Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0099/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0099/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet

9.2.2015 - (2015/2526(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE, S&D, ALDE (B8‑0099/2015)
Verts/ALE, GUE/NGL (B8‑0121/2015)
ECR (B8‑0130/2015)
EFDD (B8‑0131/2015)

Pilar del Castillo Vera, Sabine Verheyen, Jerzy Buzek, Michał Boni, Lara Comi f'isem il-Grupp PPE
Dan Nica, Petra Kammerevert, Renato Soru, José Blanco López, Miroslav Poche, Sorin Moisă, Nicola Danti, Eider Gardiazabal Rubial, Flavio Zanonato, Nicola Caputo, Doru-Claudian Frunzulică f'isem il-Grupp S&D
Evžen Tošenovský, Ashley Fox, Hans-Olaf Henkel, Marek Józef Gróbarczyk, Vicky Ford f'isem il-Grupp ECR
Kaja Kallas, Dita Charanzová, Pavel Telička, Marietje Schaake, Filiz Hyusmenova, Juan Carlos Girauta Vidal f'isem il-Grupp ALDE
Cornelia Ernst, Marisa Matias, Curzio Maltese, Younous Omarjee, Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric f'isem il-Grupp GUE/NGL
Michel Reimon, Julia Reda f'isem il-Grupp Verts/ALE
David Borrelli, Dario Tamburrano, Marco Zullo, Laura Ferrara f'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2015/2526(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0099/2015
Testi mressqa :
RC-B8-0099/2015
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet

(2015/2526(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2005 dwar is-soċjetà tal-informazzjoni[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2006 dwar soċjetà tal-informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2008 dwar it-tieni Forum dwar il-Governanza tal-Internet[3],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji u l-Pjan ta' Azzjoni tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS), adottati f'Ġinevra fit-12 ta' Diċembru 2003,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Lejn Sħubija Globali fis-Soċjetà tal-Informazzjoni: Mill-Prinċipji ta' Ġinevra għall-Azzjoni" (COM(2004)0480),

–   wara li kkunsidra l-Impenn ta' Tuneż u l-Aġenda ta' Tuneż għas-Soċjetà tal-Informazzjoni, adottati fit-18 ta' Novembru 2005,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni insegwitu tad-WSIS fl-2006 (COM(2006)181),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-governanza tal-internet: il-passi li jmiss[4],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni NETmundial tad-Diversi Partijiet Interessati, ippreżentata fl-24 ta' April 2014,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-Politika u l-Governanza tal-Internet – Ir-rwol tal-Ewropa fid-definizzjoni tal-futur tal-Governanza tal-Internet" (COM(2014)072);

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mressqa mid-delegazzjoni tal-UE lill-Forum dwar il-Governanza tal-Internet li sar mit-2 sal-5 ta' Settembru 2014 f'Istanbul,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-għan tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) huwa li jesegwixxi l-mandat tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS) fir-rigward tat-tlaqqigħ ta' fora għal djalogu ta' politika demokratiku, trasparenti u bbażat fuq diversi partijiet interessati;

B.  billi r-rwol u l-funzjoni ewlenin tal-IGF huma li jippermetti dibattitu dwar medda wiesgħa ta' kwistjonijiet marbuta mal-governanza tal-internet u, fejn ikun xieraq, li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-komunità internazzjonali;

C. billi fl-20 ta' Diċembru 2010 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċidiet li testendi l-mandat tal-IGF għal ħames snin oħra;

D. billi d-diskussjoni u d-deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-mandat tal-IGF se jsiru fl-2015, fl-Assemblea Ġenerali tan-NU;

E.  billi l-Parlament bagħat delegazzjoni ad hoc għad-WSIS fl-2005 u għamel hekk għal kull laqgħa annwali tal-IGF minn dakinhar s'issa;

F.  billi d-delegazzjonijiet ad hoc li bagħat il-Parlament żvolġew rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-valuri Ewropej u fl-interazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali li attendew għal dawn l-avvenimenti, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni;

