Proċedura : 2014/2965(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0008/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0008/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 169kWORD 106k
14.1.2015
PE545.688v01-00}
PE547.441v01-00}
PE547.443v01-00}
PE547.444v01-00}
PE547.452v01-00} RC1
 
B8-0008/2015}
B8-0018/2015}
B8-0020/2015}
B8-0021/2015}
B8-0029/2015} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

S&D (B8‑0008/2015)

Verts/ALE (B8‑0018/2015)

ECR (B8‑0020/2015)

ALDE (B8‑0021/2015)

PPE (B8‑0029/2015)


dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2965(RSP))


Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Jacek Saryusz-Wolski, Arnaud Danjean, Andrej Plenković, Sandra Kalniete, Jerzy Buzek, David McAllister, Esther de Lange, Michael Gahler, Francisco José Millán Mon, Ivo Belet, Daniel Caspary, Lorenzo Cesa, Anna Maria Corazza Bildt, Andrzej Grzyb, Tunne Kelam, Alojz Peterle, Eduard Kukan, Gabrielius Landsbergis, György Schöpflin, Traian Ungureanu, Davor Ivo Stier, Monica Macovei, Dubravka Šuica, László Tőkés, Jarosław Wałęsa, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Michał Boni, Michaela Šojdrová, Mariya Gabriel, Claude Rolin, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Joachim Zeller, Giovanni La Via, Barbara Matera, Pascal Arimont, Ivana Maletić, Andrea Bocskor, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Dariusz Rosati, Inese Vaidere, Jaromír Štětina, József Nagy f'isem il-Grupp EFD
Knut Fleckenstein, Victor Boștinaru, Richard Howitt, Tonino Picula, Liisa Jaakonsaari, Ana Gomes, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Pașcu, Kati Piri, Goffredo Maria Bettini, Neena Gill, Alessia Maria Mosca, Miroslav Poche, Michela Giuffrida, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Sorin Moisă, Nicola Caputo, Andi Cristea, Miltiadis Kyrkos, Tanja Fajon, Javi López, Victor Negrescu, Jeppe Kofod, Viorica Dăncilă, Zigmantas Balčytis, Arne Lietz, Afzal Khan, Boris Zala, Tibor Szanyi, David Martin, Soraya Post, Elena Valenciano, István Ujhelyi, Marju Lauristin f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Czarnecki, Mark Demesmaeker, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Karol Karski, Roberts Zīle, Stanisław Ożóg, Valdemar Tomaševski, Zbigniew Kuźmiuk, Geoffrey Van Orden, Kazimierz Michał Ujazdowski, Jadwiga Wiśniewska f'isem il-Grupp ECR
Petras Auštrevičius, Louis Michel, Catherine Bearder, Fredrick Federley, Paavo Väyrynen, Kaja Kallas, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Ivo Vajgl, Urmas Paet, Pavel Telička, Juan Carlos Girauta Vidal, Dita Charanzová, Fernando Maura Barandiarán, Beatriz Becerra Basterrechea, Ilhan Kyuchyuk, Martina Dlabajová, Ivan Jakovčić, Jozo Radoš, Petr Ježek, Gérard Deprez, Alexander Graf Lambsdorff, Marietje Schaake, Philippe De Backer f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Heidi Hautala, Benedek Jávor f'isem il-Grupp Verts/ALE
Valentinas Mazuronis

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2965(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat u s-Sħubija tal-Lvant (SL),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet preliminari tal-OSKE/ODHIR dwar l-elezzjonijiet parlamentari bikrin fl-Ukraina fis-26 ta' Ottubru 2014,

-    wara li kkunsidra t-tmien rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina tal-15 ta' Diċembru 2014 u r-rapport tas-sitwazzjoni tal-Ukraina nru 22 sa mis-26 ta' Diċembru 2014 mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA),

