MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina
16.4.2014 - (2014/2699(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B7‑0436/2014)
ALDE (B7‑0437/2014)
Verts/ALE (B7‑0441/2014)
PPE (B7‑0444/2014)
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Mairead McGuinness, Jacek Saryusz-Wolski, Laima Liucija Andrikienė, Roberta Angelilli, Elena Băsescu, Anna Maria Corazza Bildt, Jerzy Buzek, Arnaud Danjean, Mário David, Mariya Gabriel, Michael Gahler, Paweł Zalewski, Gunnar Hökmark, Anna Ibrisagic, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Jan Kozłowski, Krzysztof Lisek, Eduard Kukan, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Monica Luisa Macovei, Nadezhda Neynsky, Ria Oomen-Ruijten, Alojz Peterle, Andrej Plenković, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, György Schöpflin, Salvador Sedó i Alabart, Alf Svensson, Inese Vaidere, Sophie Auconie, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Algirdas Saudargas, Philippe Juvin, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė f'isem il-Grupp PPE
Guy Verhofstadt, Johannes Cornelis van Baalen, Annemie Neyts‑Uyttebroeck, Graham Watson, Louis Michel, Sarah Ludford, Kristiina Ojuland, Leonidas Donskis, Gerben-Jan Gerbrandy, Hannu Takkula, Marietje Schaake, Jelko Kacin, Marielle de Sarnez, Robert Rochefort, Alexander Graf Lambsdorff, Adina-Ioana Vălean f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Daniel Cohn-Bendit, Ulrike Lunacek, Tarja Cronberg, Werner Schulz f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Paweł Robert Kowal, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Marek Henryk Migalski, Valdemar Tomaševski, Tomasz Piotr Poręba, Ruža Tomašić, Roberts Zīle, Adam Bielan f'isem il-grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina[1] u tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja[2],
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-3 ta' April 2014 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta' dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw mill-Ukraina [3],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Ukraina tat-3 ta' Marzu 2014 u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Marzu u tal-14 ta' April 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern dwar l-Ukraina fil-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina tal-20 ta' Marzu 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-summit ta' Vilnjus li sar fit-28 u d-29 ta' Novembru 2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tad-9 ta' April 2014 dwar 'żviluppi reċenti fl-Ukraina: theddidiet għall-funzjonament ta' istituzzjonijiet demokratiċi',
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Marzu 2014 bl-isem 'L-integrità territorjali tal-Ukraina'[4],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-mexxejja tal-G7 wara l-laqgħa tagħhom fl-Aja fl-24 ta' Marzu 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fis-16 ta' Marzu 2014, fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta' Sevastopol ġie organizzat referendum illegali u illeġittimu, li sar taħt il-kontroll ta' truppi Russi; billi, minkejja l-kundanna internazzjonali tar-referendum, l-awtoritajiet u l-leġiżlaturi Russi wettqu bil-ħeffa l-annessjoni tal-peniżola Ukraina, kontra d-dritt internazzjonali;
