Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0389/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0389/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-Sudan: il-każ ta’ Dr Amin Mekki Medani

17.12.2014 - (2014/3000(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B8‑0389/2014)
PPE (B8‑0390/2014)
ECR (B8‑0391/2014)
S&D (B8‑0392/2014)
EFDD (B8‑0393/2014)
ALDE (B8‑0394/2014)
GUE/NGL (B8‑0395/2014)

Cristian Dan Preda, Joachim Zeller, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Tunne Kelam, Monica Macovei, Philippe Juvin, Maurice Ponga, Franck Proust, Andrej Plenković, Jaromír Štětina, Francesc Gambús, Jarosław Wałęsa, Giovanni La Via, Dubravka Šuica, David McAllister, Jeroen Lenaers, Lara Comi, Tomáš Zdechovský, Seán Kelly, Eduard Kukan, Csaba Sógor, Inese Vaidere, Tadeusz Zwiefka, Alessandra Mussolini, Stanislav Polčák, Andrzej Grzyb, Pál Csáky, Pavel Svoboda, Michaela Šojdrová, Marijana Petir, Gabrielius Landsbergis, Anna Záborská f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Victor Boştinaru, Elena Valenciano, Richard Howitt, Ana Gomes, Enrique Guerrero Salom, Krystyna Łybacka, Miroslav Poche, Norbert Neuser, Nicola Caputo, Alessia Maria Mosca, Kashetu Kyenge, Liisa Jaakonsaari, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Andi Cristea, Alessandra Moretti, Goffredo Maria Bettini, Hugues Bayet, Marc Tarabella, Marlene Mizzi, Miriam Dalli, Michela Giuffrida, Doru-Claudian Frunzulică, Neena Gill, Vilija Blinkevičiūtė f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Jana Žitňanská, Arne Gericke f'isem il-Grupp ECR
Louis Michel, Frédérique Ries, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Pavel Telička, Juan Carlos Girauta Vidal, Izaskun Bilbao Barandica, Marietje Schaake, Ivan Jakovčić, Fernando Maura Barandiarán, Jozo Radoš, Petras Auštrevičius, Antanas Guoga, Marielle de Sarnez, Javier Nart, Johannes Cornelis van Baalen, Dita Charanzová, Gérard Deprez f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
Judith Sargentini, Barbara Lochbihler, Ernest Urtasun, Maria Heubuch, Heidi Hautala f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo f'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2014/3000(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0389/2014
Testi mressqa :
RC-B8-0389/2014
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sudan: il-każ ta’ Dr Amin Mekki Medani

(2014/3000(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,

–   wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta’ Settembru 2013 mill-Espert Indipendenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tal-15 ta’ Lulju 2014 dwar ir-rilaxx ta’ detenuti politiċi fis-Sudan,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar is-Sudan tal-11 ta’ Novembru 2014,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta’ Settembru 2014 mill-Espert Indipendenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan,

–   wara li kkunsidra l-Ftehimiet dwar id-Djalogu Nazzjonali u l-Proċess Kostituzzjonali ffirmat f’Addis Ababa fl-4 ta' Settembru 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-'Sejħa tas-Sudan' dwar 'L-istabbiliment ta’ Stat ta’ Ċittadinanza u Demokrazija',

–   wara li kkunsidra l-pjan nazzjonali tas-Sudan għad-drittijiet tal-bniedem adottat fl-2013, ibbażat fuq il-prinċipji tal-universalità u l-ugwaljanza tal-persuni kollha,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015[1],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,

–   wara li kkunsidra l-Prinċipji ta’ Johannesburg dwar is-Sigurtà Nazzjonali, il-Libertà tal-Espressjoni u l-Aċċess għall-Informazzjoni, Dokument tan-NU E/CN.4/1996/39 (1996),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta’ Paċi (CPA) tas-Sudan tal-2005,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, fis-6 ta’ Diċembru 2014, is-Servizzi Nazzjonali tal-Intelligence u s-Sigurtà (NISS) arrestaw lil Dr Amin Mekki Medani, attivist magħruf tad-drittijiet tal-bniedem u ex President tas-Sudan Human Rights Monitor (SHRM), minn daru f’Kartum;

B.  billi hemm preokkupazzjonijiet serji dwar is-sikurezza ta’ Dr Medani, li għandu 76 sena u problemi tas-saħħa; billi n-NISS allegatament irrifjutaw li jippermettulu jieħu l-mediċina miegħu meta arrestawh;

C. billi Dr Medani huwa simbolu ta' impenn qawwi favur id-drittijiet tal-bniedem, l-umanitariżmu u l-istat tad-dritt, minħabba li okkupa pożizzjonijiet ta’ livell għoli ma’ għadd ta’ istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali differenti, fosthom il-ġudikatura tas-Sudan, il-gvern demokratiku tranżizzjonali tas-Sudan (bħala Ministru tal-Kabinett għall-Paċi), kif ukoll in-NU; billi Dr Medani rrappreżenta vittmi ta’ vjolazzjonijiet u semma' leħnu b’mod persistenti kontra l-abbuż tal-poter u ngħata l-'Premju Eroj għad-Drittijiet tal-Bniedem 2013' mid-Delegazzjoni tal-UE fis-Sudan għall-isforzi lokali u internazzjonali tiegħu fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

