Proċedura : 2014/2717(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0025/2014

Testi mressqa :

RC-B8-0025/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/07/2014 - 10.5

Testi adottati :

P8_TA(2014)0009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 156kWORD 234k
16.7.2014
PE534.969v01-00}
PE534.970v01-00}
PE534.973v01-00}
PE536.955v01-00}
PE536.958v01-00} RC1
 
B8-0025/2014}
B8-0026/2014}
B8-0029/2014}
B8-0054/2014}
B8-0057/2014} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8‑0025/2014)

S&D (B8‑0026/2014)

PPE (B8‑0029/2014)

Verts/ALE (B8‑0054/2014)

ALDE (B8‑0057/2014)


dwar l-Ukraina (2014/2717(RSP))


Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Jacek Saryusz-Wolski, Arnaud Danjean, Andrej Plenković, Sandra Kalniete, Lars Adaktusson, Ivo Belet, Jerzy Buzek, Anna Maria Corazza Bildt, Mariya Gabriel, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Gunnar Hökmark, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Gabrielius Landsbergis, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Monica Luisa Macovei, Francisco José Millán Mon, György Schöpflin, Davor Ivo Stier, Dubravka Šuica, Bogdan Andrzej Zdrojewski f'isem il-Grupp PPE
Knut Fleckenstein, Victor Boştinaru, Richard Howitt, Ana Gomes, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Marju Lauristin, Boris Zala, Andrejs Mamikins, Liisa Jaakonsaari, Goffredo Maria Bettini, Afzal Khan, Jo Leinen, Francisco Assis, Arne Lietz, Vilija Blinkevičiūtė f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Anna Elżbieta Fotyga, Roberts Zīle, Ryszard Czarnecki, Andrzej Sebastian Duda, Beata Barbara Gosiewska, Marek Józef Gróbarczyk, Marek Jurek, Karol Adam Karski, Zdzisław Marek Krasnodębski, Bolesław Grzegorz Piecha, Tomasz Piotr Poręba, Kazimierz Michał Ujazdowski, Jadwiga Wiśniewska, Janusz Wojciechowski, Kosma Tadeusz Złotowski, Stanisław Ożóg, Dawid Bohdan Jackiewicz, Zbigniew Krzysztof Kuźmiuk f'isem il-Grupp ECR
Johannes Cornelis van Baalen, Guy Verhofstadt, Petras Auštrevičius, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Marielle de Sarnez, Marietje Schaake, Louis Michel, Alexander Graf Lambsdorff, Fernando Maura Barandiarán, Jean-Marie Cavada, Antanas Guoga, Charles Goerens, Nathalie Griesbeck, Gerben-Jan Gerbrandy, Martina Dlabajová f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Yannick Jadot, Ulrike Lunacek, Heidi Hautala f'isem il-Grupp Verts/ALE
Valentinas Mazuronis, Iveta Grigule

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ukraina (2014/2717(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-SL u b'mod partikolari d-destabilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina(1),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-mexxejja tal-G7 wara l-laqgħa tagħhom fl-Aja fl-24 ta' Marzu 2014,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Marzu, tal-14 ta' April, tat-12 ta' Mejju u tat-23 ta'Ġunju 2014,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Marzu u tas-27 ta’ Ġunju 2014,

–   wara li kkunsidra r-rapport finali dwar l-elezzjonijiet presidenzjali bikrija fl-Ukraina tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali tal-OSKE/ODIHR,

–   wara li kkunsidra l-iffirmar tal-partijiet finali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina, inkluż Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv, fis-27 ta' Ġunju 2014,

–   wara li kkunsidra r-rapporti mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina tal-15 ta' Mejju u tal-15 ta' Ġunju 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni NATO–Ukraina tal-1 ta' April 2014,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Ukraina għada taffaċċja sfidi tas-sigurtà, politiċi u soċjoekonomiċi serji; billi l-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina jirrappreżenta impediment serju għall-iżvilupp u l-prosperità tal-pajjiż;

B.  billi l-okkupazzjoni Russa u l-annessjoni tal-Krimea jiksru d-dritt internazzjonali u l-obbligi internazzjonali li għandha r-Russja skont il-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki, l-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Memorandum ta' Budapest tal-1994 dwar il-Garanziji ta' Sigurtà, kif ukoll obbligi bilaterali li jirriżultaw mit-Trattat Bilaterali tal-1997 dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija;

C. billi fil-25 ta' Mejju 2014 Petro Poroshenko ġie elett bħala l-President il-ġdid tal-Ukraina; billi l-elezzjoni kienet issorveljata minn missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali mmexxija mill-OSKE/ODIHR u, minkejja l-ambjent ta' sigurtà ostili fil-Lvant tal-Ukraina u l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja, hija meqjusa li fil-biċċa l-kbira kienet f'konformità mal-impenji internazzjonali u tirrispetta l-libertajiet fundamentali fil-parti l-kbira tal-pajjiż;

D. billi l-President il-ġdid ressaq pjan ta' 15-il punt għal soluzzjoni paċifika għas-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukraina li jħares is-sovranità, l-integrità u l-unità nazzjonali tal-Ukraina abbażi ta' amnestija għal dawk li ċedew u li ma wettqux reati gravi, l-istabbiliment ta' passaġġi kkontrollati għall-irtirar tal-merċenarji Russi u t-tnedija ta' djalogu inklussiv;

E.  billi, bħala l-ewwel pass, il-President Poroshenko ħabbar waqfien mill-ġlied unilaterali bejn l-20 u t-30 ta' Ġunju 2014 sabiex ikun possibbli li jsiru konsultazzjonijiet bejn l-Ukraina, ir-Russja u l-forzi tas-separatisti; billi l-waqfien mill-ġlied unilaterali ddikjarat mill-gvern tal-Ukraina nkiser ripetutament, b'mod speċjali mis-separatisti, u wassal għal imwiet fuq iż-żewġ naħat;

F.  billi fil-25 ta' Ġunju 2014 il-Kunsill tal-Federazzjoni Russa approva deċiżjoni mill-President Putin biex jirrinunzja d-dritt li jibgħat forzi armati Russi fit-territorju tal-Ukraina;

G. billi fis-27 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill Affarijiet Barranin ikkonferma l-analiżi tal-Kummissjoni li l-Ukraina ssodisfat il-punti ta' riferiment taħt l-ewwel fażi tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Liberalizzazzjoni tal-Viża u għaddiet għat-tieni fażi tal-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-viża;

H. billi fis-27 ta' Ġunju 2014 l-UE u l-Ukraina ffirmaw id-dispożizzjonijiet li kien fadal tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv; billi dan il-ftehim jirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet tal-poplu tal-Ukraina li jgħix f'pajjiż immexxi minn valuri Ewropej, bid-demokrazija u bl-istat tad-dritt;

I.   billi l-President Poroshenko ddeċieda li jġedded l-operazzjoni kontra t-terroriżmu biex jegħleb l-irvell tas-separatisti fil-Lvant wara l-falliment tal-waqfien mill-ġlied unilaterali; billi l-armata tal-Ukraina reġgħet ħadet kontroll fuq diversi bliet fil-Lvant tal-Ukraina, u ġegħlet lir-ribelli u lill-merċenarji jirtiraw lejn Donetsk; billi, madanakollu, il-vjolenza għadha għaddejja;

J.   billi fit-2 ta' Lulju 2014 il-Ministri Barranin tal-Ġermanja, ta' Franza, tar-Russja u tal-Ukraina ltaqgħu f'Berlin u qablu dwar sett ta' miżuri bl-għan li jwasslu għal waqfien mill-ġlied reċiproku sostenibbli fil-Lvant tal-Ukraina;

K. billi l-President Poroshenko esprima r-rieda tiegħu li jħabbar waqfien mill-ġlied ieħor fuq tliet kundizzjonijiet, b'mod speċjali li l-waqfien mill-ġlied ikun osservat b'mod bilaterali, li jinħelsu l-ostaġġi kollha u li l-kontroll effikaċi tal-fruntiera jkun osservat mill-OSKE;