B. billi f'dawn l-aħħar jiem seħħew għadd limitat ta' dimostrazzjonijiet pro-Russi fil-Lvant u fin-Nofsinhar tal-Ukraina; billi separatisti pro-Russi, fil-parti l-kbira tal-każi mmexxija minn forzi speċjali Russi, attakkaw binjiet amministrattivi lokali f'Kharkiv, Luhansk u Donetsk; billi dawn in-nies, taħt it-tmexxija ta' grupp jismu 'is-Settur Russu', okkupa l-binja tal-gvern lokali f'Donetsk, ipproklamaw il-ħolqien ta' 'Repubblika Popolari ta' Donetsk' sovrana u indipendenti minn Kiev, u ħabbru referendum dwar is-seċessjoni tar-reġjun, li għandu jsir mhux aktar tard mill-11 ta' Mejju 2014;
C. billi fit-12 u t-13 ta' April 2014, għases tal-pulizija u binjiet tal-gvern fi Slovyansk, Kramatorsk, Krasny Lyman, Mariupol, Yenakiyeve u bliet oħra fir-reġjun ta' Donetsk ġew attakkati u maħtufa minn irġiel armati tajjeb, mhux identifikati u mgħammda, li huwa maħsub li kienu taħt it-tmexxija ta' forzi speċjali Russi, f'sensiela ta' attakki koordinati; billi tul il-ġlied miet tal-anqas uffiċjal wieħed u bosta persuni sfaw midruba;
D. billi kwalunkwe eskalazzjoni ulterjuri tad-destabbilizzazzjoni vjolenti fil-Lvant u fin-Nofsinhar tal-Ukraina ġġib magħha r-riskju li r-Russja tużaha bħala pretest falz għal aktar aggressjoni b'mezzi militari, tipprevjeni l-elezzjonijiet presidenzjali, u tisforza l-federalizzazzjoni tal-Ukraina bħala prekursur għall-partizzjoni ta' dan il-pajjiż;
E. billi r-Russja għadha żżomm għadd kbir ta' truppi lesti għall-ġlied tul il-fruntiera tagħha mal-Ukraina, minkejja li wiegħdet li tirtirahom biex tbaxxi t-tensjoni; billi hemm possibbiltà serja li r-Russja tipprova tirrepeti x-'xenarju tal-Krimea';
F. billi r-Russja qed tissokta tikser l-obbligi internazzjonali tagħha, bħalma huma dawk taħt il-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki, l-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa u, b'mod partikolari, il-Memorandum ta' Budapest tal-1994 dwar garanziji ta' sigurtà għall-Ukraina;
G. billi l-UE adottat pakkett ekonomiku b'appoġġ għall-Ukraina li jinkludi wkoll għajnuna makrofinanzjarja u miżuri kummerċjali awtonomi; billi l-Ukraina appik li tiffinalizza ftehim mal-Fond Monetarju Internazzjonali dwar pjan ta' għajnuna; billi l-kundizzjonijiet assoċjati ma' dan il-ftehim sal-lum inżammu kunfidenzjali;
H. billi s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tal-pajjiż qed tkompli sejra għall-agħar, fost l-oħrajn minħabba d-destabbilizzazzjoni u restrizzjonijiet tal-kummerċ min-naħa tar-Russja; billi l-faqar mifrux għadu wieħed mill-aktar problemi soċjoekonomiċi akuti fl-Ukraina; billi, skont rapport reċenti tan-NU, ir-rata tal-faqar fl-Ukraina issa laħqet madwar 25 %, bi 11-il miljun persuna jaqilgħu anqas mill-istandards soċjali lokali;
I. billi fil-21 ta' Marzu 2014 l-UE u l-Ukraina ffirmaw id-dispożizzjonijiet politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (AA) bl-impenn li jiffirmaw il-bqija tal-ftehim, li jinkludi ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA), mill-aktar fis possibbli;
J. billi hemm il-ħtieġa ta' azzjoni diplomatika internazzjonali qawwija fil-livelli kollha u ta' proċess negozjat bil-għan li jnaqqsu l-intensità tas-sitwazzjoni, itaffu t-tensjonijiet, jipprevjenu li l-kriżi tkompli tikber bla kontroll u jiksbu eżitu paċifiku; billi l-UE jeħtiġilha twieġeb b’mod effikaċi biex tħalli lill-Ukraina u lill-pajjiżi l-oħra kollha tal-viċinat tal-Lvant jeżerċitaw bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tagħhom, ħielsa minn pressjoni esterna mhux f'lokha;
K. billi, immedjatament wara l-annessjoni tal-Krimea, is-Sovjet Suprem tar-reġjun separatist tat-Transnistrija fil-Moldova bagħat talba uffiċjali lill-Federazzjoni Russa biex din tikkunsidra l-annessjoni tat-Transnistrija;
