MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Uzbekistan
22.10.2014 - (2014/2904(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B8‑0166/2014)
Verts/ALE (B8‑0173/2014)
S&D (B8‑0176/2014)
ECR (B8‑0178/2014)
ALDE (B8‑0179/2014)
Cristian Dan Preda, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Giovanni La Via, Tunne Kelam, Monica Luisa Macovei, Dubravka Šuica, Seán Kelly, Jarosław Leszek Wałęsa, Jiří Pospíšil, Michaela Šojdrová, Petri Sarvamaa, Eduard Kukan, Lara Comi, Jeroen Lenaers, Andrej Plenković, David McAllister, Lorenzo Cesa, Tomáš Zdechovský, Stanislav Polčák, Philippe Juvin, Franck Proust, Pavel Svoboda, Massimiliano Salini, Jaromír Štětina, Arnaud Danjean, László Tőkés, Elisabetta Gardini, Ivana Maletić f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Nicola Caputo, Tonino Picula, Goffredo Maria Bettini, Liisa Jaakonsaari, Vilija Blinkevičiūtė, Marc Tarabella, Miroslav Poche, Afzal Khan, Brando Benifei, Elena Valenciano Martínez-Orozco f'isem il-Grupp S&D
Ryszard Czarnecki, Mark Demesmaeker, Charles Tannock, Janusz Wojciechowski, Kazimierz Michał Ujazdowski, Zbigniew Kuźmiuk, Beata Gosiewska, Valdemar Tomaševski, Jadwiga Wiśniewska, Karol Karski, Marek Jurek, Marek Józef Gróbarczyk, Stanisław Ożóg, Dawid Bohdan Jackiewicz, Ruža Tomašić, Andrzej Duda f'isem il-Grupp ECR
Javier Nart, Johannes Cornelis van Baalen, Dita Charanzová, Louis Michel, Juan Carlos Girauta Vidal, Ramon Tremosa i Balcells, Marietje Schaake, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Pavel Telička, Jozo Radoš, Ivan Jakovčić, Izaskun Bilbao Barandica, Petr Ježek, Antanas Guoga, Robert Rochefort f'isem il-Grupp ALDE
Heidi Hautala, Tamás Meszerics, Barbara Lochbihler, Alyn Smith, Ernest Urtasun, Indrek Tarand, Jordi Sebastià, Benedek Jávor, Ulrike Lunacek f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Uzbekistan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Uzbekistan,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali[1],
– wara li kkunsidra l-strateġija tal-UE għal Sħubija ġdida mal-Ażja Ċentrali, adottata mill-Kunsill Ewropew fil-21-22 ta’ Ġunju 2007 u r-rapporti konġunti ta' progress magħmulin mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2008 u tal-14 ta' Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin ta' Ottubru 2009 u 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 bit-titolu Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE[2],
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE dwar il-Libertà ta' Espressjoni Online u Offline, adottat mill-Kunsill Affarijiet Barranin fit-12 ta' Mejju 2014,
– wara li kkunsidra t-tħabbira li saret waqt il-laqgħa ministerjali bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali fl-20 ta' Novembru 2013, tal-għoti ta' finanzjament ta' EUR 1 biljun għall-pajjiżi tal-Asja Ċentrali għall-perjodu 2014-2020 fil-kuntest tal-istrument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (DCI) tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, minkejja li l-Uzbekistan impenjat ruħha fi kwistjonijiet marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda, il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà tar-reliġjon, li huma ggarantiti fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-projbizzjoni tat-tortura minquxa fil-Konvenzjoni kontra t-Tortura, ir-riżultati pożittivi li renda dan l-impenn huma ftit;
B. billi l-awtoritajiet Uzbeki qed iżommu fil-ħabs eluf ta' persuni b'akkużi politikament motivati biex jinfurzaw it-tmexxija repressiva tagħhom, fil-konfront ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, persuni bi twemmin reliġjuż, artisti u persuni oħra pperċepiti bħala kritiċi, u billi l-Uzbekistan tinsab fil-166 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2014 imfassal mir-'Reporters Without Borders' filwaqt li Freedom House tikklassifika lill-pajjiż, l-istampa u l-internet tiegħu bħala "mhux liberi". billi l-libertajiet diġitali huma mrażżna u miksura b'mod sistematiku fl-Uzbekistan;