D. billi Dr Medani safa arrestat ftit wara li rritorna minn Addis Ababa, wara li kien iffirma s-'Sejħa tas-Sudan' f’isem organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili — impenn ta' ħidma favur tmiem il-kunflitti li għaddejjin f’reġjuni differenti tas-Sudan u favur riformi legali, istituzzjonali u ekonomiċi; billi Farouk Abu Issa, mexxej tal-Forum ta' Kunsens Nazzjonali tal-oppożizzjoni, u Dr Farah Ibrahim Mohamed Alagar ġew arrestati b’mod simili fis-6 u s-7 ta' Diċembru 2014 rispettivament, wara l-involviment tagħhom mas-'Sejħa tas-Sudan';

E.  billi d-dikjarazzjoni, li timpenja lill-firmatarji jtemmu l-gwerer u l-kunflitti, ġiet ffirmata mir-rappreżentanti ta’ gruppi politiċi u tal-oppożizzjoni, inkluż il-Partit tal-Umma Nazzjonali, il-Forzi ta' Konsensus Nazzjonali u l-Front Rivoluzzjonarju tas-Sudan (SRF); billi d-dikjarazzjoni hija estensjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tat-8 ta' Awwissu 2014, li ffirmawha l-SRF u l-Partit tal-Umma Nazzjonali, b'dan tal-aħħar rappreżentat minn Sadiq Al Mahdi;

F.  billi l-arrest ta' Dr Medani huwa rappreżentattiv tal-politiki ripressivi eżerċitati mill-awtoritajiet Sudaniżi biex jipprevjenu dibattitu politiku leġittimu u paċifiku, li l-awtoritajiet użawhom biex jirrestrinġu l-libertajiet tal-opinjoni, tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, u huwa eżempju ieħor ta’ detenzjoni illegali u arbitrarja min-naħa tan-NISS;

G. billi l-gvernijiet għandhom ir-responsabbiltà ewlenija li jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini tagħhom; billi l-kunflitt bejn il-gvern u ċ-ċittadini jrid jiġu solvut b’mezzi politiċi permezz ta’ negozjati;;

H. billi s-Sudan għaddej minn perjodu kritiku ta’ djalogu politiku, li fih persunaġġi bħal Dr Medani huma tant meħtieġa biex iħaddmu l-għarfien espert tagħhom fil-proċess ta’ riforma;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-arrest u d-detenzjoni arbitrarji ta’ Dr Medani u ta' attivisti paċifiċi oħra bħala ksur illegali tal-attivitajiet paċifiċi u leġittimi tagħhom rigward il-politika u d-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jinħelsu minnufih u bla kundizzjonijiet;

2.  Għadu mħasseb dwar id-detenzjoni kurrenti u l-kundizzjoni ta’ membri tal-partiti tal-oppożizzjoni, attivisti żgħażagħ, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti fis-Sudan; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan biex jiggarantixxi l-eżerċizzju paċifiku tal-libertajiet tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda; jitlob li l-awtoritajiet Sudaniżi jtemmu l-atti kollha ta’ fastidju u intimidazzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi, u jottemperaw ruħhom man-normi u l-istandards internazzjonali rilevanti;

3.  Jitlob lill-awtoritajiet Sudaniżi jirrestawraw u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali skont id-dritt internazzjonali, inklużi l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda, il-libertà tar-reliġjon, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza l-importanza ta’ sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u aċċessibbli biex isseddaq ir-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni;

4.  Jitlob lill-Gvern tas-Sudan jirrevedi l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali, li jippermetti d-detenzjoni ta’ persuni suspetti sa erba’ xhur u nofs mingħajr ebda forma ta’ skrutinju ġudizzjarju, u barra minn hekk jitlob li l-Gvern tas-Sudan jirriforma s-sistema legali tiegħu bi qbil ma' standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-iffirmar tal-Ftehimiet dwar id-Djalogu Nazzjonali u l-Proċess Kostituzzjonali li jħeġġu lill-gruppi kollha biex jirrinunzjaw għall-vjolenza bħala mezz ta' bidla politika u li jimpenjawhom favur djalogu u negozjar nazzjonali mingħajr dewmien; jenfasizza l-importanza tal-proċess ta’ Djalogu Nazzjonali, li huwa l-aħjar opportunità għal progress lejn paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali u lejn governanza demokratika fis-Sudan;

6.  Għadu mħasseb ħafna, madankollu, dwar il-kunflitti li għaddejjin fis-Sudan, b’mod partikolari f’Darfur, fil-Kordofan t'Isfel u fil-Blue Nile, kif ukoll dwar il-vjolazzjonijiet li jmorru magħhom kontra d-dritt umanitarju u d-drittijiet tal-bniedem, flimkien ma' emerġenza umanitarja gravi, li qed ikomplu jikkawżaw tbatija enormi lill-bnedmin u spostamenti interni, u li jirrappreżentaw riskju għall-istabbiltà reġjonali;

7.  Itenni, bi qbil mad-Djalogu Nazzjonali, li għandu jkun hemm djalogu sinifikattiv bil-parteċipazzjoni tal-partiti tal-oppożizzjoni kif ukoll tas-soċjetà ċivili, inklużi l-gruppi tan-nisa; jenfasizza li d-djalogu għandu jinkludi partijiet interessati minn kull reġjun tas-Sudan u jirrifletti d-diversità etnika, reliġjuża u kulturali sħiħa tas-Sudan;

8.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jindirizzaw il-kunflitti interni tas-Sudan, kwistjonijiet bħalma huma l-emarġinazzjoni soċjoekonomika, it-tqassim inugwali tar-riżorsi, l-esklużjoni politika u n-nuqqas ta’ aċċess għas-servizzi pubbliċi, permezz ta’ Djalogu Nazzjonali li jħaddan l-identità u l-ugwaljanza soċjali tal-gruppi kollha; jappoġġja, f'dan il-kuntest, arranġamenti ta’ governanza ġodda u inklussivi, kostituzzjoni definittiva u pjan direzzjonali biex isiru elezzjonijiet nazzjonali;

9.  Jissottolinja l-fatt li d-Djalogu Nazzjonali jirnexxi biss jekk jitwettaq f’atmosfera fejn il-libertajiet tal-espressjoni, tal-midja, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda jkunu garantiti; għaldaqstant, jitlob li l-priġunieri politiċi kollha jinħelsu, u li l-prattiki ta' detenzjoni arbitrarja jintemmu minnufih; jitlob li l-Gvern Sudaniż jirrevoka l-piena tal-mewt, li għadha fis-seħħ, u jikkommuta s-sentenzi tal-mewt f'sanzjonijiet alternattivi xierqa;

10. Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom favur djalogu bejn is-Sudan, is-Sudan t’Isfel u l-pajjiżi ġirien, biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Ftehim ta’ Paċi Komprensiv tal-2005, kif ukoll il-Ftehimiet ta’ Addis Ababa tal-2012, u jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni pendenti;

11. Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jappoġġjaw id-Djalogu Nazzjonali, il-Panel ta' Livell Għoli tal-Unjoni Afrikana għall-Implimentazzjoni (AUHIP) u r-Rappreżentant Speċjali Konġunt tan-NU u l-Unjoni Afrikana f'Darfur, u jfaħħar lill-President Mbeki għall-isforzi tiegħu biex jippromwovi Djalogu Nazzjonali ġenwin;

12. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-vjolazzjonjiet, li għadhom għaddejjin u li huma frekwenti, tad-drittijiet tan-nisa fis-Sudan, b'mod partikolari skont l-Artikolu 152 tal-Kodiċi Penali; jitlob bil-ħerqa lill-awtoritajiet Sudaniżi biex jiffirmaw u jirratifikaw bla dewmien il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

13. Jitlob lill-Gvern tas-Sudan, l-oppożizzjoni u l-movimenti armati biex jutilizzaw il-momentum tad-Djalogu Nazzjonali biex juru s-sens ta' tmexxija li huwa meħtieġ ħalli s-Sudan jaqbad triqtu lejn il-paċi, il-prosperità u l-ġustizzja; jissottolinja, għal darb' oħra, l-importanza tal-ġlieda kontra l-impunità;

14. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li s-sitwazzjoni umanitarja sejra għall-agħar f’bosta reġjuni tas-Sudan, u b’mod partikolari dwar ir-restrizzjonijiet ta' aċċess li għadhom imposti fuq aġenziji u organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali; jitlob, għal darb' oħra, lill-Gvern tas-Sudan, kif ukoll il-movimenti armati, biex jiggarantixxu lill-aġenziji umanitarji aċċess sikur, f'waqtu u bla xkiel għaż-żoni kollha, b’mod partikolari fiż-żoni milquta mill-ġlied, skont prinċipji umanitarji internazzjonali;

15. Jiddenunzja l-abbozz tal-gvern dwar l-NGOs, li jirrestrinġi l-kapaċità tal-NGOs li jipprovdu l-għajnuna umanitarja tant meħtieġa lis-Sudan u li jkompli jgħarraq iċ-ċirkostanzi diġà diffiċli li l-NGOs iħabbtu wiċċhom magħhom fil-pajjiż — xejra dejjem tikber ta' intimidazzjoni u interferenza mmirati lejn ħaddiema umanitarji, kif ukoll it-trażżin tas-soċjetà ċivili u tal-libertajiet demokratiċi;

16. Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jissoktaw fl-impenn tagħhom favur is-sostenn lis-Sudan u lill-poplu tas-Sudan fit-tranżizzjoni tagħhom lejn demokrazija riformata internament;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP).