MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela
17.12.2014 - (2014/2998(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B8‑0375/2014)
S&D (B8‑0376/2014)
ECR (B8‑0377/2014)
ALDE (B8‑0379/2014)
Cristian Dan Preda, Jaromír Štětina, Luis de Grandes Pascual, Elmar Brok, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Francisco José Millán Mon, Lorenzo Cesa, Tunne Kelam, Monica Macovei, Franck Proust, Andrej Plenković, Jarosław Wałęsa, Giovanni La Via, Dubravka Šuica, Jeroen Lenaers, Lara Comi, Tomáš Zdechovský, Seán Kelly, Csaba Sógor, Andrzej Grzyb, Eduard Kukan, Pál Csáky, Pavel Svoboda, Michaela Šojdrová, David McAllister, Marijana Petir, Elisabetta Gardini, Gabrielius Landsbergis f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Francisco Assis, Pier Antonio Panzeri, Elena Valenciano, Ramón Jáuregui Atondo, Enrico Gasbarra, Krystyna Łybacka, Alessia Maria Mosca, Nicola Danti, Michela Giuffrida, Javi López, Nicola Caputo, Liisa Jaakonsaari, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Andi Cristea, Marc Tarabella, Marlene Mizzi, Miriam Dalli, Kashetu Kyenge, Doru-Claudian Frunzulică, Juan Fernando López Aguilar, Vilija Blinkevičiūtė, Carlos Zorrinho, Ana Gomes, Miroslav Poche, Neena Gill f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Ryszard Czarnecki, Arne Gericke f'isem il-Grupp ECR
Fernando Maura Barandiarán, Dita Charanzová, Beatriz Becerra Basterrechea, Frédérique Ries, Louis Michel, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez, Pavel Telička, Izaskun Bilbao Barandica, Ivo Vajgl, Juan Carlos Girauta Vidal, Renate Weber, Johannes Cornelis van Baalen, Gérard Deprez, Ivan Jakovčić, Antanas Guoga, Martina Dlabajová, Petras Auštrevičius, Javier Nart, Jozo Radoš, Marietje Schaake f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, inklużi dik tal-24 ta' Mejju 2007 dwar il-każ tal-istazzjon televiżiv Radio Caracas[1], dik tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar l-iskwalifiki politiċi fil-Venezwela[2], dik tas-7 ta' Mejju 2009 dwar il-każ ta' Manuel Rosales[3], dik tal-11 ta' Frar 2010 dwar il-Venezwela[4], dik tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-każ ta' Maria Lourdes Afiuni[5], dik tal-24 ta' Mejju 2012 dwar l-irtirar eventwali tal-Venezwela mill-Kummissjoni Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem[6] u dik tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Venezwela[7],
– wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli / Viċi President tal-UE Catherine Ashton tat-28 ta' Marzu 2014 u tal-15 ta' April 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjonijiet Arbitrarji tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-26 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar id-detenzjoni ta' dimostranti u politiċi fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hi firmatarja tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kriżi ekonomika, rati għoljin ta' korruzzjoni, l-iskarsezza kronika ta' prodotti bażiċi, il-vjolenza u l-firdiet politiċi ġabu magħhom protesti paċifiċi konta l-gvern tal-President Nicolás Maduro li bdew fi Frar 2014 u għadhom għaddejjin; billi d-dimostranti sabu ma wiċċhom użu sproporzjonat ta' forza u vjolenza min-naħa tal-pulizija, membri tal-Gwardja Nazzjonali u gruppi armati, vjolenti u mhux kontrollati, li jiffavorixxu l-Gvern; billi skont l-organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali aktar minn 1 700 dimostrant qed jistennew biex jiġu proċessati, aktar minn 69 għadhom qed jinżammu arrestati, u mill-inqas 40 persuna nqatlu fil-protesti waqt li min qatilhom għadu mhux qed jiġi miżmum responsabbli; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem jikkonferma li rċieva rapporti ta' aktar minn 150 każ ta' trattament ħażin ta' persuni detenuti, u fosthom każijiet ta' torturi; billi skont diversi sorsi għadha għaddejja il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika min-naħa tal-forzi tas-sigurtà;
B. billi l-libertà tal-espressjoni u d-dritt ta' parteċipazzjoni f'dimostrazzjonijiet paċifiċi huma l-pilastri tad-demokrazija u huma rikonoxxuti fil-Kostituzzjoni tal-Venezwela; billi l-ugwaljanza u l-ġustizzja għal kulħadd mhumiex possibbli mingħajr rispett lejn il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta' kull ċittadin; billi hemm diversi rapporti li jikkonfermaw li l-mezzi tax-xandir qed jiġu soġġetti għal livell dejjem akbar ta' ċensura u intimidazzjoni; billi waqt is-70 Assemblea Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Istampa Inter-Amerikana (Inter American Press Association (IAPA)) f'Santjago, fiċ-Ċilì, din l-organizzazzjoni ddikjarat li l-Venezwela qed tpoġġi lill-mezzi tax-xandir indipendenti taħt aktar pressjoni u ħeġġet lill-Venezwela tirrispetta l-libertà tal-espressjoni u wissiet kontra t-telf ulterjuri tal-libertà demokratika;
C. billi l-mexxej tal-oppożizzjoni Leopoldo López ġie arrestat arbitrarjament fit-18 ta' Frar 2014 u jinsab akkużat b'komplott, bl-instigar ta' dimostrazzjonijiet vjolenti, ħruq u ħsara lill-proprjetà; billi minn meta ġie arrestat ġarrab tortura fiżika u psikoloġika, kif ukoll reklużjoni; billi s-sindki tal-oppożizzjoni Daniel Ceballos u Vicencio Scarano, kif ukoll l-uffiċjal tal-pulizija Salvatore Lucchese ġew arrestati għax naqsu milli jtemmu l-protesti u r-rewwixti ċivili fil-bliet tagħhom, u lkoll ingħataw sentenza ta' diversi snin priġunerija; billi l-membri tal-oppożizzjoni fil-Kungress Juan Carlos Caldera, Ismael García u Richard Mardo qed jiġu investigati u proċessati fil-qorti bl-għan li jiġu sospiżi u skwalifikati mill-Kungress;
D. billi mexxejja tal-istudenti bħal Sairam Rivas, President taċ-Ċentru tal-Istudenti tal-Iskola tal-Ħidma Soċjali fl-Università Ċentrali tal-Venezwela, Cristian Gil u Manuel Cotiz ilhom miżmuma inġustament f'bini li jappartjeni lis-Servizz tal-Intelligence Bolivarjan għal aktar minn 120 jum u ġew soġġetti għal tortura u trattament ħażin f'konnessjoni mal-protesti li seħħew bejn Frar u Mejju 2014, wara li ġew akkużati bir-reat li instigaw delitti u li użaw minorenni biex iwettqu delitti;
E. billi fl-20 ta' Ottubru 2014, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Zeid Ra’ad Al Hussein wera tħassib dwar l-arrest tad-dimostranti u talab għall-ħelsien ta' dawk kollha li ġew arrestati għax eżerċitaw id-dritt tagħhom li jipprotestaw paċifikament; billi fit-8 ta' Ottubru 2014 il-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarjai ddeskrivew l-arrest ta' Leopoldo López bħala illegali, arbitrarju u politikament motivat, u talab għall-ħelsien tiegħu u ta' dawk kollha li għadhom miżmuma arrestati arbitrarjament;
F. billi l-Gvern tal-Venezwela għandu responsabilità partikolari li jikkonforma mal-istat tad-dritt u mad-dritt internazzjonali, meta jitqies li fis-16 ta' Ottubru 2014 sar membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
G. billi r-rimarki magħmula fir-rapport riċenti tal-Kumitat kontra t-Tortura tan-NU dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela jesprimu tħassib espliċitu dwar l-impunità, it-tortura u t-trattament ħażin tal-priġunieri politiċi, użu ta' forza eċċessiva, kunsens u kompliċità mal-azzjonijiet ta' gruppi armati li jiffavorixxu l-gvern, l-arresti arbitrarji u n-nuqqas ta' garanziji proċedurali fundamentali; billi dan ir-rapport jitlob il-ħelsien immedjat tal-persuni kollha miżmuma arrestati arbitrarjament, fosthom Leopoldo López u Daniel Ceballos, li kienu arrestati għax eżerċitaw id-dritt tagħhom li jesprimu rwieħhom u jipprotestaw paċifikament, u barra minn hekk jesprimi tħassib dwar l-attakki kontra ġurnalisti u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji u nuqqas totali ta' ġudikatura indipendenti;