L. billi r-Russja għadha qed tokkupa r-reġjuni Ġeorġjani ta' Abkażja u Tskhinvali / Ossezja t'Isfel, bi ksur tan-normi u l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali; billi seħħew tindif etniku u bidlet demografiċi furzati fl-inħawi taħt il-kontroll effettiv tal-forza ta' okkupazzjoni, li terfa' r-responsabbiltà għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn l-inħawi;
M. billi r-Russja għolliet il-prezzijiet tal-gass għall-Ukraina minn USD 268 għal USD 486 kull elf metru kubu mill-1 ta' April 2014, b'tali mod li unilateralment temmet l-iskont li l-Ukraina kienet tirċievi bħala parti mill-Ftehimiet ta' Kharkiv dwar il-kiri tal-bażi navali ta' Sevastopol, u f'dawn l-aħħar ġranet ipprojbiet li prodotti tal-ħalib mill-Ukraina jidħlu fit-territorju Russu; billi l-Federazzjoni Russa applikat ukoll, b'mod arbitrarju, restrizzjonijiet kummerċjali unilaterali fuq prodotti mill-Ġeorġja u mill-Moldova;
N. billi l-annessjoni tal-peniżola tal-Krimea tirrappreżenta, mingħajr ebda dubju, ksur gravi tad-dritt internazzjonali li jimmina l-fiduċja fl-istrumenti internazzjonali, inklużi l-ftehimiet dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni tal-armi nukleari; billi tellieqa ġdida għall-armi tista' twassal għal eskalazzjoni ulterjuri; billi huwa essenzjali li tiġi prevenuta sitwazzjoni daqstant perikoluża, li faċilment tista' ssir inkontrollabbli;
1. Jikkundanna bl-akbar qawwa d-destabbilizzazzjoni u l-provokazzjonijiet li qed jeskalaw fil-Lvant u fin-Nofsinhar tal-Ukraina; jirrifjuta kwalunkwe tħejjija għal referenda illegali 'bħal tal-Krimea'; iwissi li d-destabbilizzazzjoni u s-sabotaġġ ikkawżati minn separatisti pro-Russi armati, imħarrġa, ikkoordinati tajjeb u mmexxija mir-Russi jistgħu jintużaw bħala pretest falz biex ir-Russja tintervjeni bil-militar, tipprevjeni l-elezzjonijiet presidenzjali u tisforza l-federalizzazzjoni bħala prekursur għall-partizzjoni tal-Ukraina;
2. Jesprimi l-akbar tħassib tiegħu dwar s-sitwazzjoni li qed tiddeterjora rapidament u t-tixrid ta' demm fil-Lvant u fin-Nofsinhar tal-Ukraina; iħeġġeġ lir-Russja biex minnufih tirtira l-preżenza tagħha b'appoġġ għas-separatisti u l-milizji armati li ħadu taħt idejhom binjiet tal-gvern fi Slovyansk, Donetsk u bliet oħra, ittemm kull azzjoni provokanti maħsuba biex ixxewwex l-inkwiet u tiddestabbilizza s-sitwazzjoni ulterjorment, twarrab it-truppi mill-fruntiera tal-Lvant tal-Ukraina, u taħdem biex tilħaq riżoluzzjoni paċifika tal-kriżi b'mezzi politiċi u diplomatiċi; jesprimi l-appoġġ u s-solidarjetà sħaħ tiegħu mal-Gvern tal-Ukraina huwa u jipprova jerġa' jistabbilixxi l-awtorità fil-bliet okkupati, jilqa' l-mod imrażżan u meqjus li bih il-Gvern Ukrain ittratta l-fażi kurrenti tal-kriżi sal-lum, u jfakkar li l-awtoritajiet Ukraini għandhom kull dritt jużaw il-mezzi kollha meħtieġa, inkluż id-dritt tal-awtodifiża kif definit fl-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; iwissi lir-Russja biex ma tużax id-dritt leġittimu tal-Ukraina li tiddefendi l-integrità territorjali tagħha bħala pretest biex tvara invażjoni militari sħiħa;
3. Itenni bil-qawwa l-appoġġ tiegħu għas-sovranità, l-integrità territorjali, u l-indipendenza politika tal-Ukraina u tal-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant; iqis l-azzjonijiet tar-Russja bħala ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-obbligi internazzjonali proprji tagħha li jirriżultaw mill-Karta tan-NU, mill-Att Finali ta' Ħelsinki, mill-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa u mill-Memorandum ta' Budapest tal-1994 dwar garanziji ta' sigurtà, kif ukoll mill-obbligi bilaterali li jirriżultaw mit-Trattat Bilaterali tal-1997 dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija;
4. Jenfasizza li dan l-aħħar ma kien ġie rrappurtat fl-Ukraina l-ebda attakk, intimidazzjoni jew diskriminazzjoni ta' kwalunkwe tip kontra ċittadini Russi jew Russi etniċi jew minoranzi oħra, kif ikkonfermaw entitajiet internazzjonali ta' monitoraġġ bħan-NU, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-Kunsill tal-Ewropa;
5. Jinsab konvint li l-asserzjoni tar-Russja tad-dritt li tuża l-mezzi kollha biex tipproteġi l-minoranzi Russi f'pajjiżi terzi, kif ħabbar il-President Putin fid-diskors tiegħu tat-18 ta' Marzu 2014, mhijiex fundata fid-dritt internazzjonali u tmur kontra l-prinċipji tal-kondotta internazzjonali fis-seklu 21, filwaqt li thedded ukoll li timmina l-ordni Ewropew ta' wara l-gwerra; jistieden lill-Kunsill tal-Federazzjoni biex jirtira immedjatament il-mandat għall-użu tal-forza fit-territorju Ukrain;
6. Itenni l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkellmu lir-Russja b'vuċi waħda magħquda; iqis li s-sitwazzjoni tal-lum tirrikjedi li l-Kunsill iqawwi t-tieni fażi ta' sanzjonijiet u jkun lest għat-tielet fażi (sanzjonijiet ekonomiċi), li jridu jiġu applikati minnufih; itenni, barra minn hekk, is-sejħa tiegħu biex il-Kunsill japplika bil-ħeffa embargo tal-armi u tat-teknoloġiji b'użu doppju;
7. Jitlob li jittieħdu miżuri kontra kumpaniji Russi u s-sussidjarji tagħhom, b'mod partikolari fis-settur tal-enerġija, kif ukoll investimenti u assi Russi fl-UE, u li jsir rieżami tal-ftehimiet kollha mar-Russja bil-ħsieb tas-sospensjoni possibbli tagħhom;
8. Iħeġġeġ lill-UE tappoġġja lill-Ukraina fil-korpi internazzjonali, b'mod partikolari fil-korpi ġudizzjarji internazzjonali, jekk l-Ukraina tiddeċiedi li tiftaħ kawżi kontra r-Russja għall-ksur tas-sovranità u tal-integrità territorjali tagħha;
9. Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li r-Russja timpenja ruħha fi djalogu kostruttiv mal-gvern leġittimu tal-lum tal-Ukraina, u tappoġġja l-ħidma attiva tal-UE fi sforzi diplomatiċi biex jikkalmaw il-kriżi; jistenna bil-ħerqa l-laqgħa kwadripartitika bejn ir-Rappreżentant Għoli tal-UE, is-Segretarju tal-Istat Amerikan u l-Ministri Barranin tar-Russja u tal-Ukraina, u jittama li din il-laqgħa tista' tikkontribwixxi biex tbaxxi t-tensjoni u twitti t-triq għal soluzzjoni diplomatika komprensiva u dejjiema tal-kriżi; jenfasizza, madankollu, li l-għażliet tal-Ukraina fil-ġejjieni jista' jagħmilhom biss il-poplu Ukrain innifsu, permezz ta' proċess demokratiku, inklussiv u trasparenti;
10. Jirrimarka li s-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tad-delegazzjoni Russa mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, flimkien mar-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU li tikkundanna lir-Russja għall-annessjoni tal-Krimea, huma sinjali ċari u bla ekwivoċi tal-iżolament dejjem akbar tal-Federazzjoni Russa fil-livell internazzjonali, li l-awtoritajiet Russi għandhom iqisuhom debitament jekk ir-Russja trid tibqa' protagonista internazzjonali kredibbli;
11. Jitlob l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet ekonomiċi, kummerċjali u finanzjarji fir-rigward tal-Krimea u t-tmexxija separatista tagħha; huwa tal-fehma li dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu implimentati malajr abbażi ta' analiżi tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi legali tal-annessjoni tal-Krimea;
12. Itenni t-tħassib tiegħu dwar x'se jiġri mill-komunità tat-Tatar li tgħix fil-Krimea, u s-sikurezza u l-aċċess għad-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għall-komunità lingwistika Ukraina; jisħaq fuq ir-responsabbiltà tal-Federazzjoni Russa, skont ir-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra, li tipproteġi lill-popolazzjoni fit-territorji okkupati;
13. Jilqa' l-iskjerament ta' Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE inkarigata biex tiġbor informazzjoni dwar attività militari u azzjonijiet provokanti atipiċi maħsuba biex jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni, kif ukoll twettaq monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi fl-Ukraina, u jappella biex il-missjoni tespandi; jiddispjaċih, madankollu, li l-missjoni ma rnexxilhiex tikseb aċċess għall-Krimea fejn ġew rappurtati bosta każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi każijiet ta' vjolenza kontra l-ġurnalisti u l-familji tagħhom; jiddeplora l-fatt li issa qed jiġu rappurtati attakki kontra l-ġurnalisti fil-Lvant tal-Ukraina wkoll;
14. Jappella, barra minn hekk, għal missjoni ta' osservazzjoni elettorali fil-fond mill-Uffiċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODHIR) tal-OSKE, kif ukoll mill-Parlament u l-UE, biex isir monitoraġġ estensiv tal-elezzjonijiet; jappella biex l-elezzjonijiet presidenzjali tal-25 ta' Mejju 2014 isiru f'konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali; jirrifjuta kull pressjoni esterna biex dawn l-elezzjonijiet jiġu posposti;
15. Jilqa' l-intenzjoni tal-Gvern Ukrain li jsejjaħ elezzjonijiet parlamentari bikrin;
16. Jilqa', fil-prinċipju, l-idea li jiġi organizzat referendum li jinvolvi n-nazzjon kollu dwar l-istatus u l-organizzazzjoni territorjali futuri tal-Ukraina, kif issuġġerixxa l-Aġent President Oleksandr Turchynov f'xandira televiżiva fl-14 ta' April 2014;
17. Jilqa' r-riżoluzzjoni reċenti tal-parlament Ukrain li titlob id-diżarm immedjat tal-forzi ta' awtodifiża illegali kollha, u jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni tagħha;
18. Jilqa' l-fatt li l-Kunsill huwa lest jgħin lill-Ukraina fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili u jipprovdi appoġġ għall-pulizija u għall-istat tad-dritt, u jistudja l-alternattivi kollha, inkluża l-possibbiltà ta' missjoni tal-PSDK, kif ukoll dik ta' missjoni ta' monitoraġġ tal-UE;
19. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Ukraina u għall-poplu tagħha f'dawn iż-żminijiet diffiċli; jilqa' l-iffirmar tal-kapitoli politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-adozzjoni sussegwenti tal-miżuri kummerċjali unilaterali; jappella biex l-AA/DCFTA sħiħ jiġi ffirmat mill-aktar fis u qabel jiskadu l-miżuri kummerċjali unilaterali;
20. Jilqa' l-fatt li l-Gvern Ukrain ħabbar aġenda ta' riforma ekonomika u soċjali ambizzjuża, u jenfasizza l-importanza kruċjali li tiġi implimentata malajr sabiex il-qagħda finanzjarja kritika tal-pajjiż tiġi stabbilizzata u jinstab tarf tagħha; jilqa' d-deċiżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u tal-UE li jagħtu lill-Ukraina għajnuna finanzjarja sostanzjali fl-immedjat u fit-tul; ifakkar fil-bżonn li tiġi organizzata u kkoordinata konferenza internazzjonali tad-donaturi, li għandha tissejjaħ mill-Kummissjoni u ssir malajr kemm jista' jkun;
21. Jappoġġja l-kondizzjonalità stabbilita mill-UE fir-rigward tar-riformi strutturali tant meħtieġa li se jgħinu biex jinħolqu kundizzjonijet aktar favorevoli għal tkabbir ekonomiku sostenibbli, itejbu l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, jiżviluppaw sistema ta' protezzjoni soċjali, u jiġġieled il-korruzzjoni; jitlob trasparenza fin-nefqa tal-fondi tal-UE u monitoraġġ effikaċi mill-Kummissjoni;
22. Jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali gravi fil-pajjiż; jappella biex flimkien mar-riformi strutturali jittieħdu miżuri bil-għan li tittaffa s-sitwazzjoni attwali, b'mod partikolari fir-rigward tal-partijiet l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni;
23. Iħeġġeġ lill-Ukraina tkompli bil-mixja tagħha lejn riforma politika, b'mod partikolari riforma kostituzzjonali, li dwarha għandha ssir diskussjoni wiesgħa u fil-fond fost il-komponenti kollha tas-soċjetà Ukraina; jilqa' r-rieda tal-Gvern Ukrain li jimplimenta l-impenn tiegħu li jiżgura n-natura rappreżentattiva tal-istrutturi governattivi, billi jkunu jirriflettu d-diversità reġjonali, li jiżgura l-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għall-minoranzi nazzjonali, li jallinja l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni mal-istandards tal-UE, li jinvestiga l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-atti ta' vjolenza, u li jiġġieled l-estremiżmu;
24. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummisjsoni li toħloq Grupp ta' Appoġġ għall-Ukraina li sejjer jaħdem fuq l-implimentazzjoni tal-'Aġenda Ewropea għal Riforma';
25. Jappoġġja l-isforzi tal-Gvern Ukrain, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, sabiex jiżgura r-rispett dovut għad-drittijiet leġittimi tal-popolazzjoni ta' lsien Russu u tal-minoranzi kulturali, nazzjonali u lingwistiċi oħra, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji u l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali;
26. Itenni l-appell tiegħu biex titwaqqaf kummissjoni indipendenti li tinvestiga l-isparaturi fi Kiev u l-ġrajjiet traġiċi fil-Maidan, bl-inklużjoni ta' komponent internazzjonali qawwi u taħt is-superviżjoni tal-Panel Konsultattiv Internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa; jilqa' l-ħatra tat-tielet membru fuq dan il-panel u l-organizzazzjoni tal-ewwel laqgħa tiegħu fid-9 ta' April 2014;
27. Jilqa' l-iffirmar tad-dispożizzjonijiet provviżorji tal-AA u jistenna l-implimentazzjoni rapida tal-preferenzi kummerċjali awtonomi adottati mill-UE bil-għan li jkopru l-perjodu sa ma jiġi ffirmat il-bqija tal-ftehim, li jinkludi d-DCFTA;
28. Jilqa' l-miżuri inizjali adottati mill-Kummissjoni biex l-Ukraina tkun tista' tindirizza kriżi tal-enerġija kemm-il darba r-Russja taqta' l-provvisti tal-gass lill-pajjiż, u jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jassistu u jappoġġjaw lil Kiev fl-isforzi tagħha biex issolvi t-tilwima mar-Russja dwar il-gass, li ilha għaddejja; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti ta' politika komuni b'saħħitha dwar is-sigurtà tal-enerġija (Unjoni tal-Enerġija), bil-għan li titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq iż-żejt u l-gass mir-Russja, inkluża d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija, l-implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u l-possibbiltà li, meta jkun hemm bżonn, tiġi sospiża l-importazzjoni tal-gass; huwa tal-fehma li l-pipeline South Stream m'għandux jinbena, u li għandhom isiru disponibbli sorsi oħra ta' provvista; jinsab konvint li l-għajnuna tal-UE lill-Ukraina biex tiżgura l-provvista fid-direzzjoni opposta permezz ta' aktar diversifikazzjoni, titjib fl-effiċjenza enerġetika u interkonnessjonijiet effikaċi mal-UE għandha ssaħħaħ lill-Ukraina fil-konfront ta' pressjonijiet politiċi u ekonomiċi; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-rwol strateġiku tal-Komunità tal-Enerġija, li l-Ukraina għandha l-Presidenza tagħha fl-2014;
29. Jistieden lill-Kunsill jawtorizza minnufih lill-Kummissjoni biex tħaffef il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Ukraina, sabiex tkompli l-mixja lejn l-introduzzjoni ta' reġim bla viża, fuq l-eżempju tal-Moldova; jappella, sadanittant, biex jiġu introdotti minnufih proċeduri ta' għoti ta' viża temporanji, sempliċi ħafna u rħas fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri;
30. Jenfasizza li t-tħassib tar-Russja fir-rigward tal-proċess ta' assoċjazzjoni tal-Ukraina u tal-ġirien l-oħrajn tal-Lvant mal-UE għandu jiġi indirizzat u spjegat b'mod adegwat, sabiex tittaffa l-biża' ta' linji ġodda ta' qasma ġeopolitika fil-kontinent Ewropew; jirrimarka li kull pajjiż għandu kull dritt jagħmel l-għażliet politiċi tiegħu, iżda li d-djalogu tal-UE mas-sħab tal-Lvant għandu l-għan li jxerred il-ġid u jqawwi l-istabbiltà politika, ħaġa li l-Federazzjoni Russa se tgawdi minnha wkoll;
31. Itenni li l-AAs mal-Ukraina u mal-pajjiżi l-oħra tas-SL ma jikkostitwixxux l-għan aħħari fir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE: jirrimarka, f'dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 49 tat-TUE, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – għandhom perspettiva Ewropea u jistgħu japplikaw sabiex isiru membri tal-Unjoni, dment li jaderixxu mal-prinċipji tad-demokrazija, jirrispettaw il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u jiżguraw l-istat tad-dritt;
32. Jistieden lill-Kunsill jiffirma l-AAs/DCFTAs bejn l-UE – u l-Istati Membri tagħha – u r-Repubblika tal-Moldova u l-Ġeorġja, rispettivament; jesprimi l-approvazzjoni tiegħu għall-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-AAs UE–Repubblika tal-Moldova u UE–Ġeorġja immedjatament mal-iffirmar; iħeġġeġ lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jnaqqas il-proċeduri ta' notifika li jsegwu l-iffirmar tal-AAs, sabiex l-applikazzjoni provviżorja tkun tista' ssir effettiva malajr kemm jista' jkun wara l-iffirmar; jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li, jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha u sussegwentement jiġu ffirmati l-AAs, jgħaddi għar-ratifika sħiħa tal-AAs UE–Moldova u UE–Ġeorġja malajr kemm jista' jkun u qabel tmiem il-mandat attwali tal-Kummissjoni; jappella biex dawn il-pajjiżi tingħatalhom l-għajnuna finanzjarja addizzjonali meħtieġa; jitlob, barra minn hekk, djalogu onest u miftuħ mal-Federazzjoni Russa bil-għan li jsir kull sforz sabiex jiġu żviluppati sinerġiji mmirati għall-benefiċċju tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;
33. Jinsab partikolarment imħasseb dwar l-instabbiltà li reġgħet feġġet fir-reġjun separatist tat-Transnistrija fil-Moldova; jemmen li t-talba reċenti tat-18 ta' Marzu 2014 mill-awtoritajiet awtonominati ta' Tiraspol biex jagħmlu parti mir-Russja tirrappreżenta pass perikoluż u irresponsabbli; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-integrità territorjali tal-Moldova, u jistieden lill-partijiet kollha biex b'urġenza jerġgħu jidħlu fi djalogu skont il-qafas 5+2, bi status ogħla għall-UE, bil-għan li tintlaħaq soluzzjoni paċifika u sostenibbli dwar il-kwistjoni;
34. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Presidenti, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Ukraina, tal-Ġeorġja u tal-Moldova, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2014)0170.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2014)0248.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2014)0285.
- [4] A/RES/68/262.