 ta' Marzu 2014 f'Pariġi;

3.  Jenfasizza l-fatt li l-integrità territorjali tal-Ukraina kienet iggarantita mir-Russja, l-Istati Uniti u r-Renju Unit fil-Memorandum ta' Budapest iffirmat mal-Ukraina, u jirrimarka li skont il-kostituzzjoni tal-Ukraina, ir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea tista' torganizza referenda fuq kwistjonijiet lokali biss u mhux fuq it-tibdil tal-fruntieri rikonoxxuti fil-livell internazzjonali tal-Ukraina; jenfasizza li referendum dwar il-kwistjoni tal-adeżjoni mal-Federazzjoni Russa għalhekk se jitqies bħala illeġittimu u illegali, bħal kull referendum ieħor li jmur kontra l-kostituzzjoni tal-Ukraina u d-dritt internazzjonali;

4.  Jenfasizza l-bżonn li l-UE u l-Istati Membri tagħha jinteraġixxu mar-Russja b'vuċi waħda u jappoġġaw id-dritt ta' Ukraina magħquda li tiddetermina l-futur tagħha b'mod ħieles; jilqa', għaldaqstant, u jappoġġa bil-qawwa, id-dikjarazzjoni konġunta tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2014 li kkundannat l-atti ta' aggressjoni tar-Russja u appoġġat l-integrità territorjali, l-unità, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina; jappella għal kooperazzjoni trans-Atlantika mill-qrib fir-rigward tal-passi li għandhom jittieħdu biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi;

5.  Ifakkar li fir-referendum għall-indipendenza li sar mal-pajjiż kollu fl-Ukraina fl-1991, il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tal-Krimea vvotat favur l-indipendenza;

6.  Jenfasizza l-konvinzjoni tiegħu li l-ħolqien ta' djalogu kostruttiv hu l-aħjar triq 'il quddiem għas-soluzzjoni ta' kwalunkwe kunflitt u għall-istabbiltà fuq il-perjodu twil fl-Ukraina; ifaħħar il-ġestjoni responsabbli, meqjusa u kontrollata mill-Gvern Ukrain ta' din il-kriżi gravi, li qed thedded l-integrità territorjali u s-sovranità tal-pajjiż; jappella lill-komunità internazzjonali biex tappoġġa b'mod determinat u ssostni lill-Ukraina;

7.  Jiċħad l-objettiv iddikjarat mir-Russja li tipproteġi l-parti tal-popolazzjoni tal-Krimea li hija ta' lsien Russu u jqis dan l-objettiv kompletament infondat, peress li din ma ħabbtitx wiċċha – u mhux qed tħabbat wiċċha – ma' xi tip ta' diskriminazzjoni; jiċħad bil-qawwa d-defamazzjoni tad-demostranti kontra l-politika ta' Yanukovych li ssejħu faxxisti mill-propoganda Russa;

8.  Jappella għal soluzzjoni paċifika għall-kriżi kurrenti u r-rispett sħiħ tal-prinċipji u l-obbligi previsti mid-dritt internazzjonali huwa tal-fehma li s-sitwazzjoni trid tiġi kontenuta u li trid titnaqqas aktar l-intensità tagħha bil-ħsieb li tiġi evitata konfrontazzjoni militari fil-Krimea;

9.  Jissottolinja l-importanza assoluta tal-osservazzjoni u l-medjazzjoni internazzjonali; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jkunu lesti jeżawrixxu kull triq diplomatika u politika possibbli u jaħdmu mingħajr waqfien mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha, bħan-NU, l-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, sabiex jiżguraw soluzzjoni paċifika, li trid tkun ibbażata fuq is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; jitlob, għalhekk, l-iskjerament ta' missjoni ta' osservazzjoni kompleta tal-OSKE fil-Krimea;

