MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Pakistan liġijiet dwar atti blasfemi
26.11.2014 - (2014/2969(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B8‑0289/2014)
EFDD (B8‑0290/2014)
S&D (B8‑0291/2014)
ALDE (B8‑0293/2014)
PPE (B8‑0302/2014)
Cristian Dan Preda, Jeroen Lenaers, Elmar Brok, Michèle Alliot-Marie, Rachida Dati, Pavel Svoboda, Philippe Juvin, Giovanni La Via, Tunne Kelam, Joachim Zeller, Lars Adaktusson, Jarosław Wałęsa, Mariya Gabriel, David McAllister, Lorenzo Cesa, Franck Proust, Petri Sarvamaa, Andrej Plenković, Bogdan Brunon Wenta, Monica Macovei, Dubravka Šuica, Jaromír Štětina, Eduard Kukan, Seán Kelly, Jiří Pospíšil, Barbara Matera, Marijana Petir, Davor Ivo Stier, Tomáš Zdechovský, Csaba Sógor, Stanislav Polčák, László Tőkés, Lara Comi, Massimiliano Salini, Ivana Maletić f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Goffredo Maria Bettini, Enrico Gasbarra, Luigi Morgano, Liisa Jaakonsaari, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Krystyna Łybacka, Nicola Caputo, Richard Howitt, Miroslav Poche, Andi Cristea, Tonino Picula, Afzal Khan, Miriam Dalli, Marc Tarabella, Elena Valenciano Martínez-Orozco f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Peter van Dalen, Branislav Škripek, Jana Žitňanská, Bas Belder, Arne Gericke, Geoffrey Van Orden, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR
Dita Charanzová, Juan Carlos Girauta Vidal, Fernando Maura Barandiarán, Pavel Telička, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Marietje Schaake, Louis Michel, Johannes Cornelis van Baalen, Petras Auštrevičius, Ivan Jakovčić, Gérard Deprez, Ivo Vajgl, Petr Ježek, Javier Nart, Antanas Guoga, Urmas Paet, Jozo Radoš f'isem il-Grupp ALDE
Jean Lambert, Barbara Lochbihler, Heidi Hautala f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Marco Valli, Laura Agea, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakistan: liġijiet dwar atti blasfemi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar it-Tneħħija tal-Forom Kollha ta’ Intolleranza u ta’ Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,
– wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin,
– wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-indipendenza tal-ġudikanti u tal-avukati, Gabriela Knaul, tal-4 ta' April 2013, wara l-missjoni tagħha fil-Pakistan mid-19 sad-29 ta' Mejju 2012,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali tal-2012 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, li jikkundannaw il-persekuzzjoni tal-Insara u ta' minoranzi reliġjużi oħra[1],
– wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin[2],
– wara li kkunsidra l-pjan UE-Pakistan ta' impenn fuq ħames snin ta' Marzu 2012, li jinkludi prijoritajiet bħal governanza tajba u djalogu rigward id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll it-Tieni Djalogu Strateġiku UE-Pakistan tal-25 ta' Marzu 2014 li hu jorbot ħafna ma' tal-ewwel,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2013 dwar il-Pakistan, li jtennu dak li tistenna l-UE rigward il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tagħhom u jikkundannaw kull att ta' vjolenza, inklużi dawk kontra minoranzi reliġjużi[3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Ottubru 2014 mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri ta' Lahore li tikkonferma l-kundanna tas-Sinjura Asia Bibi fil-Pakistan,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tad-29 ta' Ottubru 2014 maħruġa mid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Pakistan, fl-okkażjoni taż-żjara tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Pakistan mis-26 sad-29 ta' Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-rwol reġjonali tal-Paksitan u r-relazzjonijiet politiċi tiegħu mal-UE[4],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Asia Bibi, mara Nisranija mill-Punjab, ġiet arrestata fl-2009 u kkundannata għall-mewt fl-2010 għal atti blasfemi skont it-Taqsima 295-C tal-Kodiċi Kriminali tal-Pakistan; billi l-Qorti Superjuri ta' Lahore fis-16 ta' Ottubru 2014 ma laqgħetx l-appell ta' Asia Bibi u kkonfermat il-verdett; billi fl-24 ta' Novembru 2014 il-kwerelata rreġistrat appell fil-Qorti Suprema, proċedura li taf iddum is-snin; billi l-President tal-Pakistan, permezz ta' maħfra Presidenzjali, għadu fil-qagħda li jwaqqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri ta' Lahore u jagħti amnestija lil Asia Bibi;
