Proċedura : 2014/2905(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0161/2014

Testi mressqa :

RC-B8-0161/2014

Dibattiti :

PV 23/10/2014 - 6.3
CRE 23/10/2014 - 6.3

Votazzjonijiet :

PV 23/10/2014 - 7.3
CRE 23/10/2014 - 7.3

Testi adottati :

P8_TA(2014)0041

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 146kWORD 211k
22.10.2014
PE537.064v01-00}
PE537.066v01-00}
PE537.074v01-00}
PE537.080v01-00} RC1
 
B8-0161/2014}
B8-0163/2014}
B8-0171/2014}
B8-0177/2014} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE (B8‑0161/2014)

ECR (B8‑0161/2014)

S&D (B8‑0171/2014)

ALDE (B8‑0177/2014)


dwar l-għajbien ta' 43 student għalliem fil-Messiku (2014/2905(RSP))


Cristian Dan Preda, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Bogdan Brunon Wenta, Giovanni La Via, Seán Kelly, Tunne Kelam, Francisco José Millán Mon, Dubravka Šuica, Petri Sarvamaa, Eduard Kukan, Jiří Pospíšil, Jarosław Leszek Wałęsa, Lara Comi, Michaela Šojdrová, Monica Luisa Macovei, Jeroen Lenaers, Andrej Plenković, Stanislav Polčák, David McAllister, Lorenzo Cesa, Tomáš Zdechovský, Philippe Juvin, Franck Proust, Pavel Svoboda, Jaromír Štětina, Massimiliano Salini, Francesc Gambús, Arnaud Danjean, Luis de Grandes Pascual, Elisabetta Gardini, Ivana Maletić f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Ramón Jáuregui Atondo, Enrico Gasbarra, Krystyna Łybacka, Goffredo Maria Bettini, Andi Cristea, Liisa Jaakonsaari, Sorin Moisă, Javi López, José Blanco López, Nicola Caputo, Pina Picierno, Marc Tarabella, Hugues Bayet, Alessia Maria Mosca, Tonino Picula, Richard Howitt, Afzal Khan, Doru-Claudian Frunzulică f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, James Nicholson, Jana Žitňanská f'isem il-Grupp ECR
Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Louis Michel, Robert Rochefort, Juan Carlos Girauta Vidal, Ramon Tremosa i Balcells, Marietje Schaake, Martina Dlabajová, Gérard Deprez, Pavel Telička, Jozo Radoš, Ivan Jakovčić, Izaskun Bilbao Barandica, Petr Ježek, Gesine Meissner, Javier Nart f'isem il-Grupp ALDE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-għajbien ta' 43 student għalliem fil-Messiku (2014/2905(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Messiku, b'mod partikolari dik tal-11 ta' Marzu 2010 dwar iż-żieda tal-vjolenza fil-Messiku(1),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Messiku,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2009 dwar Sħubija Strateġika UE-Messiku(2),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-15 ta' Lulju 2008 intitolata "Lejn Partenarjat Strateġiku bejn l-UE u l-Messiku" (COM(2008)447),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE dwar Iguala, li nħarġet bi qbil mal-Kapijiet ta' Missjoni tal-Istati Membri tal-UE fil-Messiku fit-12 ta' Ottubru 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret mill-President tal-Messiku Enrico Peña Nieto fl-14 ta' Ottubru 2014,

–   wara li kkunsidra l-Pjan Eżekuttiv Konġunt ta' Sħubija Strateġika bejn il-Messiku u l-UE tas-16 ta' Mejju 2010,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-samits tal-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-Unjoni Ewropea, l-Amerika Latina u l-Karibew (UE-CELAC),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-17 ta' Ġunju 2012 tas-seba' samit bejn il-Messiku u l-UE li sar f'Los Cabos, Baja California Sur, fil-Messiku,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-tnax-il laqgħa tal-Kumitat Konġunt UE-Messiku li saret fil-Belt tal-Messiku fl-10 u l-11 ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Messiku u l-Unjoni Ewropea għandhom valuri komuni li jidhru fis-soċjetajiet demokratiċi u pluralisti tagħna, li jħarsu l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-ħaddiema, il-ħarsien ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll impenn komuni li jikkonsolidaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ekwu u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-faqar;

B.  billi s-sistemi demokratiċi tagħna għandhom id-dmir u l-obbligu li jissalvagwardaw il-funzjonament tal-istat tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, u billi għaldaqstant it-tgawdija u l-eżerċitar sħiħ tal-libertajiet u d-dritt għall-integrità tal-persuna jikkostitwixxu wieħed mill-pilastri bażiċi tal-istat tad-dritt;

C. billi s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Messiku ppermettiet li jkun hemm kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-UE u l-Messiku fi kwistjonijiet ta' importanza globali, b'mod partikolari djalogu msaħħaħ, koordinazzjoni u skambji f'oqsma bħalma huma s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem, ir-riforma elettorali, l-iżvilupp reġjonali u l-politiki regolatorji u dawk kummerċjali;

D. billi fis-26 ta' Settembru 2014 inqatlu sitt persuni, fosthom tliet studenti, meta l-pulizija fetħu n-nar fuq studenti għalliema tal-Università (Escuela Normal) ta' Ayotzinapa f'Iguala, l-Istat ta' Guerrero, li kienu qed jipprotestaw; billi minn dakinhar 'l hawn 43 student għadhom neqsin; billi skont bosta sorsi, dawn l-istudenti daruhom il-pulizija u tkeċċew minnhom, u ngħataw f'idejn irġiel armati mhux identifikati li huma marbuta ma' kartell tad-droga;

E.  billi skont il-Gvern tal-Messiku ġew arrestati 51 persuna b'rabta mad-delitti, fil-maġġorparti aġenti tal-pulizija mill-muniċipalitajiet ta' Iguala u Cocula; billi fl-14 ta' Ottubru 2014 l-Avukat Ġenerali tal-Messiku ddikjara li skont analiżijiet forensiċi li saru fuq it-28 ġisem li nstabu f'oqbra klandestini qrib Iguala fl-4 ta' Ottubru 2014, l-iġsma ma jikkorrispondux għal dawk tal-istudenti li għebu; billi l-awtoritajiet tal-Messiku qabdu s-suspettat kap ewlieni tal-grupp kriminali Guerreros Unidos (Gwerriera Magħquda), li allegatament kien involut fl-għajbien tat-43 student;

F.  billi s-Sindku ta' Iguala, martu u l-kap tal-pulizija ta' Iguala qed jaħarbu mill-ġustizzja u huma akkużati li għandhom rabtiet mal-kartell tad-droga lokali Guerreros Unidos;

G. billi l-President tal-Messiku, Enrique Peña Nieto, ta istruzzjonijiet lill-Gvern Federali u lill-Uffiċċju tas-Sigurtà tiegħu sabiex jieħdu miżuri immedjati u konklużivi; billi ntlaħaq qbil dwar pjan direzzjonali għal azzjoni konġunta flimkien mal-familji tal-istudenti nieqsa u r-rappreżentanti tagħhom; billi l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) u n-NU ħeġġew lill-Gvern tal-Messiku jinvestiga l-għajbien sfurzat, jikkastiga lil dawk responsabbli u jħares lill-familji tal-istudenti li għebu; billi f'dan il-każ il-Gvern Messikan qed jikkoopera ma' dawn il-korpi multilaterali internazzjonali;

H. billi l-Gvern tal-Messiku u l-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni qablu fl-2012 dwar 'Patt għall-Messiku', li kellu l-għan jindirizza l-isfidi ewlenin tal-Messiku, inklużi s-sigurtà u l-impunità;

I.   billi żdiedet il-vjolenza fl-Istat ta' Guerrero; billi bosta studenti u għalliema madwar il-Messiku qed jipprotestaw għar-ritorn sikur tal-istudenti li għebu u jikkundannaw il-kompliċità fost ċerti elementi tal-pulizija lokali fid-delitti, il-korruzzjoni fil-korp tal-pulizija u d-dgħufija istituzzjonali f'żoni partikolari tal-pajjiż, fejn il-lakuni fil-koeżjoni soċjali huma iktar evidenti; billi l-binjiet tal-gvern f'Chilpancingo u xi binjiet uffiċjali oħra f'muniċipalitajiet diversi tal-istat ta' Guerrero, kif ukoll xi mexxejja reliġjużi u uffiċċji tal-partiti politiċi wkoll kienu taħt theddida jew ġew attakkati;

 

J.   billi l-Messiku jipparteċipa fil-forums reġjonali u internazzjonali kollha, u ffirma l-ftehimiet internazzjonali kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

K. billi l-Gvern Messikan jirrikonoxxi l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom il-Messiku u wera l-impenn sod tiegħu li jtejjeb il-qagħda tas-sigurtà fil-pajjiż, inklużi żieda notevoli fil-baġit tal-forzi tas-sigurtà u r-riforma tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà pubblika, bl-għan li tissaħħaħ l-effikaċja tal-infurzar tal-liġi u tas-sistema ġuridika, biex b'hekk il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata tkun possibbli; billi l-għajbien sfurzat, il-vjolenza b'rabta mal-kriminalità organizzata u l-allegata kollaborazzjoni bejn entitajiet lokali partikolari u gruppi kriminali organizzati jibqgħu kwistjonijiet ta' tħassib kbir;

1.  Jikkundanna bil-qawwi l-għajbien sfurzat u d-delitti inaċċettabbli f'Iguala, u jappella lill-awtoritajiet tal-Messiku jinvestigaw id-delitti kollha, inkluża s-sejba ta' 28 ġisem f'oqbra klandestini; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jaġixxu immedjatament u b'mod trasparenti u imparzjali ħalli jidentifikaw, jarrestaw u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk li wettqu d-delitti, u jitlob li dawk responsabbli jiġu identifikati u jittieħdu passi kontrihom, bl-użu tal-informazzjoni u r-riżorsi kollha disponibbli internament u esternament u bl-ebda marġni ta' impunità; jappella sabiex l-investigazzjonijiet jibqgħu għaddejjin sa ma l-istudenti jkunu fis-sikur;

2.  Jesprimi s-simpatija u s-solidarjetà tiegħu lill-familji u l-ħbieb tal-vittmi, kif ukoll lill-poplu Messikan, u jħeġġiġhom jibqgħu jiġġieldu għad-difiża tad-demokrazija u l-istat tad-dritt b'mod paċifiku;

3.  Jieħu nota tad-detenzjonijiet li seħħew; jappella sabiex titkompla t-tfittxija għas-Sindku ta' Iguala, martu u l-kap tal-pulizija ta' Iguala; jinsab imħasseb ħafna dwar l-infiltrazzjoni evidenti tal-kriminalità organizzata fl-entitajiet lokali tal-infurzar tal-liġi u dawk amministrattivi;

4.  Jilqa' d-determinazzjoni tal-President Peña Nieto li jinvestiga u jiċċara dawn l-avvenimenti, kif ukoll li jġib fi tmiem il-vjolenza relatata ma' gruppi kriminali fil-Messiku; jilqa' l-ħolqien ta' kumitati ta' monitoraġġ relatati mal-każ ta' Iguala fis-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti; jistieden lill-awtoritajiet tal-Messiku jħarsu u jassistu lill-familji tal-vittmi, u jżommuhom infurmati dwar l-investigazzjonijiet li għaddejjin u l-isforzi li qed isiru biex dawk li wettqu d-delitti jiġu arrestati;

5.  Jappoġġa lill-Gvern tal-Messiku fid-determinazzjoni tiegħu li jiġġieled kontra t-traffikar organizzat tad-droga, filwaqt li juri t-tħassib kbir tiegħu dwar iż-żieda fil-vjolenza li tirriżulta mit-traffikar tad-droga u l-klima ta' impunità; jinsab spalla ma' spalla mal-poplu Messikan fil-ġlieda kontra t-traffikar organizzat tad-droga;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Messiku biex, fil-livelli kollha, jieħu azzjonijiet li se jimpedixxu milli jerġgħu jirrepetu ruħhom avvenimenti bħal dawk li ġraw f'Iguala; jikkundanna kull tip ta' vjolenza, partikolarment il-vjolenza u t-theddid persistenti ta' qtil kontra attivisti ddedikati li jippromwovu u jiddefendu l-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku, u jitlob lill-awtoritajiet tal-Messiku jsaħħu l-isforzi sabiex jipprovdu protezzjoni ġuridika u personali lill-gruppi kkonċernati;

7.  Jappoġġa l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Messiku li jikkollaboraw ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-UE, in-NU, il-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC), il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR), bl-għajnuna tal-esperti forensiċi tal-Arġentina u dawk internazzjonali; jenfasizza l-importanza li l-Gvern tal-Messiku jipprovdi r-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex l-IACHR tkun tista' timplimenta programm ta' assistenza teknika li jista' jikkomplementa l-azzjonijiet nazzjonali b'rabta mal-investigazzjoni tal-avvenimenti fi Guerrero;

8.  Jenfasizza l-fatt li l-Messiku huwa sieħeb strateġiku għall-UE; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Messiku jkompli bl-isforzi tiegħu sabiex isaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-istat u jikkonsolida l-istat tad-dritt, bl-għan li jiġu solvuti xi problemi strutturali li huma l-bażi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b'referenza speċifika għar-riforma tas-sistema ġudizzjarja; jenfasizza għalhekk l-importanza ta' awtorità ġudizzjarja indipendenti li sservi ta' garanzija għall-imparzjalità, kif ukoll ta' ġlieda determinata kontra l-impunità; jitlob li jingħata ħarsien federali lil dawk involuti fl-għoti tal-ġustizzja;

9.  Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali tagħhom mal-Messiku, kif ukoll lill-istituzzjonijiet Ewropej biex iżidu l-appoġġ li jipprovdu lid-drittijiet tal-bniedem permezz ta' programmi u riżorsi finanzjarji u tekniċi; jistiedinhom ukoll iżidu r-riżorsi baġitarji allokati għall-kooperazzjoni fil-qafas tat-tisħiħ u r-riforma tal-ġudikatura, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u s-servizzi ta' prosekuzzjoni, bil-ħsieb li jittieħdu passi kontra dawk li wettqu d-delitti u jiġu kkastigati kif ukoll għall-ħolqien ta' sistemi effikaċi għall-protezzjoni tax-xhieda, il-vittmi u l-familji tagħhom;

10. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi stabbilit reġistru nazzjonali magħqud, pubbliku u aċċessibbli għall-persuni nieqsa u li għebu, kif ukoll bażi ta' data tad-DNA fil-livell federali;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-presidenza pro tempore tas-CELAC, lis-Segretarju Ġenerali tal-OAS, lill-Assemblea Ewro-Latino-Amerikana u lill-President u lill-Kungress tal-Messiku.

 

 

(1)

ĠU C 349E, 22.12.2010, p. 92.

(2)

ĠU C 87E, 1.4.2010, p. 172.

Avviż legali - Politika tal-privatezza