–   wara li kkunsidra l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina (FA) fis-27 ta' Ġunju 2014, li jinkludi Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA), u r-ratifika simultanja tiegħu min-naħa tal-Parlament Ewropew u tal-Verkhovna Rada fis-16 ta' Settembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Mink tal-5 ta' Settembru 2014 u l-Memorandum ta' Minsk tad-19 ta' Settembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' paċi kompost minn 12-il punt,

–   wara li kkunsidra r-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' Novembru 2014 dwar il-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina tal-Lvant u r-rapporti ta' Human Rights Watch dwar l-abbużi fil-Krimea,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kummissjoni NATO-Ukraina tat-2 ta' Diċembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina tal-21 ta' Marzu 2014, tas-27 ta' Ġunju 2014, tas-16 ta' Lulju 2014, tat-30 ta' Awwissu 2014 u tat-18 ta' Diċembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-eżitu tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina tal-15 ta' Diċembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-26 ta' Ottubru l-Ukraina organizzat elezzjonijiet parlamentari li tmexxew b'mod effiċjenti, paċifiku u f'ordni u fir-rispett ġenerali tal-libertajiet fundamentali, minkejja l-kunflitt li kien għaddej fir-reġjuni tal-Lvant u l-annessjoni tal-Krimea mir-Russja;

B.  billi l-gvern il-ġdid, iffurmat mill-forzi pro-Ewropej, għandu maġġoranza kostituzzjonali biex imexxi 'l quddiem ir-riformi u diġà adotta l-ftehim ta' koalizzjoni li joħloq l-pedamenti għal proċess ta' riforma rigoruż immirat lejn it-trawwim ta' aktar integrazzjoni Ewropea, modenizzazzjoni, żvilupp tal-pajjiż u stabbiliment ta' demokrazija u stat tad-dritt ġenwini kif ukoll żvilupp tal-modifiki kostituzzjonali kif propost mill-pjan ta' paċi tal-President Poroshenko;

C.  billi l-hekk imsejħa "elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali" li saru f'Donetsk u f'Luhansk fit-2 ta' Novembru 2014 kisru d-dritt Ukrain u l-ftehimiet ta' Minsk, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu rikonoxxuti; billi l-organizzazzjoni ta' dawn l-elezzjonijiet kellha impatt negattiv fuq il-proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni;

D.  billi l-waqfien mill-ġlied tal-5 ta' Settembru 2014 inkiser mis-separatisti u mill-forzi Russi kuljum; billi mid-9 ta' Diċembru 2014, bis-saħħa tal-inizjattiva tal-President Poroshenko li appella għal "reġim ta' silenzju", in-numru ta' ksur naqas drastikament; billi, madankollu, il-punti ewlenin tal-memorandum tad-19 ta' Settembru ma ġewx implimentati mis-separatisti appoġġati mir-Russja; billi, skont sorsi kredibbli, ir-Russja għadha tappoġġa l-milizzji separatisti permezz ta' fluss kostanti ta' tagħmir militari, merċenarji u unitajiet regolari Russi, inklużi tankijiet kbar tal-gwerra, artillerija u sistemi kontra l-inġenji tal-ajru sofistikati;

E.  billi l-kunflitt armat fil-parti tal-Lvant tal-Ukraina rriżulta f'eluf ta' vittmi militari u ċivili, b'ħafna aktar feruti u mijiet ta' eluf ħarbu minn djarhom, il-biċċa l-kbira lejn ir-Russja, filwaqt li s-sitwazzjoni fiż-żona ta' kunflitt hija kwistjoni ta' tħassib kbir kemm mil-lat umanitarju kif ukoll minn dak ta' saħħa;

F.  billi l-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea kienet l-ewwel każ ta' inkorporazzjoni forzata ta' parti minn pajjiż min-naħa ta' ieħor fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija u tikser id-dritt internazzjonali, inklużi l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Att Finali ta' Ħelsinki u l-Ftehim ta' Budapest tal-1994;

G.  billi l-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tas-17 ta' Novembru 2014 ħa deċiżjoni fil-prinċipju dwar aktar sanzjonijiet immirati lejn il-mexxejja separatisti;

H.  billi għadhom qed isiru ħafna abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kemm fil-Lvant okkupat tal-Ukraina kif ukoll fil-Krimea, imġarrba b'mod partikolari mit-Tatari tal-Krimea, fosthom l-intimidazzjoni u mewġa ġdida ta' każijiet ta' persuni nieqsa;

I.  billi kooperazzjoni eqreb bejn l-UE u l-Istati Uniti f'politiki marbuta mal-Ukraina tkun ta' benefiċċju;

J.  billi, fit-23 ta' Diċmebru 2014, il-Parlament Ukrain ivvota biex jirrinunzja għall-istatus ta' pajjiż mhux allineat;

1.  Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-Ukraina u mal-poplu tagħha; itenni għal darb'oħra l-impenn tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità, l-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri u l-għażla Ewropea tal-Ukraina;

2.  Jikkundanna l-atti ta' terroriżmu u ta' mġiba kriminali tas-separatisti u tal-forzi irregolari l-oħra fl-Ukraina tal-Lvant;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-valutazzjoni pożittiva tal-elezzjonijiet ġenerali tas-26 ta' Ottubru 2014, minkejja ċirkostanzi ta' sigurtà u ta' politika ibsin, u l-inawgurazzjoni sussegwenti tal-Verkhovna Rada l-ġdida; jilqa' pożittivament l-impenn politiku qawwi tal-President Poroshenko, tal-Prim Ministru Yatsenyuk u tal-kelliem Groysman biex jikkooperaw flimkien u jsaħħu l-proċess ta' riforma rigoruż; iħeġġeġ bis-sħiħ lill-gvern u lill-parlament il-ġodda tal-Ukraina jadottaw u jimplimentaw ir-riformi politiċi u soċjoekonomiċi tant meħtieġa mingħajr dewmien sabiex jinbena stat demokratiku u prosperu bbażat fuq l-istat tad-dritt;

4.  Jiddispjaċih li bħala riżultat tas-sitwazzjoni attwali fil-pajjiż, mhux il-partijiet kollha tat-territorju u l-popolazzjoni tal-Ukraina huma rappreżentati fil-Verkhovna Rada; ifakkar li l-Gvern u l-Parlament tal-Ukraina għandhom bżonn jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet u l-ħtiġijiet ta' dawk iċ-ċittadini li ma għandom l-ebda rappreżentanza fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-istat;

5.  Jikkundanna b'enerġija l-politika aggressiva u espansjonistika tar-Russja, li tikkostitwixxi theddida għall-unità u għall-indipendenza tal-Ukraina u toħloq theddida potenzjali għall-Unjoni Ewropea nnifisha, inkluża l-annessjoni illegali tal-Krimea u gwerra ibrida mhux dikjarata kontra l-Ukraina, inklużi l-gwerra ta' informazzjoni, fejn jiġu kkombinati elementi ta' gwerra ċibernetika, użu ta' forzi regolari u irregolari, propaganda, pressjonijiet ekonomiċi, rikatti fil-qasam tal-enerġija, diplomazija u destabbilizzazzjoni politika; jenfasizza li dawn l-azzjonijiet imorru kontra d-dritt internazzjonali u jikkostitwixxu sfida gravi għall-qagħda tas-sigurtà Ewropea; jenfasizza li ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għall-użu ta' forza militari fl-Ewropa għad-difiża tal-hekk imsejħa raġunijiet storiċi u ta' sigurtà jew għall-protezzjoni tal-hekk imsejħin "kompatrijotti li jgħixu barra mill-pajjiż"; jistieden lil Moska tieqaf taggrava s-sitwazzjoni billi twaqqaf minnufih il-fluss ta' armi, merċenarji u truppi f'appoġġ tal-milizzji separatisti u tuża l-influwenza tagħha mas-separatisti biex tikkonvinċihom jidħlu fi proċess politiku;