C. billi, fost dawk li ntbagħtu l-ħabs għall-ebda raġuni oħra ħlief għall-fatt li eżerċitaw b'mod paċifiku d-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, hemm ħmistax-il attivist magħrufa tad-drittijiet tal-bniedem[3],ħames ġurnalisti[4], erba' attivisti politiċi paċifiċi tal-oppożizzjoni[5], tliet persunaġġi reliġjużi indipendenti[6]; billi 7 oħra huma kritiċi pperċepiti tal-gvern jew xhieda tal-massakru li seħħ fit-13 ta' Mejju 2005 f'Andijan, meta l-forzi tal-gvern Uzbeki fetħu n-nar u qatlu mijiet ta' dimostranti li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu paċifiċi[7]; billi ħafna minn dawk li jinsabu l-ħabs jinsabu f'qagħda ta' saħħa kritika, ġew ittorturati waqt li s-sentenzi tagħhom ġew estiżi b'mod arbitrjarju fil-ħabs;
D. billi meta l-gvern Uzbeki sab ma' wiċċu pressjoni esterna kontinwa, inklużi sanzjonijiet, restrizzjonijiet fuq l-assistenza militari u kritika qawwija, pubblika u speċifika oħra min-naħa tas-sħab internazzjonali tiegħu, irreaġġixxa billi, lejliet summits bilaterali importanti jew żjarat ta' livell għoli, ħa passi inkrementali biex itejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom billi jeħles lil xi individwi miżmuma l-ħabs b'akkużi politikament motivati;
E. billi l-gvern Uzbeki qed ikompli jirrifjuta investigazzjoni indipendenti tal-massakru ta' mijiet ta' persuni li seħħ fl-2005 f'Andijan; billi aktar minn mitejn individwu qed ikomplu jiskontaw pieni marbuta mal-ġrajjiet ta' Andijan wara proċessi bil-magħluq mgħarrqa bi ksur serju tal-prinċipju ta' proċess ġust u indikazzjonijiet li t-tortura setgħet ġiet użata biex jinsiltu l-konfessjonijiet; billi uħud mid-delitti marbuta mal-massakru ta' Andijan u d-delitti ta' tortura huma soġġetti għal-ġurisdizzjoni universali;
F. billi fl-2009 u l-2010 l-Kunsill neħħa s-sanzjonijiet tal-UE "bil-ħsieb li l-awtoritajiet Uzbeki jiġu mħeġġa jieħdu passi sostantivi ulterjuri biex itejbu s-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-post", u ddikjara wkoll li "il-Kunsill ser josserva mill-qrib u kontinwament is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uzbekistan" u li "s-sustanza u l-kwalità tad-djalogu u l-kooperazzjoni ser jiddependu mir-riformi [...] li l-Uzbekistan iwettaq";
G. billi skont l-aktar rapporti reċenti, ix-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal fil-ħsad tal-qoton għadhom mifruxa minkejja l-impenn tal-awtoritajiet Uzbeki li jrażżnu din il-prattika, u billi skont ir-rapport tal-ILO tad-19 ta' Novembru 2013, miljun ċittadin Uzbeki, kemm tfal kif ukoll adulti, ġew sfurzati mill-gvern biex jaħsdu l-qoton f'kundizzjonijiet abbużivi u bit-theddida ta' sanzjonijiet;
H. billi n-negozjati dwar l-adeżjoni tal-Uzbekistan mal-WTO għadhom għaddejjin, u billi s-Sħubija UE-Uzbekistan u l-Ftehim ta' Kooperazzjoni jinkludu klawżola ċara dwar ir-rispett għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem li l-partijiet huma impenjati li jirrispettaw;
1. Jisħaq fuq l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Uzbekistan, u fuq l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni politika u ekonomika, iżda jisħaq ukoll li dawk ir-relazzjonijiet jeħtieġ ikunu msejsa fuq ir-rispett reċiproku għall-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, bħalma hu stipulat b'mod ċar fil-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Uzbekistan;
2. Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni kollha miżmuma l-ħabs fuq akkużi politikament motivati, detenuti minħabba l-espressjoni paċifika tal-fehmiet politiċi, l-attiviżmu tas-soċjetà ċivili, l-attività ġurnalistika jew il-fehmiet reliġjużi tagħhom;
3. Jisħaq li kwalunkwe persuna li allegatament kienet involuta f'atti ta' vjolenza għandha tingħata proċess ġdid u ġust skont l-istandards internazzjonali u, jekk jinstabu ħatja, ikunu suġġetti għal sanzjonijiet penali u/jew amministrattivi f'konformità mal-istandards internazzjonali;
4. Jistieden lill-awtoritajiet Uzbeki ma jippermettux it-tortura, u jwaqqfu immedjatament u mingħajr ebda kundizzjoni kull xorta ta' tortura u abbuż fil-ħabs u t-trattament ħażin matul l-arrest preventiv u fil-faċilitajiet penali, billi fost affarijiet oħra jiżguraw aċċess bla xkiel għall-avukati f'kull stadju tal-investigazzjonijiet, jiżguraw aċċess fil-pront għal kura medika xierqa u jistabbilixxu mill-ġdid il-monitoraġġ indipendenti tal-ħabsijiet, u jipprovdu lill-familji tal-priġunieri kollha b'informazzjoni sħiħa dwar fejn jinsabu qrabathom u l-kundizzjoni attwali ta' saħħithom;
5. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Uzbeki biex jinvestigaw u jżommu responsabbli lill-uffiċjali, il-membri tal-persunal tas-servizz ta' sigurtà u l-membri tal-persunal tas-sistema penali kollha li allegatament ittorturaw jew ittrattaw ħażin lill-priġunieri u d-detenuti jew ċaħdu t-talbiet għall-kura medika;
6. Jistieden lill-Uzbekistan tikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet internazzjonali kontra t-tortura, tordna l-għeluq immedjat tal-ħabs 64/71 li jinsab f'Jaslyk, u tapprova t-talbiet pendenti minn 11-il proċedura speċjali tan-NU għal żjarat fl-Uzbekistan, fosthom ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura, u tippermetti li jsir monitoraġġ indipendenti mingħajr xkiel tal-ħabsijiet mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u entitajiet ta' monitoraġġ indipendenti oħra;
7. Iħeġġeġ lill-gvern Uzbeki jtemm il-prattika li jeżenta arbitrarjament mid-dikjarazzjonijiet ta' amnestija annwali lill-priġunieri miżmuma l-ħabs fuq akkużi politikament motivati u l-prattika li jtawwal arbitrarjament is-sentenzi ta' ħabs għal reati minuri jew "ksur tar-regoli tal-ħabs" skont l-Artikolu 221 tal-kodiċi kriminali dwar "id-diżubbidjenza tal-kundizzjonijiet ta' priġunerija";
8. Jistieden lill-awtoritajiet Uzbeki jiggarantixxu d-drittijiet tan-nisa, b'mod partikolari skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat kontra t-Tortura tan-NU;
9. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-UE, is-SEAE u l-Istati Membri biex b'mod immedjat jagħtu bidu għal strateġija bil-għan li titpoġġa pressjoni fuq l-Uzbekistan għal titjib konkret u li jista' jitkejjel fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem matul ix-xhur li ġejjin, u jistabbilixxu s-sena d-dieħla - l-għaxar anniversarju tal-massakru ta' Andijan - bħala skadenza għall-progress; jitlob lis-SEAE jinforma lill-Parlament dwar ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet Uzbeki li għandhom jinżammu responsabbli għad-delitti f'Andijan, inklużi it-12 li l-UE imponiet sanzjonijiet kontrihom b'rispons għall-massakru, sanzjonijiet li sussegwentement tneħħew;
10. Jissottolinja l-fatt li t-titjib konkret għandu jinkludi l-kundizzjonijiet stipulati mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE fl-2010, li huma: 1) il-ħelsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem miżmuma l-ħabs u l-priġunieri ta' kuxjenza kollha; 2) l-operat mingħajr tfixkil ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-pajjiż; 3) il-kooperazzjoni sħiħa mar-Rapporteurs Speċjali relevanti kollha tan-NU; 4) il-garanzija tal-libertà tal-kelma u tal-mezzi tax-xandir; 5) l-implimentazzjoni prattika tal-konvenzjonijiet kontra t-tħaddim tat-tfal; u 6) il-konformità sħiħa tal-proċessi elettorali tal-pajjiż mal-istandards internazzjonali;