L.  billi l-President Poroshenko fl-14 ta' Lulju 2014 ddikjara li uffiċjali tal-persunal militari Russi kienu qed jiġġieldu kontra l-forzi tal-Ukraina flimkien ma' ribelli separatisti u li ġiet stabbilita sistema Russa għall-gwida tal-missili; billi, skont sorsi tan-NATO, ir-Russja qegħda allegatament tibgħat it-tankijiet kbar tal-gwerra, artillerija u armi oħrajn lir-ribelli, u qegħda tippermetti merċenarji mir-Russja jaqsmu l-fruntiera biex jissieħbu mal-milizzji tar-ribelli;

M. billi laqgħa ta' konsultazzjoni bejn tliet partijiet bejn l-UE, l-Ukraina u r-Russja saret fi Brussell fil-11 ta' Lulju 2014 dwar l-impliemtazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv; billi dan huwa proċess utli li jista' jgħin itemm in-nuqqas ta' ftehim dejjiemi, billi jispjega l-benefiċċji tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv u jqis it-tħassib leġittimu tal-partiti kollha;

1.  Jilqa' l-iffirmar tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li fadal, inkluża taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv , u jinsab konvint li se jservi ta' mutur għar-riforma politika u ekonomika, u se jwassal għall-modernizzazzjoni, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u jistimula t-tkabbir ekonomiku; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-Ukraina li pproċediet bl-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim; jiddikjara li l-Parlament Ewropew se jlesti l-proċedura tiegħu għar-ratifika tal-Ftehim kemm jista' jkun malajr; jistieden lill-Istati Membri u lill-Ukraina jirratifikawh fil-pront bil-ħsieb li jiġi implimentat bis-sħiħ mill-aktar fis possibbli;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjoni, wkoll, l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ġeorġja u mal-Moldova, li jimmarkaw il-bidu ta' era ġdida fir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi ta' dawn il-pajjiżi mal-UE; jitlob għar-ratifika rapida tagħhom u jilqa' l-fatt li l-parlament tal-Moldova diġà għamel dan; jiċħad l-adozzjoni ta' miżuri ta' kummerċ 'punittivi' mir-Russja kontra dawk il-pajjiżi li ffirmaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-UE, peress li dawn il-ftehimiet mhumiex ta' theddida għar-Russja; jenfasizza l-fatt li dawn l-azzjonijiet jikkontradixxu r-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, huma motivati politikament u għalhekk mhumiex aċċettabbli;

3.  Jilqa' l-elezzjoni ta' Petro Poroshenko fl-ewwel rawnd għall-ħatra ta' President tal-Ukraina, f'elezzjoni ġusta u demokratika; jinnota li r-riżultat tal-elezzjoni juri appoġġ b'saħħtu fost il-popolazzjoni għal perspettiva Ewropea u demokratika tal-pajjiż;

4.  Jappoġġa l-pjan ta' paċi bħala opportunità kbira biex tittaffa l-eskalazzjoni u għall-paċi; jappoġġa l-azzjonijiet deċiżivi tal-President Poroshenko biex jiggarantixxi l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; jilqa' l-impenn tiegħu li jindirizza l-problema tal-korruzzjoni sistemika u l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi; itenni li r-Russja hija involuta f' azzjoni u provvista militari; iħeġġeġ lir-Russja twettaq l-obbligi internazzjonali tagħha, sabiex ġenwinament timpenja ruħha f'negozjati għal soluzzjoni paċifika u biex tuża l-influwenza reali tagħha biex twaqqaf kwalunkwe vjolenza;

5.  Jitlob għal laqgħa ġdida tal-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali dwar is-soluzzjoni fix-Xlokk tal-Ukraina, u jappoġġa forom ġodda ta' komunikazzjoni bejn il-partijiet;

6.  Jenfasizza d-dritt fundamentali tan-nies tal-Ukraina biex jiddeterminaw b'mod liberu l-ġejjieni ekonomiku u politiku ta' pajjiżhom u jafferma mill-ġdid id-dritt tal-Ukraina biex tiddefendi lilha nnifisha, skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; itenni li l-komunità internazzjonali tappoġġa l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; jenfasizza l-ħtieġa għal soluzzjoni politika għall-kriżi;

7.  Jikkundanna l-aggressjoni Russa fuq il-Krimea bħala ksur gravi fl-ambitu tad-dritt internazzjonali tas-sovranità tal-Ukraina u l-integrità territorjali u jirrifjuta l-politika Russa ta' fait accompli fir-relazzjonijiet barranin; iqis l-annessjoni tal-Krimea illegali u jirrifjuta li jirrikonoxxi t-tmexxija de facto Russa fuq il-peniżola; jilqa' d-deċiżjoni li tiġi pprojbita l-importazzjoni ta' prodotti mill-Krimea u Sevastopol li ma jkollhomx ċertifikat tal-Ukraina, u jħeġġeġ lil pajjiżi oħra jintroduċu miżuri simili skont ir-Riżoluzzjoni 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;

8.  Jikkundanna l-vjolenza li għaddejja u t-telf kuljum ta' ħajjiet fil-Lvant tal-Ukraina, il-qerda ta' djar u proprjetajiet u l-ħarba ta' bosta eluf ta' persuni ċivili minn żoni ta' kunflitt lejn postijiet ta' kenn; jilqa' r-rieda tajba li wriet in-naħa Ukraina fl-adozzjoni ta' waqfien mill-ġlied unilaterali u jiddispjaċih li r-ribelli u l-merċenarji naqsu milli jieħdu dak l-eżempju;

9.  Jistieden lir-Russja tappoġġa l-pjan ta' paċi b'determinazzjoni ġenwina, tadotta miżuri għall-kontroll effettiv tal-fruntiera tagħha mal-Ukraina u twaqqaf l-inkursjoni kontinwa ta' rġiel armati, armi u tagħmir illegali, azzjonijiet ostili u l-infiltrazzjoni, tnaqqas immedjatament u tirtira t-truppi tagħha mill-fruntiera tagħha mal-Ukraina, u tuża s-setgħa li għandha fuq ir-ribelli u l-merċenarji biex iġġegħlhom jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied, iċedu l-armi tagħhom u jirtiraw lura lejn ir-Russja minn kuritur tal-irtirar, kif previst fil-pjan ta' paċi ta' Poroshenko - dawn bħala l-ewwel passi konkreti u tant mistennija li juru li r-Russja hija serja dwar it-taffija tal-eskalazzjoni tal-kriżi;

10. Jiddeplora d-detenzjoni illegali tan-navigatur tal-forzi tal-ajru tal-Ukraina, Nadija Savchenko, fir-Russja u jitlob li tinħeles fil-pront, kif ukoll li jiġu rilaxxati l-ostaġġi kollha miżmuma fl-Ukraina jew fir-Russja;

11. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ikollhom preżenza aktar qawwija u viżibilità akbar fil-mekkaniżmi ta' djalogu stabbiliti bil-għan li tissolva l-kriżi, inkluż il-Grupp ta' Kuntatt;

12. Jilqa' l-estensjoni tas-sanzjonijiet attwali għal 11-il persuna oħra, ħafna minnhom uffiċjali tal-hekk imsejħa awtoritajiet separatisti; jilqa' l-ħidma preparatorja mwettqa mill-Kunsill, mis-SEAE u mill-Istati Membri bil-ħsieb li jiġu estiżi s-sanzjonijiet kontra r-Russja, li għandhom jinkludu s-settur ekonomiku, finanzjarju u tal-enerġija, u embargo fuq l-armi u fuq it-teknoloġija b'użu doppju; jitlob projbizzjoni kollettiva fuq il-bejgħ ta' armi lir-Russja u jħeġġeġ l-implimentazzjoni tagħha sa ma tinnormalizza ruħha s-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukraina; iwissi li kull pass ieħor mir-Russja biex tiddestabbilizza l-Ukraina se jwassal għal konsegwenzi addizzjonali u estensivi għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja;

13. Jitlob li l-Kunsill jappella lir-Russja tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-liġi internazzjonali, u li tapplika it-tielet fażi ta' sanzjonijiet jekk is-sitwazzjoni tesiġi dan;

14. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jadotta strateġija aktar koerenti u stretta u li jitkellem b'vuċi waħda b'rabta mal-kriżi tal-Ukraina u l-imġiba tal-gvern Russu, inkluż dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-enerġija tal-UE; jiddeplora l-fatt li xi Stati Membri qed juru nuqqas ta' għaqda f'dan ir-rigward u nuqqas ta' solidarjetà tal-UE;

15. Jappoġġa waqfien mill-ġlied imġedded u bbażat fuq qbil reċiproku biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni tas-sigurtà, ikun hemm taffija ġenwina tal-eskalazzjoni u jinħoloq momentum għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' paċi tal-President Poroshenko, li jiddependi fuq ir-rispett bilaterali tal-waqfien mill-ġlied, ir-rilaxx tal-ostaġġi u l-monitoraġġ effettiv tal-fruntiera min-naħa tal-OSKE; jilqa' l-aħħar suċċessi tal-forzi tal-Ukraina fil-Lvant tal-pajjiż u l-fatt li huma reġgħu ħadu f'idejhom il-kontroll ta' diversi bliet kbar;

16. Jemmen bis-sħiħ li r-rwol tal-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE għandu jissaħħaħ, permezz ta' aktar mezzi materjali u finanzjarji, biex b'hekk l-Ukraina tiġi appoġġata tagħmel sikuri r-reġjuni tul il-fruntiera tagħha u timmonitorjahom;

17. Ifakkar lill-Gvern tal-Ukraina li jinħtieġu b'urġenza riformi ekonomiċi u politiċi fil-livell nazzjonali; jindika li r-riformi nazzjonali ma jistgħux jinbdew biss minħabba pressjoni esterna, iżda għandhom ikunu bbażati fuq appoġġ popolari solidu għall-ħolqien ta' opportunitajiet ekonomiċi u soċjali sostenibbli billi jiġi mmodernizzat il-pajjiż;

18. Jappella sabiex ikun hemm investigazzjoni indipendenti u imparzjali tal-avvenimenti mdemmija u r-reati kollha kontra l-umanità li seħħew fil-partijiet kollha tal-Ukraina minn Novembru 2013 'l hawn, bl-inklużjoni ta' komponent internazzjonali b'saħħtu u taħt is-superviżjoni tal-Kunsill tal-Ewropa u sabiex dawk responsabbli jittellgħu l-qorti; jinsab konvint li hija biss l-investigazzjoni effettiva ta' dawn ir-reati li tista' tgħin lis-soċjetà tal-Ukraina u lill-familji u l-ħbieb tal-vittmi jerġgħu jiksbu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet;

19. Ifakkar fil-ħtieġa li jintemm it-tnaqqis sistematiku u strutturali tad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza ħażina, il-korruzzjoni mifruxa u l-ekonomija sewda kolossali; jenfasizza l-importanza tal-proċess li għaddej ta' riforma kostituzzjonali, u l-importanza li jitħeġġeġ l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili sabiex tinkiseb demokrazija verament parteċipattiva li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, tiżgura ġustizzja u governanza tajba għall-persuni kollha fir-reġjuni kollha tal-pajjiż u b'hekk tikkontribwixxi għas-sigurtà u l-istabbiltà tiegħu; jappella għall-adozzjoni ta' liġi kontra d-diskriminazzjoni li hija konformi mal-istandards Ewropej;

20. Iqis, barra minn hekk, li huwa ta' importanza kbira li jinbeda proċess gradwali ta' deċentralizzazzjoni tas-setgħat ċentrali favur l-amministrazzjonijiet reġjonali u muniċipali, mingħajr ma jimmina l-bilanċ intern tas-setgħat u l-funzjonament effettiv tal-istat;

21. Jilqa' l-adozzjoni tad-dritt dwar l-akkwist pubbliku u jitlob l-implimentazzjoni diliġenti tiegħu; jistenna l-istabbiliment fil-pront ta' aġenzija politikament independenti kontra l-korruzzjoni b'setgħat biex tinvestiga l-imġiba korrotta;

22. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-istat tad-dritt, anke permezz ta' riforma ġudizzjarja li tikkontribwixxi sabiex iċ-ċittadini jerġgħu jiksbu l-fiduċja fil-ġudikatura, u l-ħtieġa li l-istruttura tal-korpi tal-infurzar tal-liġi ma jibqgħux politiċizzati u militarizzati;

23. Jilqa' d-deċiżjoni li tiġi stabbilita missjoni ċivili u robusta fl-ambitu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni lejn l-Ukraina; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri jħaffu l-mobilizzazzjoni tagħha; jinsab konvint li din il-missjoni jeħtiġilha mandat ambizzjuż biex tappoġġa lill-Ukraini b'mod effettiv fl-isforzi profondi meħtieġa biex is-sitwazzjoni fil-pajjiż tiġi stabilizzata;

 

24. Itenni l-appoġġ tiegħu għar-rieda tal-President Poroshenko li jorganizza elezzjonijiet parlamentari bikrin; jenfasizza l-fatt li l-elezzjonijiet għandhom jitwettqu skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja;

25. Jesprimi tħassib serju dwar l-aggravament tas-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina tal-Lvant u l-Krimea, ikkaġunata minn ribelli u merċenarji instigati mir-Russja, b'mod partikolari fir-rigward ta' tortura, qtil, għajbien ta' ġurnalisti u attivisti, u t-teħid ta' ostaġġi, inklużi każijiet ta' ħtif tat-tfal; jitlob protezzjoni aħjar tal-persuni ċivili u biex l-awtoritajiet tal-Ukraina jagħtu għajnuna umanitarja fir-reġjuni kkonċernati;

26. Jenfasizza l-importanza li tinstab soluzzjoni ċara, ġusta u stabbli biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass mir-Russja lejn l-Ukraina, billi dan huwa prerekwiżit neċessarju għall-iżvilupp ekonomiku u l-istabbiltà tal-Ukraina; jemmen li l-UE għandha tkompli bir-rwol tagħha li tiffaċilita ftehim li jippermetti lill-Ukraina tħallas prezz kompetittiv, mhux minħabba motivazzjonijiet politiċi, għax-xiri tal-gass tagħha; jenfasizza li l-użu tar-riżorsi tal-enerġija bħala strument tal-politika għall-affarijiet barranin jimmina l-kredibilità fuq perjodu ta' żmien twil tar-Russja bħala sħab kummerċjali ta' min jorbot fuqu għall-UE, u li bħala kwistjoni ta' prijorità għandu jkun hemm aktar miżuri sabiex tonqos id-dipendenza tal-UE fuq il-gass tar-Russja;

27. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw provvista suffiċjenti tal-gass permezz ta' fluss tal-gass invers minn stati ġirien fl-UE; jilqa', għal dan il-għan, il-memorandum ta' qbil dwar flussi inversi bejn ir-Repubblika Slovakka u l-Ukraina, li għandu jinkoraġġixxi lill-Ukraina tistabbilixxi sistema għat-trasportazzjoni tal-gass trasparenti u affidabbli; ifakkar f'dan ir-rigward fir-rwol strateġiku tal-Komunità tal-Enerġija, li l-Ukraina qed tippresiedi fl-2014; jilqa' l-fatt li l-kooperazzjoni mal-Ukraina tifforma parti integrali tal-Istrateġija tal-Kummissjoni għas-Sigurtà tal-Enerġija Ewropea ppreżentata f'Ġunju 2014;

28. Jilqa' l-fatt li l-Ukraina reċentement imxiet għat-tieni fażi tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viżi, u b'hekk ikkonfermat mill-ġdid id-determinazzjoni tagħha li tistabbilixxi l-qafas leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali meħtieġ; jesprimi l-konvinzjoni sħiħa tiegħu li l-għan aħħari għandu jkun l-introduzzjoni rapida ta' reġim mingħajr viża; jappella, sadanittant, biex jiġu introdotti minnufih proċeduri sempliċi ħafna u rħas fuq bażi temporanja fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri;

29. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li toħloq Grupp ta' Appoġġ għall-Ukraina, li se jipprovdi lill-awtoritajiet tal-Ukraina bl-għajnuna kollha neċessarja għat-twettiq ta' riformi politiċi u ekonomiċi u li se jaħdem għall-implimentazzjoni ta' 'Aġenda Ewropea għar-Riforma';

30. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu difiżi l-interessi u l-valuri Ewropej u li jiġu promossi l-istabbiltà, il-prosperità u d-demokrazija fil-pajjiżi tal-kontinent Ewropew;

31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1)

P7_TA(2014)0457.

Avviż legali - Politika tal-privatezza