G. billi l-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea matul id-disa' IGF li sar f'Settembru 2014, bit-tema ġenerali "Tlaqqigħ tal-Kontinenti għat-Tisħiħ tal-Governanza tal-Internet Ibbażata fuq Diversi Partijiet Interessati", kienu: aċċess globalment estiż għall-internet; iż-żamma tal-internet bħala riżorsa globali, miftuħa u komuni; aċċess mhux diskriminatorju għall-għarfien; responsabbiltà u trasparenza akbar fil-mudell għall-governanza tal-internet ibbażat fuq diversi partijiet interessati; ċaħda tal-idea ta' internet ikkontrollat mill-Istat; u r-rikonoxximent tal-fatt li l-libertajiet u d-drittijiet tal-bniedem fundamentali tagħna mhumiex negozjabbli u jridu jiġu protetti online;

H. billi fis-27 ta' Novembru 2014, il-ministri tat-trasport, it-telekomunikazzjonijiet u l-enerġija tal-UE approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill li jissottolinjaw l-importanza ta' pożizzjoni Ewropea kkoordinata dwar il-governanza tal-internet u ta' appoġġ għat-tisħiħ tal-IGF bħala pjattaforma li tinvolvi lil diversi partijiet interessati;

I.   billi f'Marzu 2014, l-entità tad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti inkarigata mill-amministrazzjoni nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet u l-informazzjoni (National Telecommunications and Information Administration – NTIA) ħabbret l-intenzjoni tagħha li tittrasferixxi l-funzjonijiet tas-superviżjoni tal-internet tal-awtorità inkarigata mill-allokazzjoni tan-numri fl-internet (Internet Assigned Numbers Authority – IANA) lill-komunità globali tad-diversi partijiet interessati qabel ma jiskadi l-kuntratt attwali bejn l-NTIA u l-korporazzjoni għall-attribuzzjoni tal-ismijiet u n-numri fl-internet (Internet Corporation for Assigned Names and Numbers – ICANN) f'Settembru 2015; billi maż-żmien trid tinstab soluzzjoni għal din it-tranżizzjoni, liema soluzzjoni għandha twassal għal sistema li ma tistax tkun suġġetta għall-ħtif jew għall-manipulazzjoni, u għaldaqstant tkompli tiżgura internet stabbli;

J.   billi f'April 2014 il-Laqgħa Dinjija NETmundial tad-Diversi Partijiet Interessati dwar il-futur tal-governanza tal-internet fasslet sett ta' prinċipji għall-governanza tal-internet u pjan direzzjonali għall-iżvilupp tal-ekosistema tal-internet fil-ġejjieni;

K. billi t-tkabbir relatat mal-ekonomija tal-internet huwa mbassar li jkun kważi 11 % fl-UE, b'kontribuzzjoni għall-PDG li mistennija tiżdied minn 3,8 % fl-2010 għal 5,7 % fl-2016;

L.  billi l-internet jikkostitwixxi pilastru fundamentali tas-Suq Diġitali Uniku, u jrawwem, inter alia, l-innovazzjoni, it-tkabbir, il-kummerċ, id-demokrazija, id-diversità kulturali u d-drittijiet tal-bniedem;

M. billi f'internet miftuħ, id-drittijiet u l-libertajiet kollha li n-nies għandhom offline għandhom japplikaw ukoll online;

1.  Jistieden lill-Assemblea Ġenerali tan-NU ġġedded il-mandat tal-IGF u ssaħħaħ ir-riżorsi tiegħu u l-mudell ta' governanza tal-internet ibbażat fuq diversi partijiet interessati;

2.  Iqis li, għalkemm l-IGF mhux se jadotta konklużjonijiet formali, ir-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea hija li tagħti appoġġ lil dan il-proċess u li żżid l-impatt ta' dawn l-iskambji f'diskussjonijiet ta' politika, billi dan joffri kuntest pożittiv u konkret għat-tiswir tal-ġejjieni tal-internet abbażi ta' approċċ li jinvolvi d-diversi partijiet interessati;

3.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ikkonċernati tal-UE biex jagħtu prijorità lill-IGF fl-aġendi tagħhom u jkomplu jappoġġaw lill-IGF u lis-segretarjat tiegħu, u biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' organizzazzjoni effiċjenti u indipendenti li tkun kapaċi teżerċita l-mandat tagħha u tikkontribwixxi għall-mudell li qed jevolvi tal-governanza tal-internet;