10. Jilqa' l-inizjattiva meħuda għat-twaqqif ta' Grupp ta' Kuntatt taħt l-awspiċji tal-OSKE, iżda jiddispjaċih dwar il-fatt li gruppi armati xekklu d-dħul fil-Krimea tal-missjoni ta' osservazzjoni tal-OSKE fis-6 ta' Marzu 2014; jikkritika lill-awtoritajiet awtoproklamati Russi u dawk tal-Krimea talli ma kkooperawx mal-missjoni ta' osservazzjoni tal-OSKE jew talli ma tawx lill-membri tagħha aċċess sħiħ u sigur għar-reġjun;

11. Jiddeplora l-fatt li l-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Krimea kellu jwaqqaf il-missjoni tiegħu qabel iż-żmien insegwitu ta' theddid vjolenti fil-konfront tiegħu;

12. Hu tal-fehma li ċerti aspetti tal-ftehim tal-21 ta' Frar 2014, kif negozjat minn tliet ministri għall-affarijiet barranin f'isem l-UE, iżda miksur minn Yanuovych, li naqas milli jirrispettah billi ffirma liġi kostituzzjonali ġdida, għad jistgħu jkunu utli għall-ħruġ minn dan l-impass; hu tal-fehma, madankollu, li ħadd ma jista' jinnegozja u/jew jaċċetta soluzzjonijiet li jippreġudikaw is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina, u jafferma mill-ġdid id-dritt fundamentali tal-poplu Ukrain li jiddetermina b'mod ħieles il-futur ta' pajjiżu;

13. Jinnota bi tħassib kbir ir-rapporti dwar persuni armati li qed jimmarkaw id-djar tat-Tatari Ukraini fiż-żoni tal-Krimea fejn it-Tatari u r-Russi jgħixu flimkien; jinnota li t-Tatari tal-Krimea, li rritornaw f'art twelidhom insegwitu tal-indipendenza tal-Ukraina, wara li ġew diportati minn Stalin, ilhom jitolbu lill-komunità internazzjonali biex tappoġġa l-integrità territorjali tal-Ukraina u biex jintlaħaq ftehim legali u politiku komprensiv dwar ir-restawr tad-drittijiet tagħhom bħala poplu indiġenu tal-Krimea; jitlob lill-komunità internazzjonali, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jipproteġu d-drittijiet ta' din il-komunità minoritarja u ta' ta' kwalunkwe komunità minoritarja oħra fil-peniżola tal-Krimea; jitlob investigazzjoni sħiħa fir-rigward tal-intimidazzjoni tal-Lhud u l-attakki fuq is-siti reliġjużi Lhudin insegwitu tal-invażjoni tal-Krimea;

14. Jilqa' l-impenn tal-Gvern tal-Ukraina li jimplimenta aġenda ta' riforma ambizzjuża li tinkludi bidla politika, ekonomika u soċjali; jilqa', għalhekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti lill-Ukraina pakkett ta' għajnuna finanzjarja u appoġġ fuq perjodu qasir u medju b'valur ta' EUR 11-il biljun ħalli tgħinha tistabbilizza s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż; jistenna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jressqu malajr kemm jista' jkun, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Dinji, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-Bank Ewropew tal-Investiment u pajjiżi oħra, pakkett fuq perjodu twil ta' appoġġ finanzjarju robust biex jgħin lill-Ukraina tindirizza s-sitwazzjoni ekonomika u socjali tagħha li qed tmur għall-agħar u biex jipprovdi appoġġ ekonomiku ħalli tvara r-riformi profondi u komprensivi meħtieġa tal-ekonomija Ukraina; ifakkar il-bżonn li tiġi organizzata u koordinata konferenza internazzjonali tad-donaturi, li għandha tissejjaħ mill-Kummissjoni u sseħħ kemm jista' jkun malajr; jitlob lill-Fond Monetarju Internazzjonali jevita li jimponi miżuri ta' awsterità insostenibbli li jkomplu jiggravaw is-sitwazzjoni soċjoekonomika diġà diffiċli tal-pajjiż;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, flimkien mal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja, biex jipprovdu, flimkien mal-assistenza finanzjarja, assistenza teknika fir-rigward tar-riforma kostituzzjonali, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Ukraina; jittama riżultati pożittivi f'dan ir-rigward u jenfasizza li l-Maidan u l-Ukraini kollha qed jistennew bidla radikali u sistema ta' governanza xierqa;

