Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0292/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0292/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-Serbja: il-każ tal-akkużat ta' delitti tal-gwerra Šešelj

26.11.2014 - (2014/2970(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
EFDD (B8‑0292/2014)
ECR (B8‑0294/2014)
Verts/ALE (B8‑0296/2014)
S&D (B8‑0300/2014)
ALDE (B8‑0304/2014)
GUE/NGL (B8‑0306/2014)
PPE (B8‑0307/2014)

Cristian Dan Preda, Andrej Plenković, David McAllister, Elmar Brok, Dubravka Šuica, Davor Ivo Stier, Jaromír Štětina, Giovanni La Via, Joachim Zeller, Tunne Kelam, Lorenzo Cesa, Franck Proust, Petri Sarvamaa, Bogdan Brunon Wenta, Monica Macovei, Jeroen Lenaers, Seán Kelly, Jiří Pospíšil, Gabrielius Landsbergis, Marijana Petir, Tomáš Zdechovský, Lara Comi, László Tőkés, Ivana Maletić, Tadeusz Zwiefka f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Goffredo Maria Bettini, Liisa Jaakonsaari, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Victor Boştinaru, Richard Howitt, Tonino Picula, Marc Tarabella, Nicola Caputo, Biljana Borzan, Doru-Claudian Frunzulică, Miroslav Poche, Elena Valenciano Martínez-Orozco f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Ruža Tomašić, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR
Jozo Radoš, Ivo Vajgl, Ivan Jakovčić, Fernando Maura Barandiarán, Pavel Telička, Izaskun Bilbao Barandica, Marietje Schaake, Louis Michel, Marielle de Sarnez, Johannes Cornelis van Baalen, Gérard Deprez, Dita Charanzová, Petras Auštrevičius, Javier Nart, Antanas Guoga, Urmas Paet, Ilhan Kyuchyuk f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
Davor Škrlec, Igor Šoltes, Ulrike Lunacek, Tamás Meszerics, Ernest Urtasun, Barbara Lochbihler, Jordi Sebastià, Heidi Hautala, Klaus Buchner f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD

Proċedura : 2014/2970(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0292/2014
Testi mressqa :
RC-B8-0292/2014
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Serbja: il-każ tal-akkużat ta' delitti tal-gwerra Šešelj

(2014/2970(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Serbja,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-2014 tal-Kummissjoni dwar is-Serbja tat-8 ta' Ottubru 2014 (SWD(2014)0302),

–   wara li kkunsidra l-Istatut tat-Tribunal Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni ta' Persuni Responsabbli ta' Vjolazzjonijiet Serji tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali li Twettqu fit-Territorju ta' dik li qabel kienet il-Jugoslavja mill-1991 (ICTY),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 65 tar-Regoli ta' Proċedura u ta' Prova tal-ICTY,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi Vojislav Šešelj, il-president tal-Partit Radikali Serb, ġie akkużat quddiem l-ICTY b'persekuzzjonijiet għal raġunijiet politiċi, razzjali jew reliġjużi, deportazzjoni, atti diżumani (trasferiment furzat) (delitti kontra l-umanità), u bi qtil, tortura, trattament krudili, qerda mingħajr raġuni ta' villaġġi jew qerda mhux ġustifikata minn ħtieġa militari, qerda jew danni intenzjonati ta' istituzzjonijiet iddedikati għar-reliġjon jew l-edukazzjoni, serq ta' proprjetà pubblika jew privata (vjolazzjonijiet tal-liġijiet jew tal-prattiki tal-gwerra) fil-Kroazja, il-Bosnja-Ħerżegovina u partijiet minn Vojvodina (is-Serbja), li twettqu bejn l-1991 u l-1993;

B.  billi l-ICTY ġie stabbilit fl-1993 min-Nazzjonijiet Uniti biex jittratta delitti tal-gwerra li seħħew fid-disgħinijiet, u b'hekk bena l-pedament għas-soluzzjoni tal-kunflitti jew l-iżvilupp ta' wara l-kunflitti fir-reġjun;

C. billi fis-6 ta' Novembru 2014, wara iżjed minn ħdax-il sena ta' detenzjoni u filwaqt li għadu għaddej il-proċess tiegħu, l-Awla tal-Proċessi tat-Tribunal ħarġet ordni proprio motu għall-ħelsien provviżorju ta' Šešelj minħabba d-deterjorament ta' saħħtu, suġġett għall-kundizzjonijiet li: (i) ma jinfluwenzax lix-xhieda u lill-vittmi; u (ii) li jidher quddiem l-Awla hekk kif din tordnalu jagħmel dan; billi Šešelj kellu attitudni ostili fir-rigward tal-ICTY mindu beda l-proċess billi jinterrompi, itellef u jirritratta kontinwament il-proċedimenti quddiem il-Qorti, u fi tliet okkażjonijiet separati ġie mixli b'disprezz tal-qorti minħabba intimidazzjoni tax-xhieda;

D. billi wara r-ritorn tiegħu fis-Serbja Šešelj għamel bosta diskorsi pubbliċi f'Belgrad fejn enfasizza li hu mhuwiex se jirritorna lura fit-Tribunal volontarjament meta jintalab jagħmel dan, u b'hekk ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jikser waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li fuqhom kien ibbażat il-ħelsien tiegħu;

E.  billi fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tiegħu Šešelj appella ripetutament għall-ħolqien ta' ''Serbja Akbar'', filwaqt li ddikjara pubblikament pretensjonijiet fuq pajjiżi ġirien, inkluża l-Kroazja, li hija Stat Membru tal-UE, u xewwex il-mibegħda kontra persuni li mhumiex Serbi; billi fi stqarrija għall-istampa huwa awgura liċ-Chetniks Serbi għal-'liberazzjoni' ta' Vukovar fit-23 anniversarju mindu dik il-belt Kroata waqgħet f'idejn il-forzi parlamentari Serbi u l-armata Jugoslava fl-1991 u l-atroċitajiet assoċjati, u b'hekk kiser ir-rekwiżit li ma jinfluwenzax lill-vittmi; billi l-grupp paċifiku Serb ''Women in black'' (Nisa bl-Iswed) inġabar f'Belgrad biex ifakkar lill-vittmi tal-assedju b'wirja bl-isem ''We will never forget the crimes of Vukovar'' (Aħna qatt m'aħna se ninsew id-delitti ta' Vukovar);

1.  Jikkundanna bil-kbir il-propaganda tal-gwerra, it-tixwix tal-mibegħda u l-inkoraġġiment ta' pretensjonijiet territorjali u t-tentattivi tiegħu li jiżvija lis-Serbja mit-triq Ewropea tagħha; jiddeplora l-attivitajiet pubbliċi provokattivi tiegħu u r-retorika ta' żmien il-gwerra li uża mindu nħeles provviżorjamemt, li reġgħu fetħu l-feriti psikoloġiċi tal-vittmi li ġarrbu waqt il-gwerra u l-atroċitajiet fil-bidu tad-disgħinijiet; jenfasizza li d-dikjarazzjonijiet reċenti ta' Šešelj jistgħu jfixklu l-progress li sar fil-kooperazzjoni reġjonali u r-rikonċiljazzjoni u jimminaw l-isforzi ta' dawn l-aħħar snin;

2.  Ifakkar lill-awtoritajiet Serbi fl-obbligi li għandhom skont il-qafas għall-kooperazzjoni mal-ICTY u fl-obbligi tas-Serbja bħala pajjiż kandidat tal-UE; jinnota bi tħassib li n-nuqqas ta' reazzjoni politika adegwata u ta' rispons ġuridiku mill-awtoritajiet Serbi rigward l-imġiba ta' Šešelj jimmina l-fiduċja tal-vittmi fil-proċess ġudizzjarju; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi u lill-partiti demokratiċi jikkundannaw kull forma ta' turija fil-pubbliku ta' diskors ta' mibegħda jew retorika ta' żmien il-gwerra u jippromwovu l-ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi u dawk kulturali; jitlob lill-awtoritajiet Serbi jinvestigaw jekk Šešelj kisirx il-liġi Serba u sabiex isaħħu u japplikaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni li tiddikjara bħala illegali d-diskors ta' mibegħda, id-diskriminazzjoni u t-tixwix tal-vjolenza; jappoġġa lill-partiti politiċi kollha, lill-NGOs u lill-individwi fis-Serbja li qed jiġġieldu kontra d-diskors ta' mibegħda;

3.  Jistieden lill-ICTY u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' dan it-Tribunal jieħdu miżuri biex jeżaminaw mill-ġdid l-eżistenza ta' rekwiżiti għall-ħelsien provviżorju taħt ċirkostanzi ġodda; jinnota li standards differenti fir-rigward tal-prattika tat-Tribunal b'rabta mal-ħelsien provviżorju mhumiex se jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-ICTY; iħeġġeġ lill-ICTY jieħu azzjoni determinata sabiex jerġa' jqajjem fiduċja fih, billi din iddgħajfet minħabba d-dikjarazzjonijiet pubbliċi terribbli u inammissibbli ta' Šešelj, inkluż billi jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jaċċelera t-twettiq tal-proċessi u l-appelli kollha li hemm quddiemu; ifakkar li l-fatt li dawk li wettqu delitti tal-gwerra jinġiebu quddiem il-ġustizzja jikkostitwixxi kundizzjoni indispensabbli għal proċess ta' rikonċiljazzjoni ġenwin u dejjiemi;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tas-Serbja, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-President tal-ICTY