B. billi fis-7 ta' Novembru 2014 żewġ Insara, Shama Bibi u Shahbaz Masih, ġew imsawta minn marmalja, bl-akkuża li kienu ħarqu paġni mill-Kuran fil-Pakistan tal-Lvant; billi l-iġsma tagħhom ġew maħruqa f'forn għall-ħami tal-briks, u skont xi rapporti, kienu għadhom ħajjin meta xeħtuhom fil-forn;
C. billi dan l-aħħar inqatgħu diversi sentenzi tal-mewt fuq ċittadini tal-Pakistan għar-raġuni li kienu kisru l-liġijiet dwar atti blasfemi, fosthom is-Sur Sawan Masih, Nisrani, talli allegatament insulta lill-Profeta Muħammad waqt konversazzjoni u koppja Nisranija Shafqat Emmanuel u Shagufta Kausar talli allegatament insultaw lill-Profeta f'SMS;
D. billi l-attivist tad-drittijiet tal-bniedem u avukat Rashid Rehman inqatel fis-7 ta' Mejju 2014; billi Rehman kien ġie mhedded ġimgħat qabel talli ddefenda għalliem universitarju li kien qed jiffaċċja prosekuzzjoni taħt il-liġi tal-Pakistan dwar atti blasfemi;
E. billi, f'Ottubru 2014, Mohammad Asghar, ċittadin Britanniku ta' oriġini mill-Pakistan, li kienet saritlu djanjosi ta' mard mentali fir-Renju Unit iżda li minkejja dan intefa' l-ħabs fuq akkużi ta' atti blasfemi, safa ferut minn gwardjan tal-ħabs b'tir ta' pistola; billi l-aggressur tiegħu ġie arrestat u nstab ħati ta' attentat ta' qtil mill-awtoritajiet provinċjali, u billi tmien gwardjani tal-ħabs oħra ġew sospiżi mill-funzjonijiet tagħhom;
F. billi fil-5 ta' Novembru 2014 Tufail Haidar, Shia ta' 45 sena, inqatel minn pulizija li kien qed jinterrogah, u li wara qal li s-Sur Haidar kien għadda rimarki derogatorji kontra "kumpanji tal-Profeta Muħammad";
G. billi ġie rrappurtat li total ta' 1 438 persuna ġew akkużati li wettqu atti blasfemi fil-Pakistan bejn l-1987 u Ottubru 2014, fosthom 633 Musulman, 494 Ahmadi, 187 Nisrani u 21 Hindu; billi, mill-1990 'l hawn, talanqas 60 inqatlu fi vjolenza tal-marmalja f'każijiet relatati ma' atti blasfemi;
H. billi bħalissa bosta tużżani ta' nies, fosthom Musulmani, Hindu, Insara u oħrajn, jinsabu l-ħabs fuq akkużi li wettqu atti blasfemi; billi sal-lum ma ġiet eżegwita l-ebda sentenza tal-mewt fuq akkużi ta' twettiq ta' atti blasfemi, iżda bosta persuni akkużati sfaw maqtula mill-vjolenza tal-marmalja; billi ċerti mexxejja reliġjużi qed jeżerċitaw pressjoni tremenda fuq is-sistema ġudizzjarja tal-Pakistan biex din tikkonferma u teżegwixxi sentenzi tal-mewt, li soltu jingħataw minn qrati inferjuri; billi l-proċedimenti ġudizzjarji spiss idumu ħafna snin għaddejja, u għandhom effett devastanti fuq ċittadini innoċenti tal-Pakistan, u fuq il-familji u l-komunitajiet tagħhom;
I. billi l-liġijiet tal-Pakistan dwar atti blasfemi jagħmluha perikoluża għall-minoranzi reliġjużi li jesprimu lilhom infushom liberament jew jinvolvu ruħhom b'mod miftuħ f'attivitajiet relġijużi; billi l-abbuż komuni ta' dawn il-liġijiet huwa dookumentat sewwa; billi, minflok ma jipproteġu l-komunitajiet reliġjużi, xeħtu star ta' biża' fuq is-soċjetà fil-Pakistan; billi kull tentattiv ta' riforma ta' dawn il-liġijiet jew tal-applikazzjoni tagħhom safa fgat minn theddidiet u assassinji; billi tentattivi ta' diskussjoni dwar dawn il-kwistjonijiet fil-media, online jew offline, spiss jintlaqgħu b'theddid u fastidju, inkluż min-naħa tal-gvern;
J. billi l-Pakistan jiżvolġi rwol importanti fit-trawwim tal-istabilità fin-Nofsinhar tal-Asja u hu mistenni li l-pajjiż jagħti l-eżempju billi jsaħħaħ l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;
K. billi l-Pakistan dan l-aħħar irratifika sebgħa mid-disa' drittijiet tal-bniedem internazzjonali prinċipali, jiġifieri l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, li fihom bosta dispożizzjonijiet relatati mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, mad-dritt għal proċess ekwu, mal-ugwaljanza quddiem il-liġi u man-nondiskriminazzjoni;
L. billi l-Pakistan intalab, permezz ta' mekkaniżmi tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem, jirrevoka l-liġijiet dwar atti blasfemi, jew tal-anqas, jimplimenta minnufih salvagwardji għall-prevenzjoni ta' abbużi tal-liġi għall-fini ta' vittimizzazzjoni ta' ċittadini, li spiss ikunu minn komunitajiet reliġjużi minoritarji;
M. billi l-UE u l-Pakistan approfondew u wessgħu r-rabtiet bilaterali tagħhom, kif jixhdu l-pjan ta’ impenn fuq ħames snin, varat fi Frar 2012, u t-tieni Djalogu Strateġiku UE-Pakistan, li sar f’Ġunju 2014; billi l-għan tal-pjan ta’ impenn fuq ħames snin bejn l-UE u l-Pakistan huwa li tinbena relazzjoni strateġika u li tissawwar sħubija għall-paċi u l-iżvilupp imsejsa fuq valuri u prinċipji kondiviżi;
N. billi l-Pakistan daħal fl-iskema GSP+ għall-ewwel darba f'Jannar 2014; billi din l-iskema 'għandha tagħti inċentiv qawwi għar-rispett tad-drittijiet ċentrali tal-bniedem u tax-xogħol, tal-ambjent u tal-prinċipji tal-governanza tajba';
1. Jinsab profondament imħasseb u ddispjaċut bid-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri ta' Lahore, tas-16 ta’ Ottubru 2012, li tikkonferma s-sentenza ta’ mewt għal Asia Bibi minħabba atti ta’ blasfemija; jistieden lill-Qorti Superjuri sabiex malajr u bla dewmien tiftaħ il-proċedimenti tagħha fuq il-każ u ssostni l-istat ta’ dritt u r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem fis-sentenza tagħha;
2. Jistieden anki lill-qrati Pakistani biex jipproċedu malajr bir-rieżami tas-sentenzi ta' mewt fil-konfront ta' Sawan Masih, Mohammad Asgar u Shafqat Emmanuel u l-mara tiegħu Shagufta Kausar, u essenzjalment għal dawk iċ-ċittadini kollha l-oħra li fil-preżent huma kkundannati għall-mewt talli allegatament marru kontra l-liġijiet dwar atti blasfemi;
3. Jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta’ Shama Bibi u Shahbaz Masih u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tagħhom, kif ukoll lill-familji tal-vittmi innoċenti kollha maqtula minħabba l-liġijiet dwar atti ta’ blasfemija fil-Pakistan; jitlob li min iwettaq dawn l-atti jitressaq quddiem il-liġi; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-gvern ta’ Punjab li tistabbilixxi kumitat biex l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Shama Bibi u Shahbaz Masih tkun aċċelarata u tordna protezzjoni addizzjonali permezz tal-pulizija għall-inħawi fil-provinċja fejn jgħixu l-Insara; jenfasizza, madankollu, il-bżonn li fil-Pakistan tintemm il-klima ta’ impunità u li jkun hemm riformi aktar wiesgħa li jittrattaw il-kwistjoni ta' vjolenza kontra minoranzi reliġjużi, li għadha mifruxa;
4. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu li fil-Pakistan il-liġijiet kontroversjali dwar atti ta’ blasfemija jistgħu jintużaw ħażin u anki jistgħu jolqtu nies ta' kull tip ta' fidi; jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu li fil-Pakistan il-liġijiet dwar atti ta’ blasfemija, li kienu opposti pubblikament mill-ex Ministru Shahbaz Bhatti, l-ex Gvernatur Salman Taseer u Rashid Rehman, li sfaw maqtula għall-pożizzjoni tagħhom favur it-tolleranza reliġjuża, huma dejjem iżjed użati sabiex jitqiegħdu fil-mira gruppi ta' minoranza vulnerabbli, inklużi Ahmedis u Insara;
5. Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex iwettaq rieżami dettaljat tal-liġijiet dwar atti ta’ blasfemija u l-applikazzjoni attwali tagħhom, b'mod partikolari it-Taqsimiet 295 B u C tal-Kodiċi Penali, li jippreskrivu sentenzi obbligatorji ta' għomor il-ħabs (295 B u C) jew anki l-piena tal-mewt (295 C) għal atti allegati ta' blasfemija, bil-għan li dawn il-liġijiet jitħassru; jistieden lill-Gvern tal-Pakistan ineħħi l-piena tal-mewt, inkluż għal atti ta’ blasfemija jew apostasija, u jistabbilixxi salvagwardji li jimpedixxu l-abbuż ta’ dispożizzjonijiet ġuridiċi dwar atti ta’ blasfemija jew apostasija;
6. Jistieden lill-awtoritajiet Pakistani jiggarantixxu l-indipendenza tal-qrati, l-istat tad-dritt u proċess ġust f'konformità ma' standards internazzjonali dwar proċedimenti ġudizzjarji, inkluż billi jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet reċenti tal-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati; jitlob, barra minn hekk, lill-awtoritajiet Pakistani jipprovdi protezzjoni biżżejjed għal dawk kollha involuti fil-każijiet dwar atti ta’ blasfemija, inkluż billi l-imħallfin jiġu mħarsa minn pressjoni esterna, bil-protezzjoni tal-akkużat kif ukoll tal-familji u l-komunitajiet tagħhom mill-vjolenza tal-folla, u billi jipprovdu soluzzjonijiet għal dawk li jiġu liberati iżda ma jistgħux jirritornaw lura għall-postijiet ta' oriġini tagħhom;
7.
Ifakkar li l-libertà tar-reliġjon u d-drittijiet tal-minoranzi huma garantiti mill-kostituzzjoni tal-Pakistan;
jilqa' l-miżuri meħuda fl-interess tal-minoranzi reliġjużi mill-Gvern tal-Pakistan minn Novembru tal-2008 'l hawn, bħall-istabbiliment ta' kwota ta' 5 % għall-minoranzi fis-settur tal-impjiegi federali, ir-rikonoxximent tal-festi pubbliċi li mhumiex Musulmani u d-dikjarazzjoni ta' Jum Nazzjonali tal-Minoranzi;
8. Iħeġġeġ lill-Gvern Pakistani, madankollu, biex iżid l-isforzi għal fehim interreliġjuż aħjar, biex jittratta attivament l-ostilitajiet reliġjużi minn atturi tas-soċjetà u jiġġieled l-intolleranza reliġjuża, l-atti ta' vjolenza u intimidazzjoni, u biex jaġixxi kontra l-impunità jew il-perċezzjoni tagħha;
9. Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza kontra l-komunitajiet reliġjużi kif ukoll it-tipi kollha ta' diskriminazzjoni u intolleranza għal raġunijiet ta' reliġjon u twemmin; jenfasizza li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem; jenfasizza, barra minn hekk, li l-Pakistani kollha, irrispettivamnet mill-fidi u r-reliġjon tagħhom, jixirqilhom rispett ugwali, u l-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;
10. Jistieden lis-SEAE u l-Kummissjoni jużaw kwalunkwe strument għad-dispożizzjoni tagħhom, inkluż kif ifformulat fil-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin, biex jgħinu lil komunitajiet reliġjużi u biex jitfgħu lill-Gvern Pakistani taħt pressjoni sabiex jagħmel aktar għall-ħarsien ta’ minoranzi reliġjużi; japprezza, f’dan ir-rigward, iż-żjara reċenti tal-Rapppreżentant Speċjali tal-UE għall-Pakistan għad-Drittijiet tal-Bniedem, u d-diskussjonijiet li kellu hemm;
11. Jenfasizza li l-għoti tal-istatus GSP+ huwa bil-kondizzjoni u, fost affarijiet oħra, soġġett għar-ratifika u l-implimentazzjoni tas-27 konvenzjoni internazzjonali, kif indikat fl-Anness VIII għar-Regolament Bażiku GSP il-ġdid, b’ħafna minnhom dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li l-UE tista' tiddeċiedi li tirtira l-preferenzi GSP+ jekk pajjiż ma jissodisfax l-impenji tiegħu;
12. Iħeġġeġ lis-SEAE u l-Kummissjoni biex jissorveljaw b'mod strett il-konformità tal-Pakistan mal-impenji tiegħu skont il-GSP+, u biex jippromwovu u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem fil-Pakistan;
13. Jistieden lis-SEAE u l-Kummissjoni biex jaħdmu mal-awtoritajiet Pakistani sabiex jirriformaw il-mod kif jintużaw il-liġijiet dwar atti blasfemi, inkluż bl-implimentazzjoni tal-miżuri ssuġġeriti fil-paragrafu 5 hawn fuq;
14. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan sabiex jaħdem mal-entitajiet tan-NU, inkluż ir-Rapporteur tan-NU dwar il-Libertà ta' Reliġjon jew Twemmin, biex jittratta tħassib validu dwar problemi tad-drittijiet tal-bniedem;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Pakistan.