6.  Jappella għat-tkomplija tar-reġim ta' sanzjonijiet attwali tal-UE, partikolarment fid-dawl tal-laqgħa imminenti tal-Kunsill f'Marzu 2015, sakemm ma r-Russja ma tirrispettax bis-sħiħ u, fuq kollox, tottempera għall-obbligi ta' Minsk tagħha, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssib modi kif iżżid is-solidarjetà fost l-Istati Membri f'każ li l-kriżi mar-Russja tkompli; jisħaq fuq il-bżonn ta' adozzjoni ta' ġabra ċara ta' punti ta' riferiment li, meta jintlaħqu, jistgħu jipprevjenu l-impożizzjoni ta' miżuri restrittivi ġodda kontra r-Russja jew iwasslu għar-revoka ta' dawk preċedenti, fosthom: l-implimentazzjoni ta' waqfien mill-ġlied, l-irtirar inkundizzjonat mill-Ukraina tat-truppi Russi u tal-gruppi armati u tal-merċenarji illegali appoġġati mir-Russja kollha, l-iskambju tal-priġunieri kollha fosthom Nadia Savchenko u l-kontroll mill-ġdid tal-Ukraina fuq it-territorju kollu tagħha, inkluża l-Krimea; fil-każ ta' kwalunkwe azzjoni addizzjonali Russa li tiddestabbilizza l-Ukraina, jistieden lill-Kunsill Ewropew jieħu aktar miżuri restrittivi, u jwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom billi jkopri s-settur nukleari u billi jillimita l-kapaċità tal-entitajiet Russi li jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji internazzjonali; jirrikonoxxi li l-UE trid tkun lesta tappoġġa l-Istati Membri li huma mal-fruntiera u li għandhom jingħataw l-istess livell ta' sigurtà bħall-Istati Membri kollha;

7.  Jemmen li s-sanzjonijiet għandhom ikunu parti minn approċċ usa' tal-UE fil-konfront tar-Russja u mill-isforzi tar-RGħ/VP intiżi li jsaħħu d-djalogu; ifakkar li l-għan uniku ta' dawn is-sanzjonijiet hu li jorbot lill-Gvern Russu jbiddel il-politika attwali tiegħu u jikkontribwixxi b'mod siewi għal soluzzjoni paċifika tal-kriżi tal-Ukraina; jenfasizza li ż-żamma, it-tisħiħ jew r-reversibilità tal-miżuri restrittivi tal-UE jiddependu mill-attitudni tar-Russja u mis-sitwazzjoni fl-Ukraina;

8.  Jenfasizza li l-kanali politiċi u diplomatiċi lejn ir-Russja għandhom jibqgħu miftuħa sabiex jippermettu soluzzjonijiet diplomatiċi għall-kunflitt, u għalhekk jappoġġa l-formati bħal ta' Ġinevra u tan-Normandija jekk jistgħu jinkisbu riżultati tanġibbli;

9.  Jappoġġa l-politika li ma tiġix rikonoxxuta l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja u, f'dan il-kuntest, jieħu nota pożittiva tas-sanzjonijiet addizzjonali li ġew adottati dan l-aħħar fuq l-investimenti, is-servizzi u l-kummerċ fir-rigward tal-Krimea u ta' Sevastopol;

10. Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-FA/DCFTA għandha tikkostitwixxi pjan direzzjonali għal riformi rapidi meħtieġa li hemm bżonn jiġu implimentati b'mod urġenti, minkejja l-kuntest diffiċli tal-gwerra f'partijiet tar-reġjuni ta' Luhansk u ta' Donetsk; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistinkaw biex jgħinu lill-Ukraina fl-adozzjoni u, fuq kollox, fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi bil-ħsieb li titwitta t-triq għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bilaterali UE-Ukraina; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, it-tnedija tal-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea (EUAM); jikkondividi l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja li, sabiex riforma kostituzzjonali tirnexxi, huwa essenzjali li r-riforma tkun ippreparata b'mod inklużiv, billi jiġu żgurati l-konsultazzjonijiet pubbliċi wesgħin;

