Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0086/2014/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0086/2014/REV1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Burundi, b'mod partikolari l-każ ta' Pierre Claver Mbonimpa

17.9.2014 - (2014/2833(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B8‑0086/2014)
EFDD (B8‑0087/2014)
ALDE (B8‑0088/2014)
S&D (B8‑0089/2014)
PPE (B8‑0092/2014)
GUE/NGL (B8‑0094/2014)
Verts/ALE (B8‑0106/2014)

Cristian Dan Preda, Davor Ivo Stier, Maurice Ponga, Bogdan Brunon Wenta, Tunne Kelam, Philippe Juvin, Giovanni La Via, Mariya Gabriel, Jeroen Lenaers, Monica Luisa Macovei, Petri Sarvamaa, Seán Kelly, Jaromír Štětina, Pavel Svoboda, Dubravka Šuica, Francesc Gambús, Andrej Plenković f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Norbert Neuser, Maria Arena, Kashetu Kyenge, Linda McAvan, Elena Valenciano Martínez-Orozco, Kati Piri, Liisa Jaakonsaari, Andi Cristea, Marc Tarabella, Hugues Bayet, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Silvia Costa, Luigi Morgano, Goffredo Maria Bettini f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Jan Zahradil f'isem il-Grupp ECR
Louis Michel, Marielle de Sarnez, Marietje Schaake, Pavel Telička, Gérard Deprez, Johannes Cornelis van Baalen, Ramon Tremosa i Balcells, Juan Carlos Girauta Vidal, Alexander Graf Lambsdorff, Izaskun Bilbao Barandica, Fredrick Federley, Jozo Radoš, Javier Nart f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
Judith Sargentini, Bart Staes, Michèle Rivasi, Barbara Lochbihler, Heidi Hautala f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD

Proċedura : 2014/2833(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0086/2014
Testi mressqa :
RC-B8-0086/2014
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Burundi, b'mod partikolari l-każ ta' Pierre Claver Mbonimpa

(2014/2833(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Delegazzjoni tal-UE fil-Burundi tal-10 ta' Settembru 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-10 ta' April 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–   wara li kkunsidra il-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta' Arusha,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-reġjun tal-Lagi l-Kbar tat-22 ta' Lulju 2014, b'mod partikolari tal-punt 7 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tal-Uffiċċju tan-NU fil-Burundi (BNUB),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret nhar l-Erbgħa, 9 ta' Lulju 2014, mill-Assistent Segretarju Ġenerali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Ivan Simonovic waqt il-Burundi Configuration of Peacebuilding Fund,

–   wara li kkunsidra r-rapporti ta' missjoni u l-oqsma ta' prijorità għall-azzjoni (2010-2014) tal-FAO u l-UNICEF fil-Burundi, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ġuħ u n-nutrizzjoni ħażina,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi Pierre Claver Mbonimpa, difensur ewlieni tad-drittijiet tal-bniedem u President tal-Assoċjazzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijet tal-Bniedem u Persuni Detenuti (Association pour la protection des droits humains et des personnes détenues, APRODH), għal darb'oħra ġie arrestat fil-15 ta' Mejju 2014 u aktar tard akkużat li "hedded is-sigurtà esterna tal-istat" u li "hedded is-sigurtà interna tal-istat billi kkawża d-diżordni pubbliku" u ilu jinżamm taħt arrest minn dakinhar li ttieħed għall-interrogazzjoni;

B.  billi permezz tal-ħidma tiegħu fid-difiża tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem matul dawn l-aħħar żewġ deċennji u aktar, is-Sur Mbonimpa kiseb diversi premjijiet internazzjonali u rikonoxximent wiesa' kemm domestikament u lil hinn;

C. billi l-akkużi kontrih huma relatati ma' kummenti li huwa għamel fuq Radio Publique Africaine (RPA) fis-6 ta' Mejju 2014, fejn qal li s-sezzjoni taż-żgħażagħ tal-partit CNDD-FDD, magħruf ukoll bħala l-Imbonerakure, qed tiġi armata u mibgħuta lejn ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC) għat-taħriġ militari, u billi dan l-istess tħassib tqajjem mill-BNUB, li enfasizza li l-militarizzazzjoni ta' dawn iż-żgħażagħ tikkostitwixxi "theddida kbira għall-paċi fil-Burundi",

