Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0278/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0278/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020

25.11.2014 - (2014/2946(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D (B8‑0278/2014)
EFDD B8-0279/2014
Verts/ALE (B8‑0280/2014)
ALDE (B8‑0281/2014)
GUE/NGL (B8‑0282/2014)
ECR (B8‑0283/2014)
PPE (B8‑0284/2014)

Lambert van Nistelrooij, Tamás Deutsch, Stanislav Polčák, Iuliu Winkler, Adina-Ioana Vălean, Maurice Ponga, Joachim Zeller, Marian-Jean Marinescu, Jan Olbrycht, Andor Deli, Theodor Dumitru Stolojan, Siegfried Mureşan, Pascal Arimont, Raffaele Fitto, Krzysztof Hetman, Milan Zver, Daniel Buda f'isem il-Grupp PPE
Constanze Krehl, Zigmantas Balčytis, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Anneliese Dodds, Michela Giuffrida, Pina Picierno, Kerstin Westphal, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Iliana Iotova, Viorica Dăncilă, Isabelle Thomas, Derek Vaughan, Julie Ward f'isem il-Grupp S&D
Andrew Lewer, Ruža Tomašić, Tomasz Piotr Poręba f'isem il-Grupp ECR
Ivan Jakovčić, Iskra Mihaylova, Matthijs van Miltenburg, Petras Auštrevičius, Olli Rehn, Gérard Deprez, Norica Nicolai, Marielle de Sarnez, Louis Michel, Urmas Paet f'isem il-Grupp ALDE
Younous Omarjee, Martina Michels, Dimitrios Papadimoulis, Kostas Chrysogonos f'isem il-Grupp GUE/NGL
Monika Vana, Terry Reintke, Davor Škrlec, Bronis Ropė, Benedek Jávor, Ernest Maragall f'isem il-Grupp Verts/ALE
Rosa D'Amato f'isem il-Grupp EFDD

Proċedura : 2014/2946(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0278/2014
Testi mressqa :
RC-B8-0278/2014
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020

(2014/2946(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162 u 174 sa 178 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006[1],

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta'  Diċembru 2013 li jistabbilixxi qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[3],

–  wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 3 għall-Baġit Ġenerali tal-2014 (COM(2014)0329),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta’ Proċeduri tiegħu,

A.  billi l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta l-politika ewlenija ta' investiment fl-ekonomija reali fl-UE kollha kemm hi u hija mutur eċċellenti għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa, b'baġit ta' aktar minn EUR 350 biljun sal-2020; billi tikkostitwixxi parti maġġuri mill-istrateġija tal-UE għar-rimedju tal-iżbilanċi u l-inugwaljanzi reġjonali, għad-diversifikazzjoni u l-adattament għat-tibdil industrijali u għat-twettiq ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; u billi f'xi Stati Membri hija s-sors prinċipali tal-investiment pubbliku;

B.  billi, permezz ta' konċentrazzjoni tematika, dawn ir-riżorsi jiġu mmirati lejn għadd limitat ta' objettivi strateġiċi li għandhom potenzjal li jtejbu t-tkabbir ekonomiku, bħalma huma l-innovazzjoni u r-riċerka, l-aġenda diġitali, is-sostenn tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, it-taħriġ, l-edukazzjoni u l-infrastruttura;

C.  billi l-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operazzjonali huma għodod strateġiċi li jiggwidaw l-investimenti fl-Istati Membri u fir-reġjuni, bi qbil mal-għan kumplessiv tal-Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv;

D.  billi l-Artikoli 14, 16 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jistabbilixxu l-iskeda ta' żmien għat-tressiq u l-adozzjoni ta' Ftehimiet ta' Sħubija u Programmi Operazzjonali, skont liema skeda l-Ftehimiet ta' Sħubija kellhom jiġu adottati sa tmiem Awwissu 2014 u l-Programmi Operazzjonali jridu jiġu adottati sa mhux aktar tard minn tmiem Jannar 2015;

E.  billi hemm dewmien ċar fil-proċess ta' programmazzjoni, b'biss għadd limitat ta' programmi operazzjonali (ftit aktar minn 100) li huma mistennija jiġu approvati sa tmiem l-2014;

F.  billi, fuq it-talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ppreparat dokument informali dwar it-trattament tal-impenji tal-2014 fil-programmi kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni li ma jkunux adottati mill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2014;

G.  billi hemm previsti żewġ xenarji għall-adozzjoni tal-Programmi Operazzjonali, li t-tnejn li huma jimplikaw dewmien ulterjuri rigward il-ftuħ tal-implimentazzjoni; (i) għal dawk li jitqiesu 'lesti għall-adozzjoni' sal-31 ta' Diċembru 2014, il-proċedura ta' riport, u (ii) għall-programmi li jitqiesu 'mhux lesti għall-adozzjoni' sa tmiem l-2014, l-ibbaġitjar mill-ġdid tal-allokazzjoni tal-2014, mhux utilizzata, għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, b'mod li jimplika reviżjoni teknika tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP);

H.  billi, skont l-iskeda ta' żmien ippreżentata mill-Kummissjoni, fil-proċedura ta' riport, Programmi Operazzjonali jistgħu jiġu adottati bejn il-15 ta' Frar u l-31 ta' Marzu 2015, u fil-proċedura tal-ibbaġitjar mill-ġdid, wara l-1 ta' Mejju 2015;

I.  billi, minbarra d-dewmien tal-implimentazzjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni, il-politika ta' koeżjoni qed tħabbat wiċċha wkoll ma' pagamenti pendenti li jammontaw għal madwar EUR 23 biljun għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, b'mod li jkompli jimmina l-kredibbiltà, l-effikaċja u s-sostenibbiltà tagħha;

J.  billi l-President tal-Kummissjoni indika li biħsiebu jvara pakkett ta' investimenti ta' EUR 315-il biljun;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020, filwaqt li jagħraf li huwa importanti li Programmi Operazzjonali ta' kwalità għolja jiġu adottati fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni ħalli tiġi evitata r-riprogrammazzjoni fi stadju ulterjuri;

2.  Jenfasizza li d-dewmien tal-lum qed jipperikola l-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li b'mod effikaċi jippjanaw u jimplimentaw il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għall-perjodu 2014-2020;

3.  Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni, flimkien mal-kofinanzjament żgurat mill-Istati Membri, tipprovdi proporzjon maġġuri tal-infiq pubbliku relatat mat-tkabbir ekonomiku fl-UE; jenfasizza li huwa imperattiv, għaldaqstant, li l-implimentazzjoni tal-programmi l-ġodda tinfetaħ mill-aktar fis possibbli, biex jimmassimizzaw ir-riżultati tal-investiment, jagħtu spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u jqawwu t-tkabbir tal-produttività;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummisjsoni u lill-Istati Membri biex jagħtu xhieda ta' responabbiltà u jagħmlu ħilithom kollha ħalli diġà fl-2014 iħaffu l-adozzjoni ta' għadd massimu ta' Programmi Operazzjonali, kif ukoll biex jiżguraw li kemm jista' jkun programmi jkunu 'lesti għall-adozzjoni' sal-31 ta' Diċembru 2014 b'tali mod li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-proċedura ta' riport, bi qbil mal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 4 tar-Regoli ta' Applikazzjoni tiegħu;

5.  Jesiġi li l-Kummissjoni – filwaqt li tikkonċentra sewwa fuq il-kwalità u fuq il-ħtieġa li tissokta l-ġlieda kontra l-frodi – tanalizza kull possibbiltà biex tissemplifika l-proċeduri interni tagħha ħalli tiżgura li l-Programmi Operazzjonali li jkunu reġgħu tressqu wara l-iskadenza tas-17 ta' Novembru 2014 jiġu kkunsidrati wkoll bil-ħsieb li l-konsultazzjoni bejn is-servizzi tiġi konkluża sa tmiem is-sena, u jiġu ttrattati bħala lesti għall-adozzjoni jekk ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kwalità;

6.  Huwa konxju li t-tieni wieħed mix-xenarji msemmija hawn fuq, applikabbli għall-Programmi Operazzjonali li ma jkunux lesti għall-adozzjoni sa tmiem l-2014, jiġifieri l-ibbaġitjar mill-ġdid fl-2015 tal-ammonti mhux impenjati fl-2014, bi qbil mal-Artikolu 19 tal-QFP, jimplika reviżjoni tal-QFP sal-1 ta' Mejju 2015, li, anki jekk tkun ta' natura teknika, tkun trid tikkonforma mal-proċedura tal-baġit pluriennali; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex mill-aktar fis possibbli tibda diskussjonijiet mal-Parlament u mal-Kunsill bil-għan li tfassal pjan direzzjonali kredibbli li tiżgura li r-reviżjoni tal-QFP tiġi adottata kemm jista' jkun kmieni fl-2015;

7.  Jenfasizza, barra minn hekk, li biex il-Programmi operazzjonali jiġu adottati, jeħtieġ li jiġi approvat abbozz ta' baġit emendatorju korrispondenti li jkopri l-approprjazzjonijiet ta' impenn rispettivi għall-2015, u li dan jimplika li, fl-aktar xenarju favorevoli, il-ftuħ effettiv tal-implimentazzjoni ta' dawk il-programmi jiddewwem sa nofs is-sena 2015;

8.  Jitlob li l-Kummissjoni, fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, tressaq lill-Parlament il-miżuri li biħsiebha tieħu biex, mill-aktar fis, tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali, flimkien mal-iskeda ta' żmien li tipprevedi;

9.  Huwa allarmat dwar l-istatus tal-pagamenti pendenti fil-politika ta' koeżjoni għall-Programmi Operazzjonali tal-perjodu 2007-2013; jisħaq fuq l-importanza u l-urġenza li, sa tmiem l-2014, jintlaħaq qbil dwar dan is-suġġett, abbażi tal-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni;

10.  Jitlob li l-Kummissjoni tispjega l-impatt ta' dan id-dewmien fil-pagamenti fuq il-ftuħ tal-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali l-ġodda, kif ukoll tipproponi soluzzjonijiet li, kemm jista' jkun, jillimitaw il-ħsara; jesiġi, barra minn hekk, li l-Kummissjoni, fil-kuntest tar-rapport dwar l-eżitu tan-negozjati previst fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, tanalizza l-impatt possibbli tad-dewmien tal-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, kif ukoll tagħmel rakkomandazzjonijiet abbażi tat-tagħlimiet meħuda;

11.  Jitlob li l-pakkett ta' investiment ta' EUR 315 biljun li l-Kummisjsoni mistennija tħabbar ikun għalkollox komplementari mal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-istituzzjonijiet rilevanti l-oħrajn.