16. Jitlob elezzjonijiet ħielsa, ġusti, trasparenti u mifruxin mal-pajjiż kollu bl-osservazzjoni tal-OSKE-ODHIR u jtenni li lest joħloq missjoni proprja bl-istess għan; jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iħeġġu livelli għolja ta' parteċipazzjoni ta' votanti fl-elezzjonijiet presidenzjali, inkluż fil-partijiet tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-pajjiż; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Ukraini biex iwettqu dawn l-elezzjonijiet parlamentari bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u jappoġġa l-adozzjoni ta' sistema ta' votazzjoni proporzjonali li għandha tiffaċilita r-rappreżentanza xierqa taċ-ċirkostanzi lokali fil-pajjiż; jenfasizza l-importanza tal-parlament u tal-membri tiegħu, kemm fil-livell ċentrali u kemm f'dak lokali, li jirrispetta l-istat tad-dritt;

17. Jistieden lill-Ukraina ma ċċedix għall-pressjonili qed tiffaċċja biex tipposponi l-elezzjonijiet presidenzjali previsti għall-25 ta' Mejju 2014;

18. Jappella għal Gvern tal-Ukraina b'bażi wiesgħa u kemm jista' jkun inklużiv sabiex jimminimizza r-riskju ta' tfaċċar mill-ġdid tal-vjolenza u ta' frammentazzjoni territorjali; iwissi bil-qawwa lir-Russja kontra azzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu għal polarizzazzjoni qawwija fuq linji etniċi jew lingwistiċi; jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali, f'konformità mal-istandards internazzjonali, inklużi d-drittijiet tal-Ukraini ta lsien Russu, ikunu protetti u rispettati bis-sħiħ, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-OSKE u mal-Kunsill tal-Ewropa; itenni t-talba tiegħu għal reġim lingwistiku mifrux ħafna b'appoġġ għal-lingwi minoritarji kollha;

19. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Aġent President li jbarri l-att immirat li jirrevoka l-Liġi dwar il-Politika tal-Lingwi tat-3 ta' Lulju 2012; ifakkar li f'kull każ din il-liġi ma' tapplikax għall-Krimea; jistieden lill-Verkhovna Rada biex eventwalment tirriforma l-leġiżlazzjoni fis-seħħ u b'hekk iġġibha konformi mal-obbligi tal-Ukraina imposti mill-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji;

20. Jilqa' r-rieda tat-28 Kap ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE li jiffirmaw il-kapitoli politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (FA) malajr kemm jista' jkun u qabel l-elezzjonijiet presidenzjali tal-25 ta' Mejju u li jadottaw miżuri unilaterali, bħal tnaqqis fit-tariffi għall-esportazzjonijiet Ukraini lejn l-UE, li jippermetti lill-Ukraina tgawdi mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA), kif propost mill-Kummissjoni fil-11 ta' Marzu 2014; jirrimarka li l-UE hija lesta tiffirma l-FA/DCFTA kemm jista' jkun malajr, u malli l-Gvern Ukrain ikun lest jieħu dan il-pass; jinsisti fuq sinjali ċari li juru lir-Russja li ma hemm xejn f'dan il-ftehim li jipperikola jew jippreġudika r-relazzjonijiet futuri ta' kooperazzjoni bilaterali fil-qasam politiku u ekonomiku bejn l-Ukraina u r-Russja; jirrimarka, barra minn hekk, li, skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – għandha perspettiva Ewropea u tista' tapplika sabiex issir Membru tal-Unjoni, dejjem jekk taderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali, id-drittjiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u tiżgura l-istat tad-dritt;

21. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2014 dwar l-ewwel għadd ta' miżuri mmirati fil-konfront tar-Russja, bħas-sospensjoni ta' diskussjonijiet bilaterali dwar kwistjonijiet tal-viża u l-Ftehim il-Ġdid, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE li jissospendu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-Summit tal-G8 f'Sochi; iwissi, madankollu, li fin-nuqqas ta' tnaqqis fl-intensità tat-tensjonijiet jew ta' żieda ulterjuri fl-intensità tat-tensjonijiet fir-rigward tal-annessjoni tal-Krimea, l-UE għandha tieħu malajr miżuri adegwati, li għandhom jinkludu embargo fuq l-armi u t-teknoloġija ta' użu doppju, restrizzjonijiet fuq il-viża u l-iffriżar tal-assi, l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar il-ħasil tal-flus fil-konfront ta' individwi involuti fil-proċess deċiżjonali fir-rigward tal-invażjoni tal-Ukraina, miżuri kontra l-kumpaniji Russi u s-sussidjarji tagħhom sabiex jikkonformaw bis-sħiħ mal-liġi tal-UE, b'mod partikolari fis-settur tal-enerġija, u jkollhom konsegwenzi għar-rabtiet politiċi u ekonomiċi mar-Russja;

22. Jenfasizza li l-kooperazzjoni parlamentari stabbilita bejn il-Parlament Ewropew u d-Duma Statali Russa u l-Kunsill tal-Federazzjoni ma tistax titmexxa bl-istess mod kif kienet titmexxa qabel;

23. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li tadotta sanzjonijiet fil-konfront ta' 18-il individwu, inkluż Yanukovych, iffokati fuq l-iffriżar u l-irkupru ta' fondi Ukraini miżapproprjati;

24. Jenfasizza l-importanza ta' provvista ta' enerġija sikura, diversifikata u ekonomikament sostenibbli għall-Ukraina; jissottolinja, f'dan ir-rigward, ir-rwol strateġiku tal-Komunità tal-Enerġija, li tagħha l-Ukraina għandha l-presidenza fl-2014, u l-importanza tat-tisħiħ tar-reżistenza tal-Ukraina fil-konfront tat-theddid tar-Russja fl-ambitu tal-enerġija; ifakkar fil-bżonn li jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' ħażna tal-UE u li jiġi provdut fluss invers mill-Istati Membri tal-UE għall-Ukraina; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tiġi modernizzata s-Sistema ta' Tranżitu tal-Gass tal-Ukraina u li tgħinha fil-pagament tad-dejn lil Gazprom; jenfasizza l-bżonn urġenti li jsir aktar progress għall-ilħiq ta' politika komuni dwar is-sigurtà tal-enerġija b'suq intern b'saħħtu u provvista tal-enerġija diversifikata, u li jsir xogħol fuq l-implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija, biex b'hekk l-UE tkun inqas dipendenti miż-żejt u l-gass Russu;

25. Jistieden lill-Kunsill jawtorizza immedjatament ill-Kummissjoni tħaffef il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Ukraina, sabiex tiġi avvjata l-introduzzjoni ta' reġim mingħajr viża, fuq il-linja tal-Moldova; jappella, sadattant, għall-introduzzjoni immedjata ta' proċeduri ta' għoti ta' viżi temporanji, sempliċi ħafna u rħas fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri;

26. Jemmen bil-qawwa li l-avvenimenti fl-Ukraina jenfasizzaw il-bżonn li l-UE tirdoppja l-impenn u l-appoġġ tagħha għall-għażla Ewropea u għall-integrità territorjali tal-Moldova u tal-Ġeorġja hekk kif dawn qed iħejju biex jiffirmaw il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u d-DCFTA mal-UE, aktar tard din is-sena;

27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Aġent President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.