D. billi l-arrest ta' Pierre Mbonimpa huwa rappreżentattiv tar-riskji kbar li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qiegħdin jaffaċċaw, l-intimidazzjoni tal-attivisti u l-ġurnalisti u l-arrest arbitraju ta' membri tal-partit fl-oppożizzjoni, li skont gruppi tad-drittijiet tal-bniedem u l-Assistent Segretarju Ġenerali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-biċċa l-kbira tagħhom twettqu mill-Imbonerakure;

E.  billi, wara avveniment paċifiku tal-partit tal-oppożizzjoni fit-8 ta' Marzu 2014, 70 persuna ġew arrestati, u aktar tard 48 minnhom ingħataw sentenza ta' ħabs, inkluż priġunerija għall-għomor;

F.  billi f'dawn l-aħħar ġimgħat il-gvern tal-Burundi pprojbixxa l-protesti u d-dimostrazzjonijiet paċifiċi b'appoġġ għal Mbonimpa u wissa lill-istazzjonijiet tar-radju biex ma jxandrux informazzjoni li tappoġġa l-affermazzjonijiet ta' Mbonimpa;

G. billi r-rispett sħiħ għal-libertà ta' espressjoni, inkluż għall-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, huwa prekondizzjoni għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti fl-2015 u biex ir-riżultati ta' din l-elezzjoni jiġu aċċettati minn kulħadd;

H. billi reċentament l-UE allokat EUR 432 miljun lill-Burundi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2014-2020, biex, fost affarijiet oħra, tassisti fit-titjib tal-governanza u s-soċjetà ċivili;

I.   billi tal-anqas wieħed minn kull żewġ Burundjani u kważi żewġ terzi, jew 58 %, tat-tfal kollha taħt il-ħames snin ibatu minn nutrizzjoni ħażina kronika, u billi l-Burundi għandu l-ogħla rata ta' ġuħ fost il-120 pajjiż li fuqu ġie kkalkulat l-Indiċi tal-Ġuħ Dinji fl-2012

J.   billi l-Burundi huwa wieħed mill-ifqar ħames pajjiżi fid-dinja, b'wieħed mill-aktar PDG baxx per capita; billi ħafna Burundjani qed isiru dejjem aktar frustrati bl-ispiża dejjem tikber għall-ikel, l-ilma u l-fjuwil, il-livelli għoljin ta' korruzzjoni u n-nuqqas ta' responsabilità tal-mexxejja politiċi;

K. billi bħalissa l-Burundi qed jaffaċċa l-agħar kriżi politika tiegħu minn meta ħareġ minn gwerra ċivili ta' 12-il sena fl-2005, u billi din għal darb'oħra qed toħloq theddida mhux biss għall-istabilità interna tal-pajjiż, iżda wkoll għal dik tal-ġirien tagħha f'reġjun tal-kontinent Afrikan li huwa diġà instabbli;

1.  Jikkundanna b'mod qawwi d-detenzjoni tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Pierre Claver Mbonimpa u jitlob għall-ħelsien immedjat u bla kundizzjoni tiegħu; jesprimi tħassib dwar l-istat ħażin ta' saħħtu u jitlob li jingħata assistenza medika urġenti;

2.  Jesprimi tħassib partikolari dwar is-sitwazzjoni tal-membri tal-oppożizzjoni MSD li għadhom qed jinżammu taħt arrest wara l-avvenimenti tat-8 ta' Marzu 2014; jappella lill-awtoritajiet Burundjani biex jannullaw s-sentenza u jipproċessaw mill-ġdid lil dawk li għandhom akkużi kredibbli kontrihom f'konformità mal-istandards internazzjonali, inkluż id-dritt tad-difiża u tal-proporzjonalità;

3.  Iħeġġeġ lill-Gvern Burundjan biex jieħu miżuri biex jikkontrolla s-sezzjoni taż-żgħażagħ tas-CNDD-FDD, u ma jħallix il-membri tagħha jintimidaw u jattakaw lil dawk li jqisu bħala avversarji, u jiżgura li dawk responsabbli mill-akkużi jitressqu quddiem il-qrati; jitlob għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-affermazzjonijiet li s-CNDD-FDD qed jarma u jħarreġ is-sezzjoni taż-żgħażagħ tiegħu; iħeġġeġ lill-mexxejja tal-partiti fl-oppożizzjoni biex iwaqqfu l-vjolenza kontra l-avversarji tagħhom;

4.  Jitlob lill-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar biex jindirizzaw l-attivitajiet illegali tal-Imbonerakure u flimkien jindirizzaw problemi bħal dawn mal-Gvern tal-Burundi. Jitlob lil dawn il-pajjiżi biex iżommu livell għoli ta' impenn fil-promozzjoni tal-paċi u l-istabilità permezz ta' mekkaniżmi reġjonali eżistenti u biex jintensifikaw l-isforzi għall-iżvilupp ekonomiku reġjonali, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għar-rikonċiljazzjoni, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-impunità u l-istabbiliment ta' responsabilità ġudizzjarja aħjar;

5.  Ifakkar li l-Burundi huwa marbut mill-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehim ta' Cotonou, mill-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u mill-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u għalhekk huwa obbligat li jirrispetta d-drittijiet univerali tal-bniedem, inkluż il-libertà ta' espressjoni; jappella lill-Gvern tal-Burundi bex jippermetti li jsir dibattitu politiku ġenwin u miftuħ qabel l-elezzjonijiet tal-2015 mingħajr il-biża ta' intimidazzjoni, billi ma jinterferixxix fl-amministrazzjoni interna tal-partiti fl-oppożizzjoni, billi ma jpoġġix restrizzjonijiet fuq il-kampanji għall-partiti kollha, speċjalment f'żoni rurali, u billi ma jabbużax mill-ġudikatura biex jeskludi rivali politiċi;

6.  Jesprimi tħassib qawwi dwar in-nuqqas ta' ġustizzja għall-qtil politiku massiv li sar bejn l-2010 u l-2012, wara l-elezzjonijiet tal-2010; jitlob lill-awtoritajiet Burundjani jiżguraw li l-awturi ta' dan il-qtil jitressqu quddiem il-qrati, għal proċessi ġusti, u jagħmlu kull sforz biex jipprevjenu l-vjolenza politika qabel l-elezzjonijiet tal-2015;

7.  Itenni, f'dan il-kuntest, l-importanza tar-rispett tal-Kodiċi ta' Kondotta għal kwistjonijiet elettorali (Code de bonne conduite en matière électorale) u l-pjan direzzjonali tan-NU dwar l-elezzjonijiet li kien iffirmat mill-atturi politiċi fl-2013, u jappoġġa bis-sħiħ l-attivitajiet tal-BNUB immirati biex jipprevjenu vjolenza politika ulterjuri fil-perjodu li jwassal għall-elezzjonijiet tal-2015 u li jgħinu jirrestawraw is-sigurtà fit-tul u l-paċi;

8.  Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali li l-popolazzjoni tal-Burundi kollha kemm hi qed taffaċċa, b'mod partikolari r-refuġjati u l-persuni spostati, li se jkomplu jiżdiedu minħabba l-poblemi ta' sigurtà fil-pajjiż u t-tensjonijiet fil-pajjiżi ġirien;

9.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jżommu l-impenji li jinsabu fil-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta' Arusha 2000, li fl-2005 kien strumentali biex jintemm kunflitt ċivili li dam 12-il sena; iwissi kontra li tiġi emendata l-kostituzzjoni Burundjana b'tali mod li jitneħħew id-dispożizzjonijiet fundamentali dwar il-qsim tal-poter stipulati fil-ftehimiet ta' Arusha;

10. Jitlob lir-Rappreżentant Għoli tal-UE u l-Istati Membri biex jiżguraw li l-politika tal-UE fir-rigward tal-Burundi hija waħda ċara u bbażata fuq prinċipji u li tindirizza l-vjolazzjonijiet serji u kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra t-tnedija ta' konsultazzjonijiet mal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou bil-ħsieb ta' sospensjoni possibbli mill-Ftehim u biex jittieħdu l-miżuri xierqa waqt li jkunu qed jitmexxew;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjonim lill-Istati Membri, lill-Gvern tal-Burundi u lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Lagi l-Kbar, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta u tal-Parlament Pan-Afrikan.