4.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Parlament għandu jkompli jipparteċipa fil-laqgħat futuri tal-IGF b'delegazzjoni sostanzjali sabiex jikkontribwixxi b'mod effikaċi fit-tfassil ta' approċċ tal-UE dwar il-governanza tal-internet flimkien mal-Istati Membri u l-Kummissjoni;

5.  Jisħaq fuq il-bżonn li l-aċċess għall-internet jittejjeb madwar id-dinja kollha; jissottolinja li l-IGF għandu jżid il-parteċipazzjoni inklużiva tal-partijiet interessati kollha;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li huwa impenjat bis-sod favur il-mudell għall-governanza tal-internet ibbażat fuq diversi partijiet interessati; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati rilevanti kollha biex isaħħu aktar is-sostenibbiltà ta' dan il-mudell billi jagħmlu l-atturi u l-proċessi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali aktar inklużivi, trasparenti u responsabbli;

7.  Jenfasizza l-importanza li tiġi kkompletata l-globalizzazzjoni tal-funzjonijiet u l-organizzazzjonijiet ewlenin tal-internet; jilqa' l-impenn meħud mill-Gvern tal-Istati Uniti f'Marzu 2014 li jittrasferixxi t-tmexxija tal-funzjonijiet tal-IANA; jenfasizza l-importanza tar-responsabbiltà u t-trasparenza sħiħa tal-ICANN;

8.  Jissottolinja l-eżistenza ta' skadenza definittiva għat-tlestija tan-negozjati dwar il-funzjonijiet tal-IANA li għandhom jipprovdu soluzzjoni fit-tul għall-istabbiltà u s-sigurtà tal-internet, fil-perspettiva tal-fatt li f'Settembru 2015 se jiskadi l-ftehim attwali bejn l-ICANN u l-Gvern tal-Istati Uniti dwar is-superviżjoni tal-funzjonijiet tal-IANA;

9.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu l-isforzi tagħhom biex jappoġġaw il-konklużjoni ta' dan il-ftehim ġdid u f'waqtu;

10. Jisħaq fuq il-fatt li diġà jistgħu jinsiltu tagħlimiet mill-iskambji produttivi li saru s'issa fil-kuntest tal-IGF, u li tista' tittieħed azzjoni fuqhom, partikolarment fir-rigward tal-aspetti regolatorji tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tad-data u mal-privatezza; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm internet miftuħ u indipendenti bħala riżorsa globali komuni, kif ukoll aċċess mhux diskriminatorju għall-għarfien fil-futur, abbażi tal-inizjattivi u l-ħtiġiet tal-partijiet interessati, flimkien mal-libertà tal-espressjoni;

11. Jisħaq fuq il-fatt li huwa kruċjali li jitkomplew l-isforzi biex jiġi żgurat ħarsien ġuridiku tan-newtralità tal-internetbħala prerekwiżit essenzjali għas-salvagwardja tal-libertà tal-informazzjoni u tal-espressjoni, għall-ixprunar tat-tkabbir u tal-impjiegi permezz tal-iżvilupp ta' opportunitajiet ta' innovazzjoni u ta' negozju marbuta mal-internet, kif ukoll għall-promozzjoni u għas-salvagwardja tad-diversità kulturali u lingwistika;

12. Jisħaq fuq il-fatt li l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem mhumiex negozjabbli u jridu jitħarsu kemm online kif ukoll offline; jiddispjaċih għall-fatt li xi stati jippruvaw iliġġmu l-konnettività taċ-ċittadini tagħhom permezz taċ-ċensura u ta' restrizzjonijiet oħrajn; jopponi bil-qawwa l-idea ta' internet ikkontrollat mill-istat u ta' sorveljanza tal-massa tal-internet;

13. Jisħaq fuq l-importanza ekonomika u soċjali tad-drittijiet online għall-privatezza u għall-kontroll tal-utenti fir-rigward tad-data personali tagħhom; iqis tali drittijiet bħala fundamentali għad-demokrazija, għal internet miftuħ u newtrali u għal kundizzjonijiet ekwi għan-negozju fuq l-internet;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali.