Proċedura : 2014/2971(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0295/2014

Testi mressqa :

RC-B8-0295/2014

Dibattiti :

PV 27/11/2014 - 7.3
CRE 27/11/2014 - 7.3

Votazzjonijiet :

PV 27/11/2014 - 10.3

Testi adottati :

P8_TA(2014)0066

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 150kWORD 78k
26.11.2014
PE539.018v01-00}
PE539.020v01-00}
PE539.022v01-00}
PE539.024v01-00}
PE539.026v01-00}
PE539.031v01-00} RC1
 
B8-0295/2014}
B8-0297/2014}
B8-0299/2014}
B8-0301/2014}
B8-0303/2014}
B8-0308/2014} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8‑0295/2014)

EFDD (B8‑0297/2014)

Verts/ALE (B8‑0299/2014)

S&D (B8‑0301/2014)

ALDE (B8‑0303/2014)

PPE (B8‑0308/2014)


dwar l-Iraq: sekwestru u trattament ħażin tan-nisa (2014/2971(RSP))


Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, Elmar Brok, Giovanni La Via, Michèle Alliot-Marie, Pavel Svoboda, Philippe Juvin, Jarosław Wałęsa, Mariya Gabriel, David McAllister, Lorenzo Cesa, Franck Proust, Petri Sarvamaa, Andrej Plenković, Bogdan Brunon Wenta, Monica Macovei, Dubravka Šuica, Jaromír Štětina, Eduard Kukan, Jeroen Lenaers, Seán Kelly, Jiří Pospíšil, Csaba Sógor, Gabrielius Landsbergis, Davor Ivo Stier, Marijana Petir, Tomáš Zdechovský, Barbara Matera, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Stanislav Polčák, Lara Comi, Massimiliano Salini, Ivana Maletić f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Victor Boştinaru, Richard Howitt, Elena Valenciano Martínez-Orozco, Ana Gomes, Vilija Blinkevičiūtė, Nicola Caputo, Silvia Costa, Krystyna Łybacka, Goffredo Maria Bettini, Edouard Martin, Demetris Papadakis, Liisa Jaakonsaari, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Andi Cristea, Miroslav Poche, Miriam Dalli, Pier Antonio Panzeri, Marc Tarabella, Doru-Claudian Frunzulică, Eva Kaili f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, David Campbell Bannerman, Ruža Tomašić, Jana Žitňanská, Geoffrey Van Orden, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR
Gérard Deprez, Marielle de Sarnez, Juan Carlos Girauta Vidal, Fernando Maura Barandiarán, Pavel Telička, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Marietje Schaake, Louis Michel, Petr Ježek, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Dita Charanzová, Jozo Radoš, Javier Nart, Antanas Guoga, Urmas Paet, Ivan Jakovčić f'isem il-Grupp ALDE
Alyn Smith, Barbara Lochbihler, Michel Reimon, Jean Lambert, Bodil Ceballos, Ernest Urtasun, Jordi Sebastià, Judith Sargentini, Ulrike Lunacek, Heidi Hautala, Reinhard Bütikofer, Davor Škrlec f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iraq: sekwestru u trattament ħażin tan-nisa (2014/2971(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar il-kriżi ISIL/Da'esh fis-Sirja u l-Iraq,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni S-22/1 tal-1 ta' Settembru 2014 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante u mill-gruppi assoċjati miegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-isem "Rule of Terror: Living under ISIS in Syria", tal-14 ta' Novembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2016 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-24 ta' Ġunju 2013 dwar il-vjolenza sesswali f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati u wara l-kunflitti;

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iraq hu firmatarju tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), li l-Iraq hu firmatarju tiegħu, u r-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (IS) kkommetta għadd kbir ta' atroċitajiet, li jammontaw għal reati kontra l-umanità, u li jinkludu massakri, eżekuzzjonijiet ordnati minn qrati awtoproklamati tal-IS, l-impożizzjoni ta' interpretazzjoni ħarxa tal-liġi tax-Sharia, vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal, skjavitù, stupri, żwiġijiet furzati, traffikar tal-persuni, spustamenti u sekwestri, u li kkawżaw kriżi umanitarja katastrofika u l-ispustament ta' għadd kbir ta' nies mill-inħawi taħt il-kontroll tagħhom;

B.  billi membri ta' minoranzi etniċi u reliġjużi, b'mod partikolari ta' komunitajiet Insara, Yazidi, Turkmeni, Shabaki, Kaka'e, Sabej u Xiiti, kif ukoll ħafna Għarab u Sunniti, spiċċaw fil-mira tal-IS f'Mosul u fl-inħawi tal-madwar, inkluż f'Sinjar u f'Tal Afar;

C. billi l-Human Rights Watch jikkalkula li 3 133 Yazidi nħatfu u nqatlu mill-IS, jew ilhom nieqsa mill-attakki tal-IS fil-bidu ta' Awwissu; billi din il-lista tinkludi 2 305 persuni li huwa maħsub li ġew sekwestrati, 412 minnhom tfal; billi l-IS qiegħed jindottrina t-tfal Yazidi maħtufa;

D. billi, f'Ottubru 2014 ir-riċerkaturi tan-NU qalu li bejn 5 000 u 7 000 mara kienu qed jinżammu f'ċentri ta' detenzjoni improvviżati, minn fejn kienu qegħdin jittieħdu u jinbigħu bħala skjavi jew jingħataw f'idejn il-ġiħadisti bħala konkubini; billi huwa maħsub li fil-belt ta' Tal Afar biss hemm madwar 3 500 persuna bejn nisa u tfal, f'ħames ċentri ta' detenzjoni;

E.  billi l-aġir tal-IS u ta' estremisti ġiħadisti oħrajn fl-Iraq u fis-Sirja kkawża flussi ta' rifuġjati lejn il-kampijiet tar-rifuġjati fit-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan, fejn in-nisa u t-tfal b'mod partikolari qed jgħixu f'kundizzjonijiet umanitarji diffiċli u huma esposti ħafna għall-fastidju, il-vjolenza sesswali, iż-żwieġ furzat u abbużi oħrajn;

F.  billi n-natura transnazzjonali tal-IS u tal-gruppi terroristiċi assoċjati miegħu tippreokkupa d-dinja kollha;

G.  billi l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (l-UNHCR) hija mħassba ħafna dwar kemm il-komunità internazzjonali hija kapaċi tlaħħaq mal-ħtiġijiet tax-xitwa fl-Iraq, b'mod partikolari fir-rigward ta' dawk spustati reċentement;

H. billi l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq huma essenzjali għall-istabbiltà u l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiż u fir-reġjun;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-ksur u l-abbuż sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali li jirriżultaw mill-atti mwettqa mill-IS u mill-gruppi terroristiċi assoċjati miegħu, li jammontaw għal reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità; jikkundanna bil-qawwa kollha, b'mod partikolari, kull tip ta' vjolenza kontra l-persuni minħabba l-affiljazzjoni reliġjuża u etnika tagħhom, kif ukoll il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-għadd kbir ta' atroċitajiet imwettqa mill-IS, immirati speċifikament lejn in-nisa, u li jammontaw għal reati kontra l-umanità, bħal sekwestri, stupri u forom oħra ta' vjolenza sesswali, skjavitù u żwiġijiet u konverżjonijiet furzati; jenfasizza l-ħtieġa li dawk responsabbli minn tali ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali jirrispondu għal azzjonijiethom;

3.  Jenfasizza li t-tfal għandhom jitħallew jerġgħu jingħaqdu minnufih mal-familji tagħhom, iż-żwiġijiet furzati u l-abbuż sesswali jieqfu, u l-priġunieri ċivili kollha, speċjalment in-nisa, miżmuma mill-IS jinħelsu immedjatament;

4.  Jistieden lill-Gvern Iraqi jirratifika l-Istatut ta' Ruma li jistabbilixxi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) sabiex jippermetti lill-QKI tipproċedi fil-konfront tar-reati tal-gwerra u tar-reati kontra l-umanità mwettqa mill-IS;

5.  Jistieden lill-Gvern Iraqi jippromwovi u jħares id-drittijiet tal-bniedem billi jinvolvi l-komponenti kollha tas-soċjetà Iraqina fi spirtu ta' għaqda nazzjonali u rikonċiljazzjoni u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali fl-isforzi tiegħu biex jikkonfronta l-IS; joffri l-appoġġ tiegħu biex jgħin lill-gvern jibni soċjetà aktar ġusta u inklussiva, u waħda li tħares u tippromwovi d-drittijiet tan-nisa;

6.  Jilqa' l-isforzi tal-komunità internazzjonali, b'mod partikolari tal-Istati Uniti, li jappoġġjaw lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali Iraqini fil-ġlieda tagħhom kontra l-IS, iwaqqfu lill-IS milli jkompli javvanza u jiffaċilitaw l-aċċess għall-appoġġ umanitarju; jappoġġja l-koalizzjoni globali kontra l-IS u l-isforzi tagħha biex tiġġildilha, inkluż b'mezzi militari; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tagħti l-assistenza ta' salvataġġ meħtieġa għall-persuni fl-Iraq matul ix-xitwa, inklużi l-familji Yazidi li għadhom jinsabu fuq l-Għolja Sinjar jiddefendu t-tempji tagħhom milli jinqerdu mill-IS;

7.  Jistieden lill-atturi reġjonali kollha biex jagħmlu kulma jistgħu biex iwaqqfu l-attivitajiet kollha ta' korpi uffiċjali u privati li jippropagaw u jxerrdu ideoloġiji Iżlamiċi estremi bil-kliem u bl-atti; jistieden lill-komunità internazzjonali, b'mod speċjali l-UE, biex tiffaċilita djalogu reġjonali dwar il-problemi li qed iħabbat wiċċu magħhom il-Lvant Nofsani u tinkludi l-partijiet sinifikanti kollha,b'mod partikolari l-Iran u l-Arabja Sawdija;

8.  Iħeġġeġ lin-NU, b'mod partikolari r-Rapporteur Speċjali tagħha dwar il-Vjolenza kontra n-Nisa, Rashida Manjoo, biex tagħmel ħilitha kollha biex tirrintraċċa l-vittmi, kif ukoll tinvestiga u tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-abbużi u l-illegalitajiet fil-konfront tan-nisa mwettqa mill-IS u mill-gruppi terroristi assoċjati miegħu fl-Iraq u fis-Sirja, bil-ħsieb li tiġi evitata l-impunità u tiġi żgurata responsabilità sħiħa; jappoġġja x-xogħol tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, Zainab Hawa Bangura;

9.  Jistieden lill-aġenziji umanitarji internazzjonali li jaħdmu fl-Iraq, inklużi l-aġenziji tan-NU, biex iżidu s-servizzi mediċi u ta' konsulenza tagħhom għall-persuni spustati li ħarbu mill-avvanzi tal-IS, b'attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tal-vittmi ta' vjolenza sesswali u t-tfal;

10. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri speċifiċi biex jindirizzaw il-qagħda tan-nisa fl-Iraq u jiggarantixxu l-libertà tagħhom u r-rispett tad-drittijiet l-aktar fundamentali tagħhom, kif ukoll jadottaw miżuri biex jipprevjenu l-isfruttament, l-abbuż u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-fatt li żdiedet kull xorta ta' vjolenza kontra n-nisa Yazidi, li qed jiġu miżmuma f'ħabsijiet, stuprati, abbużati sesswalment u mibjugħa mill-membri tal-IS; jistieden, b'mod partikolari, lill-Istati Membri jsaħħu l-politiki tagħhom b'tali mod li jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-superstiti u jistabbilixxu mekkaniżmu li jippermetti lin-nisa trawmatizzati mis-Sirja u mill-Iraq, b'mod partikolari n-nisa Yazidi, jirċievu konsulenza post-trawmatika mfassla apposta skont il-ħtiġijiet tagħhom;

11. Jinsab konvint li l-assistenza u l-protezzjoni umanitarja immedjata jeħtieġ tkun supplimentata minn strateġiji fit-tul favur id-drittijiet soċjoekonomiċi u l-opportunitajiet ta' għajxien għan-nisa rifuġjati, kif ukoll għan-nisa li jirritornaw jew li huma spustati, b'enfasi fuq it-tmexxija u l-parteċipazzjoni, bil-ħsieb li tingħatalhom is-setgħa biex jagħżlu soluzzjonijiet li jservu fit-tul u li jaqblu mal-bżonnijiet tagħhom; iqis li hemm bżonn jiġu indirizzati r-riskji speċifiċi u l-ħtiġijiet partikolari ta' gruppi differenti ta' nisa li huma soġġetti għal forom differenti u trasversali ta' diskriminazzjoni;

12. Jikkundanna l-fatt li, bl-avvanz tal-IS, qed iseħħu atti ta' vjolenza u qtil fil-konfront ta' Iraqini LGBT b'impunità totali; jinnota li, filwaqt li l-Iraqini LGBT mhumiex l-uniku grupp li qiegħed f'riskju fil-kriżi u l-kunflitt attwali, huma qegħdin f'sitwazzjoni vulnerabbli ħafna minħabba l-livell limitat ta' appoġġ u protezzjoni li jingħataw mill-familja, mill-komunità u mill-gvern; jinnota li l-Iraqini LGBT jibqgħu marġinalizzati u f'riskju fil-komunitajiet tar-rifuġjati u f'ċerti soċjetajiet li jospitawhom; jistieden lill-Gvern Iraqi jipprovdi protezzjoni għall-Iraqini LGBT;

13. Jiddispjaċih li, konsegwenza tas-snin ta' dittatorjat u kunflitt, ħajjet in-nisa Iraqini marret lura ferm; jappella għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fil-bini tad-demokrazija; jinsisti li mingħajr il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet ma jista' jkun hemm ebda protezzjoni reali, u ebda sigurtà reali, għan-nisa fl-Iraq;

14. Jappella għal sforz internazzjonali konġunt, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi, l-organizzazzjonijiet u l-komunitajiet Musulmani, fil-konfront tal-ideoloġija radikali Salafita/Waħħabita li tirfed u tnebbaħ l-azzjonijiet tal-IS u tal-organizzazzjonijiet terroristiċi assoċjati miegħu u li qed issir theddida dejjem akbar għas-sigurtà tal-Istati Membri; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri biex, fid-djalogu tagħhom mal-pajjiżi tal-Golf, jesprimu l-preokkupazzjonijiet kbar tagħhom dwar l-isforzi ta' indottrinazzjoni Salafiti/Waħħabiti f'ħafna pajjiżi b'maġġoranza Musulmana u f'komunitajiet Musulmani madwar id-dinja min-naħa ta' atturi minn dawn il-pajjiżi;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0022.

Avviż legali - Politika tal-privatezza