11. Huwa tal-fehma li, jekk ma jkun hemm l-ebda progress sinifikanti f'dawn l-oqsma, l-UE għandha tieħu r-riedni f'idejha u tressaq riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU taħt punt 4, u tistabbilixxi mekkaniżmu ddedikat speċifiku għal pajjiż għall-Uzbekistan, u b'hekk tiżgura impenn kontinwu u proattiv mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem permezz tal-monitoraġġ, ir-rapportar pubbliku u d-dibattitu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uzbekistan;
12. Jistieden lill-UE, barra minn hekk, biex - ladarba mhemmx il-ħtieġa li tingħata l-informazzjoni relevanti lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni dwar is-sitwazzjoni, minħabba li hu każ ta' urġenza speċjali u f'konformità mal-Artikoli 2 u 95 tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni - tgħarraf lill-Uzbekistan li sakemm ma jsirx progress fuq il-kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem msemmija hawn fuq f'dawn is-sitt xhur li ġejjin, l-UE se timponi miżuri punittivi mmirati;
13. Jitlob lill-Istati Membri jirrispettaw il-kodiċi ta' kondotta dwar l-esportazzjoni tal-armi u jirrispettaw ir-regolamenti dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju;
14. Jistieden lill-awtoritajiet Uzbeki jimplimentaw bis-sħiħ ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Uzbekistan, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-kummerċ bilaterali fit-tessuti, b'konsiderazzjoni tal-iskadenza tal-Ftehim bilaterali dwar it-tessuti[8];
15. Jitlob li l-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipprovdu lill-Parlament b'valutazzjoni pubblika tal-miżuri li ttieħdu mill-UE biex jagħmlu pressjoni fuq l-Uzbekistan biex jissodisfaw il-kriterji marbuta mad-drittijiet tal-bniedem stabbiliti mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE fl-2010, jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jistabbilixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ għall-Uzbekistan, iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jtejbu d-djalogu tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-gvern tal-Uzbekistan u jistenna li waqt il-laqgħa tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Uzbekistan li għandha ssir f'Novembru, is-SEAE jindirizza b'qawwa il-każijiet ewlenin kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jagħmel mezz li dawn il-laqgħat ikunu aktar orjentati lejn ir-riżultati, sabiex jegħleb l-istaġnar attwali, li hu diżappuntanti ħafna;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President, l-Gvernijiet u l-Parlamenti tar-Repubblika tal-Uzbekistan, lis-SEAE, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE u lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.
- [1] ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 91.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2012)0470.
- [3] Azam Farmonov, Mehriniso Hamdamova, Zulhumor Hamdamova, Isroiljon Kholdorov, Nosim Isakov, Gaybullo Jalilov, Nuriddin Jumaniyazov, Matluba Kamilova, Ganikhon Mamatkhanov, Chuyan Mamatkulov, Zafarjon Rahimov, Yuldash Rasulov, Bobomurod Razzokov, Fahriddin Tillaev u Akzam Turgunov
- [4] Solijon Abdurakhmanov, Muhammad Bekjanov, Gayrat Mikhliboev, Yusuf Ruzimuradov, u Dilmurod Saidov
- [5] Murod Juraev, Samandar Kukanov, Kudratbek Rasulov u Rustam Usmanov
- [6] Ruhiddin Fahriddinov, Hayrullo Hamidov u Akram Yuldashev
- [7] Dilorom Abdukodirova, Botirbek Eshkuziev, Bahrom Ibragimov, Davron Kabilov, Erkin Musaev, Davron Tojiev u Ravshanbek Vafoev
- [8] ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 195.