11. Jappella għal assistenza teknika aktar rapida u sostanzjali mill-"Grupp ta' Appoġġ għall-Ukraina" tal-Kummissjoni, inkluża l-identifikazzjoni tas-setturi li fihom tali assistenza hija meħtieġa biex l-Ukraina tingħata appoġġ fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' programm ta' riformi komprensiv u fir-rikors għal konsulenti u esperti mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri; jistieden lill-awtoritajiet Ukraini joħolqu Ministeru jew Uffiċċju għall-Koordinament tal-Assistenza u għall-Integrazzjoni fl-UE, kif ukoll kumitat ta' koordinament interministerjali ta' livell għoli, li jiġu fdati bis-setgħat biex jimmonitorjaw u jissorveljaw b'mod effikaċi l-progress ta' tqarrib lejn l-UE u r-riformi u li jkunu jistgħu jħejju u jikkoordinaw l-implimentazzjoni tagħhom;

12. Jemmen bis-sħiħ li fl-Ukraina hemm ħtieġa urġenti ta' programm ambizzjuż kontra l-korruzzjoni, inkluża tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni; jistieden lill-mexxejja Ukraini jiżradikaw il-korruzzjoni sistematika permezz tal-implimentazzjoni immedjata u effikaċi tal-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni, u jisħaq fuq il-fatt li l-ġlieda kontra din il-prattika għandha tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-gvern il-ġdid; jagħti parir, għal dan il-għan, biex jitwaqqaf Uffiċċju kontra l-Korruzzjoni li jkun politikament indipendenti, mogħni b'kompetenzi u riżorsi suffiċjenti sabiex jikkontribwixxi b'mod sinifikanti fit-tiswir ta' istituzzjonijiet tal-istat li jiffunzjonaw sew; jilqa' t-talba tal-Ukraina indirizzata lill-Interpol u l-ħruġ ta' mandat ta' arrest għall-ex President Yanukovych b'akkużi ta' approprjazzjoni indebita ta' fondi pubbliċi; jistieden lill-Istati Membri jwettqu l-mandat ta' arrest tal-Interpol u jirkupraw l-assi misruqa; jilqa' t-twaqqif tal-istituzzjoni "Business Ombudsman"; jistieden lill-Gvern Ukrain jippreżenta abbozz ta' liġi dwar it-twaqqif ta' "Business Ombudsman";

13. Ifakkar li fis-16 ta' Lulju, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea revoka l-embargo fuq l-armi minn fuq l-Ukraina, u għaldaqstant issa ma hemm l-ebda oġġezzjoni, inkluzi restrizzjonijiet ġuridiċi, għall-Istati Membri biex jipprovdu armi ta' difiża lill-Ukraina; iqis li l-UE għandha teżamina modi kif tappoġġa lill-gvern Ukrain fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' difiża tiegħu u l-ħarsien tal-fruntieri esterni tiegħu, abbażi tal-esperjenza tat-trasformazzjoni tal-forzi armati tal-Istati Membri tal-UE li kienu membri tal-Patt ta' Varsavja, b'mod speċjali fil-qafas ta' missjonijiet ta' taħriġ diġà pprovduti lil forzi armati f'partijiet oħra tad-dinja; jappoġġa l-kunsinna eżistenti ta' tagħmir mhux letali;

14. Jinnota l-adozzjoni ta' liġi li tneħħi l-"istatus newtrali" tal-istat, li ġie introdott fl-2010; filwaqt li jirrikonoxxi d-dritt tal-Ukraina li tagħmel l-għażliet proprji, jappoġġa l-pożizzjoni tal-President Poroshenko dwar il-fatt li l-Ukraina issa teħtieġ urġentement li tiffoka fuq riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali u li l-adeżjoni man-NATO hija kwistjoni li għandha tgħaddi mill-ġudizzju tal-poplu f'referendum fl-Ukraina kollha fi stadju aktar tard; jenfasizza li relazzjoni aktar mill-qrib tal-Ukraina mal-UE hija distinta mill-kwistjoni ta' adeżjoni tan-NATO:

