Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0097/2014/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0097/2014/REV1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladexx

17.9.2014 - (2014/2834(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B8‑0097/2014)
ALDE (B8‑0100/2014)
S&D (B8‑0101/2014)
PPE (B8‑0103/2014)
GUE/NGL (B8‑0104/2014)
Verts/ALE (B8‑0105/2014)

Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Tunne Kelam, Philippe Juvin, Giovanni La Via, Mariya Gabriel, Jeroen Lenaers, Monica Luisa Macovei, Seán Kelly, Petri Sarvamaa, Eduard Kukan, Jarosław Leszek Wałęsa, Ivo Belet, Dubravka Šuica, Pavel Svoboda, Andrej Plenković f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Liisa Jaakonsaari, Richard Howitt, Goffredo Maria Bettini, Claude Moraes, Marc Tarabella, Hugues Bayet, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Luigi Morgano f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Jana Žitňanská, Nirj Deva f'isem il-Grupp ECR
Juan Carlos Girauta Vidal, Louis Michel, Marielle de Sarnez, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Johannes Cornelis van Baalen, Cecilia Wikström, Ramon Tremosa i Balcells, Alexander Graf Lambsdorff, Izaskun Bilbao Barandica, Javier Nart f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
Jean Lambert, Barbara Lochbihler f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao

Proċedura : 2014/2834(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0097/2014
Testi mressqa :
RC-B8-0097/2014
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladexx

(2014/2834(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni KE-Bangladexx tal-2001,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 33 u 35 tal-Kostituzzjoni tal-Bangladexx, li jistipulaw li l-ebda persuna ma għandha tiġi soġġetta għat-tortura jew kastiġ jew trattament krudili, inuman jew degradanti u li l-ebda persuna ma għandha tiġi arrestata jew miżmuma fil-kustodja mingħajr ma tiġi infurmata dwar ir-raġunijiet ta' tali arrest,

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Suprema tal-Bangladexx li stipulat miżuri ta' salvagwardja kontra arresti arbitrarji mill-pulizija taħt is-sezzjoni 54 tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali, li tesiġi wkoll li kwalunkwe inċident ta' mewt li jseħħ fil-kustodja tal-pulizija jiġi investigat minn maġistrat u li jittieħdu l-passi legali meħtieġa,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi li l-Bangladexx irratifika fl-2000,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE għandha relazzjonijiet tajbin u fit-tul mal-Bangladexx, anke permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp;

B.  billi l-Bangladexx għamel progress sinifikanti fis-snin reċenti, partikolarment lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u fil-prestazzjoni ekonomika tiegħu;

C. billi l-Gvern tal-Bangladexx ħabbar politika ta' "tolleranza żero" fil-konfront ta' kwalunkwe vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mill-aġenziji ta' infurzar tal-liġi, u billi adotta Att ta' Riforma tal-Pulizija, inkluż Kodiċi ta' Kondotta, għases tal-pulizija mudell u ċentri ta' appoġġ għall-vittmi f'għases ewlenin tal-pulizija;

D. billi l-Gvern tal-Bangladexx ħabbar li, f'kollaborazzjoni mal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, qed iwettaq programmi ta' konsultazzjoni legali u ta' taħriġ għall-aġenziji tal- infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet tal-ħabsijiet dwar salvagwardji internazzjonali kontra t-tortura;

E.  billi fis-snin reċenti l-Bangladexx ta xhieda ta' numru ta' traġedji fil-fabbriki tal-ilbies tiegħu, fejn l-agħar waħda f'termini ta' telf ta' ħajja kienet il-kollass tal-fabbrika Rana Plaza, b'iktar minn 1,100 persuna midruba; billi, wara l-kollass ta' Rana Plaza, il-Bangladexx, flimkien ma' partijiet interessati maġġuri fis-settur tal-ilbies, ta bidu għal programm ta' riforma bil-għan ta' kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u deċenti; billi l-UE tappoġġja dan il-programm permezz tal-Bangladesh Sustainability Compact, iżda billi l-partijiet interessati mhumiex imħajra jieħdu sehem;

 

F.  billi l-każijiet ta' għajbien (allegatament spiss jinvolvu forzi tas-sigurtà tal-istat), l-użu tat-tortura u forom oħra ta' maltrattament jippersistu fil-Bangladexx minkejja s-salvagwardji stipulati fil-Kostituzzjoni, il-Kodiċi Penali u l-Att dwar (il-projbizzjoni ta') it-Tortura u l-Mewt waqt Kustodja, kif l-istess jagħmlu restrizzjonijiet dwar id-dritt tal-libertà ta' espressjoni;

G. billi wara l-elezzjonijiet ġenerali tal-5 ta' Jannar 2014, li ġew ibbojkottjati mill-Partit Nazzjonalista tal-Bangladexx (PNB) – il-partit prinċipali tal-oppożizzjoni – u fid-dell tal-istrajkijiet istigati mill-PNB u l-vjolenza li rriżultat, il-gvern tal-Lega Awami mmexxi minn Sheikh Hasina ħa bosta passi biex jillimita d-drittijiet ċivili;

H. billi r-Rapid Action Battalion (RAB), li nħoloq għaxar snin ilu bħala miżura ta' emerġenza biex jiġu kkumbattuti theddidiet għas-sigurtà minn gruppi militanti, jinkludu uffiċjali kemm militari kif ukoll tal-pulizija, u effettivament jinvolvi l-armata fl-infurzar tad-dritt ċivili mingħajr mekkaniżmi ta' responsabilità trasparenti; billi organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem qed jallegaw li l-RAB huwa responsabbli għal madwar 800 mewt, mingħajr ebda prosekuzzjoni jew kastiġ fil-konfront tal-uffiċjali responsabbli; billi, minbarra l-arresti reċenti ta' bosta membri tal-RAB b'konnessjoni ma' qtil kontrattwali suspettat ta' politiku tal-partit mexxej, abbużi xokkanti oħra ma ġewx ikkastigati;

I.   billi fis-6 ta' Awwissu 2014 il-Gvern tal-Bangladexx ippubblika l-politika l-ġdida tiegħu tal-midja; billi elementi ta' din il-politika jimponu limiti fuq il-libertà tal-midja, pereżempju billi jipprojbixxu kliem li huma "antistatali", "jirridikola l-ideoloġija nazzjonali" jew "huwa inkonsistenti mal-kultura tal-Bangladexx" billi jirristrinġi r-rappurtar ta' "anarkija, ribelljoni jew vjolenza"; billi l-gvern qed jippjana li jintroduċi qafas legali li permezz tiegħu jinforza l-politika; billi l-Bangladexx jinsab fil-145 post minn 179 pajjiż fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa;

J.   billi l-Gvern tal-Bangladexx ippropona liġi ġdida li hija rrappurtata li timponi bosta restrizzjonijiet fuq organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs); billi l-Att il-ġdid dwar ir-Regolazzjoni ta' Donazzjonijiet minn Barra jirregola operazzjonijiet u ffinanzjar minn kwalunkwe grupp li jirċievi ffinanzjar minn barra l-pajjiż, u jagħti lill-Uffiċċju dwar l-Affarijiet tal-NGOs fi ħdan l-uffiċċju tal-Prim Ministru awtorità ta' approvazzjoni fuq proġetti ffinanzjati minn barra; billi l-abbozz ta' att ġdid jesiġi wkoll li kulmin ikun involut f'attivitajiet volontarji għandu jikseb approvazzjoni minn qabel għall-ivvjaġġar barra l-pajjiż għal skopijiet relatati mal-ħidma tiegħu fuq proġett; billi jeżisti tħassib fuq skala wiesgħa fost l-NGOs li l-att se jinvolvi aktar uffiċjali tal-gvern fil-proċess ta' monitoraġġ, persuni li jivvalutaw u japprovaw permessi – bil-potenzjal ta' dewmien u prattiki ħżiena;

K. billi fis-27 ta' Awwissu 2014 Hana Shams Ahmed, koordinatur tal-International Chittagong Hill Tracts Commission (CHTC), u ħabib tiegħu ġew attakkati brutalment minn tmienja sa għaxar membri ta' Somo Odhikar Andolon waqt żjara privata fi Shoilopropat f'Bandarban fiċ-Chittagong Hill Tracts; billi l-erba' membri tal-Fergħa tal-Investigaturi (DB) tal-pulizija li suppost kienu qed jipprovdulhom sigurtà ma intervenewx, u anki sparixxew waqt li sar l-attakk;

L.  billi l-vjolenza etnika u reliġjuża motivata qed tkompli, inkluż attakk minn bosta tużżani ta' rġiel armati fil-bidu ta' Lulju 2014 fuq is-sorijiet tal-kunvent tal-Istitut Pontifikali ta' Missjonijiet Barranin (PIME) f'Boldipuku; billi waqt dan l-attakk insterqu oġġetti mill-kunvent, u s-sorijiet ġew attakkati fiżikament;

M. billi mill-inqas erba' bloggers u żewġ difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ġew mixlija fl-aħħar sentejn taħt is-sezzjoni 57 tal-Att dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) Act;

N. billi t-Tribunal tad-Delitti Internazzjonali (ICT) tal-Bangladexx, li huwa mistenni li jinvestiga delitti tal-gwerra konnessi mal-gwerra tal-indipendenza tal-Bangladexx ħareġ għaxar verdetti sa issa, inklużi tmien sentenzi tal-mewt u żewġ termini ta' ħabs għall-ħajja; billi l-politiku Iżlamiku Abdul Quader Mollah kien l-ewwel wieħed li ġie ġġustizzjat; billi teżisti kritika b'saħħitha u persistenti li l-ICT mhijiex konformi ma' standards internazzjonali; billi huwa stmat li hemm 'il fuq minn 1,000 ruħ ikkundannati għall-mewt fil-Bangladexx;

O. billi wara l-kollass traġiku tal-fabbrika Rana Plaza f'April 2013, il-Gvern tal-Bangladexx u l-bejjiegħa bl-imnut tal-Punent stabbilixxew reġim għall-ispezzjoni ta' aktar minn 3,500 fabbrika tal-ħwejjeġ għall-integrità strutturali u s-sigurtà elettrika u kontra n-nirien; billi, filwaqt li l-ispezzjonijiet li twettqu mill-bejjiegħa bl-imnut tal-Punent kienu kontinwi u pubbliċi, dawk li twettqu mill-Gvern tal-Bangladexx s'issa għadhom ma sarux pubbliċi;

P.  billi l-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi stabbilit mill-Kumitat ta' Koordinazzjoni ta' Rana Plaza biex jassisti lill-vittmi u dawk li baqgħu ħajjin, li huwa magħmul mir-rappreżentanti tal-Gvern tal-Bangladexx, l-industrija tal-ħwejjeġ. it-trade unions u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, u li huwa ppresedut mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, għadu ma laħaqx iċ-ċifra fil-mira tiegħu ta' 40 miljun dollaru Amerikan; billi, skont il-Kampanja 'Clean Clothes' huma biss nofs il-kumpaniji prinċipalment ibbażati fl-Ewropa u l-Istati Uniti u li għandhom rabtiet ma' fabbriki fil-binja Rana Plaza, li taw kontribuzzjonijiet lill-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi;

Q. billi, minkejja ftit riformi tal-liġi tax-xogħol, il-ħaddiema qed ikomplu jagħmlu rapporti dwar fastidji u intimidazzjoni bil-għan li jitwaqqfu milli jissieħbu jew jiffurmaw union, u billi qed ikomplu jiġu rappurtati atti ta' vjolenza kontra l-organizzaturi tat-trade unions; billi skont l-Att dwar ix-Xogħol tal-2013 għadu mhuwiex aġġornat mal-istandards internazzjonali għal dak li jirrigwarda l-libertà ta' assoċjazzjoni, inklużi d-dritt għal strajk u negozjar kollettiv;

1.  Ifaħħar lill-Gvern tal-Bangladexx għall-progress li għamel lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, li rriżulta f'titjib sinifikattiv u reali għal miljuni ta' ċittadini; barra minn hekk, jirrikonoxxi l-fatt li dan it-titjib ġie rrealizzat taħt ċirkostanzi domestiċi diffiċli, li jinkludu t-theddida kostanti ta' attakki vjolenti minn gruppi radikali bħall-partit Jamaat-e-Islami affiljat mal-PNB; jilqa', f'dan il-kuntest, l-adozzjoni tal-Att ta' Prevenzjoni taż-Żwieġ tat-Tfal fil-15 ta' Settembru 2014,

2.  Jesprimi, madankollu, tħassib dwar vjolazzjonijiet kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem mill-Rapid Action Battalion u forzi oħra tas-sigurtà, inkluż għajbien sfurzat u każi ta' qtil extraġudizzjarji ta' attivisti tal-oppożizzjoni; itenni s-sejħa tiegħu għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u jilqa' s-sentenza tal-Qorti Suprema tas-16 ta' Settembru 2014 biex tibdel sentenza tal-mewt mit-tribunal Internazzjonali tad-Delitti kontra l-Viċi President ta' Jamaat-e-Islami, Delwar Hossain Sayedee, f'ħabs għal ħajtu

3.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jeħles immedjatament lil kulmin huwa suġġett għal għajbien sfurzat, sakemm ma jkunx jista' jiġi akkużat b'offiża kriminali rikonoxxibbli, f'liema każ għandu jinġieb immedjatament quddiem qorti; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladexx jinvestigaw il-persuni responsabbli, filwaqt li jqisu r-responsabilità tal-kmand, u biex dawk li jinstabu li huma responsabbli, ssir ġustizzja magħhom fi proċess ġust; iħeġġeġ lill-Gvern jistabbilixxi korp indipendenti biex jinvestiga tali każijiet u jtenni s-sejħa tiegħu lill-Gvern biex jistabbilixxi kummissjoni tad-drittijiet tal-bniedem effettiva u kompletament indipendenti;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern juża forza mill-inqas biex jerġa' jikseb ordni pubbliku u biex jirrispetta b'mod strett il-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u l-Armi tan-Nar; jikkundanna bil-qawwa attakki vjolenti minn gruppi tal-oppożizzjoni kemm kontra l-popolazzjoni ċivili kif ukoll kontra l-Gvern; jistieden lill-gruppi tal-oppożizzjoni jingaġġaw biss fi protesti paċifiċi;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx iġib lura lill-forzi tas-sigurtà tal-istat, inkluż il-pulizija u r-Rapid Action Battalion (RAB), fil-konfini tal-liġi; jappella bil-qawwa lill-awtoritajiet tal-Bangladexx iġibu fi tmiem l-impunità tal-RAB billi jordnaw investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet f'allegazzjonijiet ta' qtil illegali minn forzi tal-RAB jinnota li se jimmonitorja mill-qrib il-proċedimenti tal-każ ta' qtil Narayanganj, li b'konnessjoni miegħu tliet uffiċjali tal-RAB ġew arrestati u qed jistennew proċedimenti ġudizzjarji wara l-ħtif u l-qtil ta' seba' persuni f'Narayanganj f'April 2014;

6.  Jenfasizza l-importanza ta' sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u aċċessibbli biex jissaħħaħ ir-rispett tal-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni, u r-riforma tat-Tribunal Internazzjonali tad-Delitti; jirrikonoxxi li huwa iktar importanti minn qatt qabel li tinbena fiduċja pubblika fil-ġudikatura, l-istituzzjonijiet tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem, meta titqies iż-żieda fit-theddidiet fir-reġjun minn organizzazzjonijiet terroristiċi bħall-Al-Qaeda;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-liġi proposta dwar l-NGOs; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx ikompli bil-konsultazzjonijiet ma' gruppi indipendenti dwar il-kontenut ta' dan l-abbozz ta' liġi u jiżgura li, jekk eventwalment il-liġi tiġi adottata, tkun konformi mal-istandards internazzjonali u l-konvenzjonijiet tad-drittijiet ċivili li għalihom il-Bangladexx impenja ruħu;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx jirrikonoxxi u jirrispetta l-libertà tal-istampa u l-midja u jippermetti li l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ikollhom ir-rwol important tagħhom fit-tisħiħ tar-responsabilità u d-dokumentazzjoni ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladexx jirrevokaw il-politika ġdida tal-midja u jirrispettaw l-obbligi tagħhom li jippermettu l-libertà tal-kelma u tal-espressjoni;

9.  Huwa mħasseb ħafna dwar każijiet li qed jirrepetu ruħhom ta' vjolenza etnika u motivata mir-reliġjon; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx joffri protezzjoni u garanziji aħjar lill-minoranzi bħall-Ħindu, il-Buddisti u l-Insara, iżda wkoll il-Biharis; jilqa' l-arrest ta' persuni suspettati b'relazzjoni mal-attakk kriminali fuq il-kunvent f'Boldipuku;

10. Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jiżgura l-infurzar ta' liġijiet tx-xogħol u jħeġġeġ riformi ulterjuri sabiex jinġiebu f'konformità ma' standards tal-ILO, partikolarment il-possibilità li ħaddiema jiffurmaw liberament trade unions u jissieħbu magħhom;

11. Jinnota l-programmi ta' riforma fl-industrija tal-ilbies, iżda jħeġġeġ lill-Gvern jimplimenta bis-sħiħ il-pjan ta' azzjoni li ftiehem dwaru u li ffirma mal-ILO f' Mejju 2013, inkluż ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta' spetturi u ispezzjonijiet dettaljati, permezz ta' rekords pubbliċi, tal-eluf kbar ta' fabbriki; iħeġġeġ lill-firmatarji tal-Ftehim dwar in-Nirien u s-Sikurezza fil-Bagladexx biex jirrispettaw l-impenji tagħhom, inkluż fir-rigward tal-kumpens finanzjarju għall-vittmi u l-istandards minimi;

12. Jiddispjaċih dwar il-fatt li minn Ġunju 2014 l-ammont totali miġbur minn donazzjonijiet ta' kumpaniji volontarji għall-Fondazzjoni Fiduċjarja ta' Donaturi huwa biss ta' 17-il miljun dollaru Amerikan, li jħalli 23 miljun dollaru pendenti; jikkonkludi, għalhekk, li l-prinċipju volontarju naqas lill-vittmi tad-diżastru ta' Rana Plaza u li mekkaniżmu mandatorju huwa meħtieġ urġentement;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.