H. billi José Miguel Insulza, Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) talab għall-ħelsien tal-persuni miżmuma fil-ħabsijiet minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-protesti; billi l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem esprimiet tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tal-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-espressjoni fil-Venezwela;
I. billi d-deċiżjoni tal-Venezwela li tirtira mill-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem daħlet fis-seħħ fl-10 ta' Settembru 2013; billi minħabba din l-azzjoni, iċ-ċittadini u r-residenti tal-Venezwela ma jistgħu jressqu ebda lment quddiem il-Qorti Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem;
J. billi, f'Marzu 2014, María Corina Machado, il-Membru tal-Assemblea Nazzjonali li kienet ġabet l-akbar ammont ta' voti fil-Venezwela, tneħħiet mill-kariga b'mod illegali u arbitrarju, ittiħdilha l-mandat u tkeċċiet mill-Parlament mill-President tal-Assemblea Nazzjonali, Diosdado Cabello, li akkużaha bi tradiment għaliex kienet tkellmet kontra l-ksur vast u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela quddiem il-Kunsill Permanenti tal-OAS;
K. billi, matul l-attività politika u parlamentari tagħha, María Corina Machado kellha tiffaċċja sensiela ta' proċeduri kriminali, persekuzzjoni politika, theddid, intimidazzjoni, fastidju u saħansitra vjolenza fiżika mis-sostenituri tal-gvern fis-Sala tal-Assemblea Nazzjonali; billi reċentement ġiet akkużata b'attentat ta' qtil fuq il-President Maduro u tista' teħel sa 16-il sena ħabs;
L. billi l-ġudikatura naqset milli tiffunzjona bħala fergħa indipendenti tal-gvern; billi din is-sistema ġudizzjarja ma tistax tiġi mistennija twettaq investigazzjonijiet imparzjali jew tgħaddi ġudizzji ġusti dwar allegazzjonijiet fil-konfront tal-oppożizzjoni;
M. billi huma biss ir-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u d-djalogu kostruttiv u rispettuż fi spirtu ta' tolleranza li jistgħu jgħinu lill-pajjiż joħroġ minn din il-kriżi serja u jegħleb id-diffikultajiet tal-ġejjieni;
N. billi f'April 2014 inbdew negozjati dwar il-protesti bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, imsejħa "Mesa de Diálogo", li sfortunatament waqfu ħesrem xahar wara mingħajr ma kienu kisbu ebda suċċess;
O. billi l-Venezwela huwa l-pajjiż li għandu l-akbar riżervi tal-enerġija fl-Amerika Latina; billi l-poplu tal-Venezwela qed ibati minn nuqqas serju ta' prodotti bażiċi, il-prezzijiet tal-ikel irduppjaw u beda r-razzjonar tal-ikel; billi l-prezz taż-żejt qed ikompli jonqos b'mod sinifikanti u dan qed ikabbar il-kriżi ekonomika u qed jhedded l-ekonomija fraġli tal-pajjiż, li tiddependi fuq iż-żejt;
P. billi n-nuqqas tal-Istat li jżomm l-ordni pubbliku wassal biex il-Venezwela jsir wieħed mill-aktar pajjiżi vjolenti fid-dinja; billi, skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità, il-kriżi politika u ekonomika li għaddejja bħalissa fil-Venezwela kkontribwiet għal żieda qawwija f'salt fir-rata ta' qtil u nuqqas ta' sigurtà għaċ-ċittadini;
1. Jinsab imħasseb profondament dwar il-qagħda fil-Venezwela, li qiegħda dejjem tiħżien, u jikkundanna l-arrest ta' dimostranti paċifiċi, studenti u mexxejja tal-oppożizzjoni; jappella biex jinħelsu minnufih dawk il-priġunieri miżmuma b'mod arbitrarju, bi qbil mat-talbiet li għamlu diversi korpi tan-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-persekuzzjoni politika u r-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika, il-ksur tal-libertà ta' espressjoni u ta' dimostrazzjoni, u l-eżistenza taċ-ċensura fuq il-midja u fuq l-internet;
3. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza fil-konfront tad-dimostranti; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jinvestigaw dawn id-delitti u jżommu lil dawk ħatja responsabbli ta' għemilhom mingħajr ebda marġni ta' impunità;
4. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jidħlu fi djalogu paċifiku, bl-involviment tas-setturi kollha tas-soċjetà fil-Venezwela, sabiex jiġu definiti punti ta' konverġenza u tingħata l-opportunità lill-atturi politiċi biex jiddiskutu l-aktar problemi serji li għandu quddiemu l-pajjiż; jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati biex jevitaw li l-vjolenza tkompli teskala u jfakkar lill-Gvern tal-Venezwela li ma jistax ikun hemm djalogu kostruttiv sakemm il-mexxejja tal-oppożizzjoni jibqgħu jinżammu l-ħabs b'mod arbitrarju;
5. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex immedjatament jikkonfiskaw l-armi tal-assoċjazzjonijiet u l-gruppi armati mhux ikkontrollati li jiffavorixxu lill-gvern, u b'hekk itemmu l-impunità tagħhom;
6. Ifakkar lill-Gvern tal-Venezwela fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura li l-proċeduri ġudizzjarji kollha jkunu konformi mal-istandards internazzjonali; ifakkar li r-rispett għall-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri huwa fundamentali għad-demokrazija u li s-sistema ġudizzjarja ma tistax tintuża mill-awtoritajiet bħala mezz ta' persekuzzjoni u ripressjoni politika fil-konfront tal-oppożizzjoni demokratika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirtiraw l-akkużi infondati u l-mandati ta' arrest kontra l-politiċi tal-oppożizzjoni u jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż, irrispettivament mill-fehmiet jew l-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom;
7. Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela josserva l-obbligi kostituzzjonali u internazzjonali tiegħu stess fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura, id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika, kif ukoll il-pluraliżmu politiku, li huma pilastri tad-demokrazija, u jiżgura li ħadd ma jiġi ppenalizzat talli jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta' għaqda paċifika u libertà ta' espressjoni;
8. Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, iwettaq investigazzjonijiet effikaċi dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jippermetti l-ħolqien ta' ambjent li fih id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma leġittima tagħhom għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;
9. Jistieden lill-SEAE u lid-Delegazzjoni tal-UE, kif ukoll id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri, ikomplu josservaw l-investigazzjonijiet u s-seduti tal-qorti tal-mexxejja tal-oppożizzjoni;
10. Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jidħol fi djalogu b'saħħtu u miftuħ mal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem;
11. Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli Federica Mogherini jitolbu l-ħelsien immedjat tad-dimostranti li ġew arrestati arbitrarjament sa mill-bidu tal-protesti;
12. Ifakkar fit-talba tiegħu li delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew tintbagħat biex tivvaluta s-sitwazzjoni fil-Venezwela u torganizza djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.