15. Jenfasizza l-importanza ta' impenn mill-komunità internazzjonali biex tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika u politika u r-riforma fl-Ukraina; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw pjan maġġuri ta' asisstenza għall-Ukraina bbażat fuq il-prinċipji "aktar għal aktar" u l-kondizzjonalità, u jżidu l-isforzi tagħhom fl-għoti ta' assistenza lill-Ukraina, billi, fost l-oħrajn, jorganizzaw konferenza dwar id-donaturi u l-investiment u jikkooperaw mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bil-għan li jiddefinixxu l-passi ulterjuri sabiex jindirizzaw l-irkupru ekonomiku u finanzjarju tal-Ukraina; jilqa' l-pakkett ta' sostenn ta' EUR 11-il biljun għall-Ukraina li se jkunu qed jinħarġu matul il-ftit snin li ġejjin, u jilqa' wkoll il-proposta tal-Kummissjoni li testendi EUR 1.8 biljun oħra f'self fuq perjodu ta' żmien medju;

16. Itenni l-opinjoni tiegħu, f'dan ir-rigward, li dan il-ftehim ma jikkostitwixxix l-għan aħħari tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina; jirrimarka, barra minn hekk, li skont l-Artikolu 49 tat-TUE, l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – għandha perspettiva Ewropea u tista' tapplika sabiex issir membru tal-Unjoni Ewropea, sakemm taderixxi mal-kriterji ta' Kopenħagen u l-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittjiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi kif ukoll tiżgura l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jirratifikaw il-FA qabel is-samit ta' Riga;

17. Jisħaq fuq l-importanza tas-sigurtà tal-enerġija fl-Ukraina u jissottolinja l-ħtieġa għal riformi fis-settur tal-enerġija tal-Ukraina, f'konformità mal-Impenji tagħhom fi ħdan il-Komunità tal-Enerġija; jilqa' l-ftehim bejn l-UE, ir-Russja u l-Ukraina fir-rigward tal-pakkett għax-xitwa li jiggarantixxi l-kunsinna tal-gass mir-Russja sa Marzu 2015, u s-solidarjetà li wriet l-UE bl-ammonti ta' gass li qed jaslu fl-Ukraina permezz tal-flussi fid-direzzjoni opposta li ġejjin mill-Istati Membri tal-UE;

18. Jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu b'mod radikali s-sigurtà, l-indipendenza u r-reżiljenza mill-pressjoni esterna tal-enerġija tal-UE, kif ukoll li titnaqqas id-dipendenza enerġetika tal-UE fuq ir-Russja, filwaqt li jiġu stabbiliti alternattivi konkreti sabiex tingħata għajnuna lil dawk l-Istati Membri li attwalment jiddependu fuq ir-Russja bħala fornitur uniku; jistieden lill-UE taħdem biex tikseb Politika Esterna Komuni dwar l-Enerġija, kif ukoll toħloq Unjoni tal-Enerġija Ewropea; iħeġġeġ l-infurzar sħiħ tas-suq komuni tal-enerġija intern, u l-inklużjoni tat-tielet pakkett tal-enerġija u t-tkomplija indiskriminata tal-kawża pendenti fil-qorti kontra Gazprom;

19. Jisħaq fuq il-fatt li għandha tingħata prijorità lill-proġett tal-pipeline li jiddiversifika l-provvista tal-enerġija tal-UE, u jilqa' l-waqfien tal-proġett South Stream; jistieden lill-Komunità Ewropea tal-Enerġija toħloq aġenda ta' kooperazzjoni mal-Ukraina, kif ukoll mal-Kawkasu tan-Nofsinhar, l-Asja Ċentrali, il-Lvant Nofsani u l-pajjiżi Mediterranji, maħsuba biex tiżviluppa infrastruttura u interkonnettività bejn l-UE u l-ġirien Ewropej indipendentement mill-ġeopolitika tal-gass tar-Russja; jirrikonoxxi l-fatt li l-provvisti stabbli ta' gass li qed jaslu l-Ukraina wkoll huma kruċjali biex jiżguraw is-sigurtà tal-enerġija tal-Istati Membri;

20. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE, flimkien mal-awtoritajiet Ukraini, jiddedikaw aktar attenzjoni lill-kriżi umanitarja fl-Ukraina u l-Krimea, u jindirizzaw is-sitwazzjoni umanitarja katastrofika, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-IDPs (persuni spostati f'pajjiżhom); jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet iħejju azzjoni umanitarja li ilha biex issir, b'saħħitha u diretta, filwaqt li jħallu barra organizzazzjonijiet intermedjarji, f'forma ta' azzjoni umanitarja tat-tip "Konvoj Blu", li tkun immarkata b'mod ċar li ġejja mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta dan il-pjan ta' azzjoni lill-Parlament Ewropew fix-xahrejn li ġejjin; jisħaq fuq il-ħtieġa għal aktar assistenza għall-Ukraina min-naħa tal-UE u l-Istati Membri sabiex din tkun tista' tlaħħaq mal-kriżi umanitarja estrema; itenni t-twissijiet mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-fatt li l-Lvant tal-Ukraina qed iħabbat wiċċu ma' emerġenza fil-qasam tas-saħħa, minħabba l-fatt li l-isptarijiet mhumiex jiffunzjonaw għalkollox u hemm skarsezza ta' mediċini u vaċċini, u jappella biex tingħata assistenza umanitarja aktar effikaċi lill-persuni spostati f'pajjiżhom, fir-rigward, b'mod partikolari, tat-tfal u tal-anzjani, u jitlob ukoll li l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar jingħata aċċess sħiħ u mingħajr xkiel għaż-żoni tal-kunflitt; jilqa' l-promulgazzjoni tal-liġi tal-IDP tant mistennija, kif ukoll id-deċiżjoni li jiġu skjerati esperti tal-UE permezz tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea biex tagħti pariri lill-awtoritajiet tal-Ukraina dwar kwistjonijiet tal-IDP;

21. Jitlob għal aktar għajnuna u assistenza umanitarji għall-popolazzjonijiet milquta mill-kunflitt; ifakkar li t-twassil ta' għajnuna umanitarja fil-Lvant tal-Ukraina jrid isir f'konformità sħiħa mad-dritt umanitarju internazzjonali u mal-prinċipji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza u f'koordinament mill-qrib mal-Gvern Ukrain, man-NU u mal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA); jistieden lir-Russja tippermetti spezzjoni internazzjonali ta' bastimenti umanitarji lejn Donbas sabiex jittajru d-dubji dwar il-merkanziji tagħhom;

22. Jenfasizza l-fatt li l-OSKE għandha rwol ewlieni fis-soluzzjoni tal-kriżi tal-Ukraina minħabba l-esperjenza tagħha bil-mod kif tindirizza l-kunflitti armati u l-kriżijiet, u l-fatt li kemm il-Federazzjoni Russa kif ukoll l-Ukraina huma membri ta' din l-organizzazzjoni; jiddispjaċih li l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE għadha nieqsa mill-persunal u, sussegwentment, qiegħda tipproduċi riżultati insuffiċjenti; jistieden lill-Istati Membri, lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni jagħmlu aktar sforzi sabiex tissaħħaħ il-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukraina permezz ta' persunal u tagħmir; jemmen li l-UE għandha tiskjera, jekk mitluba mill-awtoritajiet Ukraini, missjoni ta' monitoraġġ tal-UE li tikkontribwixxi għal kontroll u monitoraġġ effikaċi tal-fruntiera bejn l-Ukraina u r-Russja;

23. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli Mogherini u l-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiffaċilitaw soluzzjoni politika għall-kriżi fl-Ukraina li tkun rispettata mill-partijiet kollha involuti; jenfasizza li soluzzjoni bħal din għandha tevita xenarju ta' kunflitt iffriżat fil-Lvant tal-Ukraina kif ukoll fil-Krimea; jistieden lir-RGħ/VP ifassal approċċ li jgħaqqad flimkien pożizzjoni msejsa fuq il-prinċipji u b'saħħitha f'dak li għandu x'jaqsam mas-sovranità, l-integrità territorjali u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, mal-ħidma biex tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata għall-kriżi fil-Lvant tal-Ukraina u l-Krimea; itenni li l-għaqda u l-koeżjoni tal-Istati Membri tal-UE huma prerekwiżiti għas-suċċess ta' kwalunkwe strateġija tal-UE fir-rigward tar-Russja; f'dan il-kuntest, jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri jastjenu minn azzjonijiet u retorika unilaterali, u jintensifikaw l-isforzi biex tiżviluppa pożizzjoni komuni Ewropea fil-konfront tar-Russja;

24. Jitlob li jerġa' jibda djalogu nazzjonali ġenwin u inklużiv li jkun jista' jwassal ukoll għal soluzzjoni għall-ħlas ta' allowances soċjali u pensjonijiet u l-għoti ta' assistenza umanitarja mill-Gvern Ukrain lill-popolazzjoni fiż-żona tal-kunflitt; huwa tal-fehma li huwa ta' importanza kruċjali li jiġu investigati b'mod imparzjali u effettiv l-azzjonijiet ewlenin kollha ta' vjolenza, inklużi dawk ta' Maidan, Odessa, Mariupol, Slovyansk, Ilovaysk u Rymarska; jemmen li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista' jkollhom rwol importanti fl-aġevolazzjoni ta' kuntatti interpersonali u fil-fehim komuni fl-Ukraina, kif ukoll fil-promozzjoni ta' tibdil demokratiku u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-UE żżid l-appoġġ tagħha favur is-soċjetà ċivili;

25. Jilqa' pożittivament id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Gvern Franċiż biex iwaqqaf il-forniment ta' "helicopter carriers" tal-klassi Mistral, u jappella lill-Istati Membri jieħdu approċċ simili fir-rigward tal-prodotti għal esportazzjoni mhux koperti mid-deċiżjonijiet tal-UE dwar sanzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-armi u l-materjali b'użu doppju;

26. Jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir biex fi żmien xahrejn jippreparaw u jippreżentaw strateġija ta' komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, bil-għan li jikkuntrastaw il-kampanja ta' propaganda Russa diretta lejn l-UE, il-ġirien tagħha tal-Lvant u r-Russja stess, kif ukoll sabiex jiżviluppaw strumenti li jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw il-kampanja ta' propaganda fil-livell Ewropew u nazzjonali;

27. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-investigazzjoni internazzjonali taċ-ċirkostanzi tat-twaqqigħ traġiku tat-titjira tal-Malaysian Airlines MH17 u jtenni l-appell tiegħu biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja; jiddispjaċih dwar l-ostakli li nibtu f'dan il-proċess u jħeġġeġ lill-partijiet kollha juru rieda ġenwina għal kooperazzjoni, jiggarantixxu aċċess sigur u mingħajr restrizzjonijiet għas-sit fejn waqa' l-ajruplan MH17 u jagħtu aċċess għar-riżorsi rilevanti l-oħra kollha li jistgħu jikkontribwixxu fl-investigazzjoni; jesprimi x-xewqa tiegħu li jinżamm infurmat dwar il-progress ta' din l-investigazzjoni;

28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-President tal-Ukraina, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Federazzjoni Russa, lill-Assemblea Parlamentari Euronest, u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

 

 

 

 

 

 

 

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza