Proċedura : 2015/2530(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0122/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0122/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/02/2015 - 9.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0032

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 176kWORD 100k
10.2.2015
PE547.526v01-00}
PE547.530v01-00}
PE547.531v01-00}
PE547.532v01-00}
PE547.537v01-00} RC1
 
B8-0122/2015}
B8-0125/2015}
B8-0126/2015}
B8-0127/2015}
B8-0132/2015} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ALDE (B8‑0122/2015)

EFDD (B8‑0125/2015)

ECR (B8‑0126/2015)

S&D (B8‑0127/2015)

PPE (B8‑0132/2015)


dwar miżuri kontra t-terroriżmu (2015/2530(RSP))


Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Andrej Plenković, Arnaud Danjean, David McAllister, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Michael Gahler, Tunne Kelam, Gunnar Hökmark, Daniel Caspary, Dubravka Šuica, Monica Macovei, Davor Ivo Stier, Fernando Ruas, Emil Radev, Barbara Matera, Claude Rolin, József Nagy, Monika Hohlmeier, Tomáš Zdechovský, Traian Ungureanu, Lara Comi, Daniel Buda, Ivo Belet, Teresa Jiménez-Becerril Barrio f'isem il-Grupp PPE
Jörg Leichtfried, Birgit Sippel, Knut Fleckenstein f'isem il-Grupp S&D
Timothy Kirkhope, Charles Tannock, Helga Stevens, Branislav Škripek, Angel Dzhambazki, Kazimierz Michał Ujazdowski f'isem il-Grupp ECR
Sophia in ‘t Veld f'isem il-Grupp ALDE
Laura Ferrara, Ignazio Corrao, Dario Tamburrano, Fabio Massimo Castaldo, Tiziana Beghin, Marco Affronte, Piernicola Pedicini, Rolandas Paksas, Rosa D’Amato f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar miżuri kontra t-terroriżmu (2015/2530(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

 

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 7 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 4, 16, 20, 67, 68, 70, 71, 72, 75, 82, 83, 84, 85, 86, 87 u 88 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 6, 7, 8, 10(1), 11, 12, 21, 47-50, 52 u 53 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ġunju 2014 dwar ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE 2010-2014 (COM(2014)0365),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-UE (TE-SAT) għas-sena 2014,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-24 ta' Settembru 2014 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi (Riżoluzzjoni 2178 (2014)),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE, kif adottata mill-Kunsill fil-25 ta' Frar 2010,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar il-linja politika tal-UE kontra t-terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur,(1),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tal-24 ta' April 2009 dwar il-problema tat-tfassil tal-profil, b'mod partikulari fuq bażi ta’ etniċità u razza, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fl-infurzar tal-liġi, l-immigrazzjoni, il-kontroll tad-dwana u tal-fruntieri(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar it-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE(3),

–   wara li kkunsidra l-Valutazzjoni ta’ Theddid mill-Kriminalità Organizzata Faċilitat mill-Internet (iOCTA) 2014 tal-Europol,

–   wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Europol dwar it-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata fl-UE (SOCTA) 2013,

–   wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tiegħu tat-28 ta' Jannar 2015 dwar miżuri kontra t-terroriżmu,

–   wara li kkunsidra l-Kunsill informali tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI) li sar f’Riga fid-29 u fit-30 ta' Jannar 2015,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar l-Istrateġija mġedda dwar is-Sigurtà Interna tal-UE(4),

 

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill informali tal-ĠAI tal-11 ta' Jannar 2015,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ĠAI tad-9 ta' Ottubru u tal-5 ta' Diċembru 2014,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu lill-Kunsill Ewropew tal-24 ta'Novembru 2014 (15799/14),

–   wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015 ippubblikat fis-16 ta' Diċembru 2014 (COM (2014)0910),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti: It-Tisħiħ tar-Reazzjoni tal-UE (COM (2013)0941),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data dwar l-applikazzjoni tal-kunċetti tan-neċessità u dak tal-proporzjonalità u l-protezzjoni tad-data fis-settur tal-infurzar tal-liġi (Opinjoni 01/2014),

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2014 fil-kawżi konġunti C-293/12 u C-594/12, Digital Rights Ireland Ltd and Seitlinger and others, u l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Parlament dwar l-interpretazzjoni ta’ din is-sentenza,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A. billi t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti huma fost it-theddidiet maġġuri għas-sigurtà u l-libertajiet tagħna;

B.  billi l-avvenimenti traġiċi li seħħew dan l-aħħar f'Pariġi servew bħala tfakkira li l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja theddida terroristika kontinwa u evoluttiva li fl-aħħar għaxar snin laqtet b'mod sever lil għadd ta’ Stati Membri tagħha b'attakki mmirati mhux biss kontra n-nies iżda anke kontra l-valuri u l-libertajiet li fuqhom hija bbażata l-Unjoni;

C. billi s-sigurtà hi waħda mid-drittijiet iggarnatiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, iżda d-drittijiet fundamentali, il-libertajiet ċivili u l-proporzjonalità huma elementi essenzjali f'politiki ta' kontra t-terroriżmu li jkunu ta’ suċċess;

D. billi l-istrateġiji ta' prevenzjoni biex jiġi miġġieled it-terroriżmu għandhom ikunu bbażati fuq approċċ pluridimensjonali mmirat direttament kontra t-tħejjija ta' attakki fuq it-territorju tal-UE, iżda wkoll li jintegra l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu; billi t-terroriżmu jirrappreżenta theddida globali li għandha tiġi ttrattata b’mod deċiżiv fil-livelli lokali, nazzjonali, Ewropej u globali sabiex tissaħħaħ is-sigurtà taċ-ċittadini tagħna, jiġu difiżi l-valuri fundamentali tal-libertà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u biex ikun rispettat id-dritt internazzjonali;

E.  billi l-għadd ta’ attakki terroristiċi severi li seħħew fuq art Ewropea sa minn 9/11, bl-aktar wieħed reċenti jseħħ f'Jannar ta' din is-sena, ħallew impatt sinifikanti fuq is-sens ta' sigurtà fost iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE; billi f'dawn l-aħħar snin, kien hemm tibdil drammatiku fis-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa minħabba konflitti ġodda u taqlib fil-viċinat immedjat tal-UE, l-iżvilupp mgħaġġel ta' teknoloġiji ġodda, u wkoll il-qawmien preokkupanti tar-radikaliżmu li qed iwassal għall-vjolenza kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fil-pajjiżi ġirien;

F.  billi t-tixrid tal-propaganda terrorista qed tkun iffaċilitata mill-użu tal-internet u tal-midja soċjali; billi ċ-ċiberterroriżmu jippermetti lill-gruppi terroristiċi jistabbilixxu u jżommu kuntatt mingħajr l-ostakoli fiżiċi tal-fruntieri, biex b'hekk jnaqqsu l-bżonn li jkollhom bażijiet jew santwarji fil-pajjiżi;

G. billi l-UE qed tiffaċċja t-theddida serja u dejjem akbar ippreżentata mill-hekk imsejħa 'ġellieda barranin tal-UE', partikolarment individwi li jivvjaġġaw lejn stat li mhuwiex l-istat ta' residenza jew nazzjonalità tagħhom bl-iskop li jwettqu jew jippjanaw atti terroristiċi, jew biex jagħtu jew jirċievu taħriġ terroristiku, inkluż b'rabta ma' konflitti armati; billi hu stmat li bejn 3 500 sa 5 000 ċittadin tal-UE ħallew darhom biex isiru ġellieda barranin mat-tfaqqigħ tal-gwerra u tal-vjolenza fis-Sirja, l-Iraq u l-Libja, li qed joħolqu sfida enormi għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE;

1.  Jikkundanna bl-iktar mod qawwi l-atroċitajiet li seħħew f'Pariġi, u jtenni l-kondoljanzi profondi tiegħu mal-poplu ta' Franza u l-familji tal-vittmi, u l-unità tiegħu fil-ġlieda globali kontra t-terroriżmu u l-attakk fuq il-valuri demokratiċi u l-libertajiet tagħna;

2.  Jikkundanna bil-qawwa u b’mod kategoriku l-atti terroristiċi kollha, il-promozzjoni tat-terroriżmu, il-glorifikazzjoni ta’ dawk involuti fit-terroriżmu u d-difiża ta’ ideoloġiji vjolenti estremisti, kull fejn iseħħu jew jiġu difiżi fid-dinja; jenfasizza li m’hemmx libertà mingħajr is-sigurtà u m'hemmx sigurtà mingħajr il-libertà;

3.  Jinnota bi tħassib in-numru li qed jikber b’mod rapidu ta' ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw f'żoni ta' konflitt biex jingħaqdu ma' organizzazzjonijiet terroristiċi u li aktar tard jirritornaw fit-territorju tal-UE, u li qegħdin joħolqu riskji għas-sigurtà interna tal-Unjoni u għall-ħajja taċ-ċittadini tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi definizzjoni ċara u uniformi ta’ "ġellieda barranin mill-UE" sabiex tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa ta’ miżuri aktar speċjalizzati biex jindirizzaw b’mod deċiżiv il-problema ta’ ċittadini tal-UE li jsiefru biex jiġġieldu għal organizzazzjonijiet terroristiċi barra mill-pajjiż; jafferma li filwaqt li f’ċerti każijiet tkun tista' ssir prosekuzzjoni, għandhom jiġu applikati miżuri oħra biex tiġi pprevenuta r-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti, biex jiġi sfrattat l-ivjaġġar ta’ ġellieda Ewropej u barranin oħra u biex jiġu ttrattati l-persuni li jirritornaw; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw l-aħjar prattiki bbażati fuq dawk ta’ Stati Membri li adottaw strateġiji, pjanijiet u programmi ta’ azzjoni ta’ suċċess f’dan il-qasam;

Il-ġlieda kontra l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu u tar-radikalizzazzjoni li jwasslu għall-estremiżmu vjolenti

5.  Jenfasizza li hemm bżonn ta' strateġija ta’ kontra t-terroriżmu bbażata fuq approċċ ta’ ħafna saffi sabiex tiġi indirizzata t-theddida ppreżentata mit-terroriżmu b'mod ġenerali, li tindirizza b'mod komprensiv il-fatturi sottostanti tar-radikalizzazzjoni li jwasslu għall-estremiżmu vjolenti, bħalma huma l-iżvilupp tal-koeżjoni soċjali, l-inklużività u t-tolleranza politika u reliġjuża, u l-evitar tal-ghettoizzazzjoni, l-analiżi u l-kontrobilanċjar tal-inċitament onlajn għat-twettiq ta' atti terroristiċi, il-prevenzjoni tat-tluq bi skop ta' għaqda f'organizzazzjonijiet terroristiċi, il-prevenzjoni u l-waqfien tar-reklutaġġ u l-parteċipazzjoni f'konflitti armati, l-isfrattar tal-appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet terroristiċi u lill-individwi li għandhom il-ħsieb li jingħaqdu magħhom, il-garanzija ta' prosekuzzjoni ġuridika sodafejn xieraq u l-għoti tal-għodod adegwati lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu fi skemi li jindirizzaw il-kawżi bażiċi tar-radikalizzazzjoni, inklużi programmi edukattivi, li jippromwovu l-integrazzjoni, l-inklużjoni soċjali, id-djalogu, il-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, it-tolleranza u l-fehim fost il-kulturi u r-reliġjonijiet differenti, u programmi ta' rijabilitazzjoni;

7.  Jinnota bi tħassib serju l-fenomenu tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-kwistjoni; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-ħabsijiet u lill-kundizzjonijiet tad-detenzjoni, b'miżuri mmirati biex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni f'dan l-ambjent; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu aktar biex itejbu s-sistemi amministrattivi tal-ħabsijiet bil-għan li jiffaċilitaw id-detezzjoni tad-detenuti li huma involuti fit-tħejjia ta' atti terroristiċi, jimmonitorjaw u jipprevjenu l-proċessi tar-radikalizzazzjoni u jistabbilixxu programmi speċifiċi ta' diżimpenn, rijabilitazzjoni u deradikalizzazzjoni;

8.  Jenfasizza l-bżonn urġenti li tiġi intensifikata l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u li jiġu promossi programmi ta' deradikalizzazzjoni bil-għoti tas-setgħa u l-parteċipazzjoni mal-komunitajiet u mas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali u dak lokali sabiex tinġieb fi tmiemha l-firxa tal-ideoloġiji estremisti; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ in-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), li jlaqqa' flimkien l-atturi kollha involuti fl-iżvilupp ta' kampanji kontra r-radikalizzazzjoni u t-twaqqif ta' strutturi u proċessi ta' deradikalizzazzjoni għal dawk il-ġellieda barranin li jirritornaw, u tisfida lill-ideoloġiji estremisti billi tipprovdi alternattivi pożittivi;

9.  Jappoġġja l-adozzjoni ta' strateġija Ewropea biex issir ġlieda lill-propaganda terroristika, in-netwerks radikali u r-reklutaġġ bl-internet, li tibni fuq l-isforzi li diġà saru u l-inizjattivi li diġà ttieħdu fuq bażi intergovernattiva u volontarja bil-għan li jkun hemm aktar skambji tal-aħjar prattiki u metodi ta' suċċess f'dan il-qasam;

10. Jitlob għall-adozzjoni ta' rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar strateġiji nazzjonali għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, li tkun tindirizza l-firxa wiesgħa tal-fatturi li jaħtu għar-radikalizzazzjoni u li jsiru rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar l-istabbiliment ta' programmi ta' diżimpenn, riabilitazzjoni u deradikalizzazzjoni;

 

L-implimentazzjoni u r-rieżami tal-miżuri eżistenti ta' infurzar tal-liġi:

11. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu tal-pjattaformi, bażijiet ta' data u sistemi ta' twissija eżistenti fil-livell Ewropew, bħas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u s-Sistemi Avvanzati ta' Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (APIS);

12. Jenfasizza li l-moviment ħieles fi ħdan iż-żona Schengen huwa wieħed mill-iktar libertajiet importanti tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk jeskludi kwalunkwe proposta għas-sospensjoni tas-sistema Schengen, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex, minflok, japplikaw b'mod iktar strett ir-regoli eżistenti li diġà jinkludu l-possibbiltà li jiġu introdotti temporanjament il-kontrolli tad-dokumenti, u jagħmlu użu aħjar tas-sistema SIS II; jinnota li diġà jistgħu jitwettqu ċerti kontrolli b’mira speċifika fuq individwi meta dawn ikunu qed jaqsmu fruntieri esterni;

13. Jistieden lill-Kummissjoni biex immedjatament u imbagħad regolarment tivvaluta l-istrumenti attwali u twettaq valutazzjoni korrispondenti tad-diskrepanzi li jkun fadal fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fejn il-Kunsill Ewropew jevalwa regolarment it-theddidiet li tiffaċċja l-Unjoni bil-għan li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jieħdu azzjoni effettiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill japprovaw pjan direzzjonali mġedded għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, li jagħti rispons effiċjenti għat-theddidiet eżistenti u jiżgura sigurtà effettiva għal kulħadd filwaqt li jiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet li huma l-prinċipji li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea;

14. Jenfasizza li dimensjoni essenzjali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha tkun l-inklużjoni ta' politiki li jipproteġu u jappoġġjaw lill-vittmi u l-familji tagħhom; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri kollha jimplimentaw kif xieraq id-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta' kriminalità;

15. Iqis li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar għandha tkun prijorità tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali serja u organizzata; jemmen li, b'mod partikolari, trid tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni rigward il-mekkaniżmi tal-iskambju tal-informazzjoni u t-traċċabilità u l-qerda tal-armi projbiti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bħala kwistjoni ta' urġenza r-regoli eżistenti tal-UE dwar il-moviment tal-armi tan-nar illegali, apparati esplussivi u t-traffikar tal-armi marbut mal-kriminalità organizzata;

16. Jilqa' l-adozzjoni li se ssir fil-ġejjieni qrib fil-livell Ewropew ta' qafas ġuridiku aġġornat għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, bħala pass deċiżiv li għandu jiġu implimentat fil-livelli kollha bil-għan li tiġi żgurata l-effikaċja tiegħu u b'hekk tiġi indirizzata għajn sinifikanti ta' finanzjament għall-organizzazzjonijiet terroristiċi;

17. Jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejniethom abbażi tal-istrumenti disponibbli tal-UE, bħalma huma s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS), il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea;

Is-sigurtà interna tal-UE u l-infurzar tal-liġi tal-UE u l-kapaċitajiet tal-Aġenziji:

18.    Jistieden lill-Istati Membri jipprevjenu ċ-ċaqlieq ta' terroristi suspettati bit-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri esterni, il-kontroll aktar sistematiku u effettiv tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, il-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-armi u l-użu frodulenti tal-identità, u l-identifikazzjoni taż-żoni ta' riskju;

19.    Jinnota bi tħassib l-użu dejjem akbar ta' teknoloġija tal-internet u tal-komunikazzjoni minn organizzazzjonijiet terroristiċi sabiex jikkomunikaw, jippjanaw attakki u jxerrdu l-propaganda; jitlob lill-kumpaniji tal-internet u tal-midja soċjali jaħdmu flimkien mal-gvernijijet u mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u mas-soċjetà ċivili bil-għan li jiġġieldu din il-problema, filwaqt li jiżguraw li l-prinċipji ġenerali tal-libertà tal-kelma u l-privatezza jiġu rispettati f'kull mument; jenfasizza li miżuri li jillimitaw l-użu u t-tixrid tad-data fuq l-internet għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu jridu jkunu neċessarji u proporzjonati;

20.    Itenni li l-ġbir u l-kondiviżjoni kollha tad-data, inkluż mill-aġenziji tal-UE bħall-Europol, għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-UE u mad-dritt nazzjonali u bbażati fuq qafas koerenti tal-protezzjon tad-data li joffri standards ta' protezzjoni tad-data personali legalment vinkolanti fil-livell tal-UE;

21.    Iħeġġeġ bil-qawwa skambju aħjar tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE; barra minn hekk jenfasizza l-bżonn li jiġi mtejjeb, intesifikat u mħaffef il-qsim tal-informazzjoni tal-infurzar tal-liġi globali; jitlob kooperazzjoni operattiva aktar effikaċi fost l-Istati Membri u pajjiżi terzi permezz tal-użu akbar ta' strumenti ta' siwi eżistenti bħalma huma l-Iskwadri ta' Investigazzjoni Konġunta, il-ftehimiet dwar Programm għat-Traċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu u r-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR), kif ukoll qsim aktar rapidu u effiċjenti tad-data u l-informazzjoni relevanti, li jkun soġġett għas-salvagwardji adegwati tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza;

22.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwettqu valutazzjoni komprensiva tal-miżuri tal-UE ta’ kontra t-terroriżmu u miżuri relatati, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom fil-liġi u fil-prattika fl-Istati Membri u ta’ kemm l-Istati Membri jikkooperaw mal-aġenziji tal-UE f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-Europol u l-Eurojust, u jagħmlu valutazzjoni korrispondenti tad-diskrepanzi li jkun għad fadal, filwaqt li jagħmlu użu tal-proċedura li jiddisponi għaliha l-Artikolu 70 tat-TFUE, u jintroduċu dan il-proċess ta' valutazzjoni bħala parti mill-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà;

23.    Jenfasizza l-bżonn li l-aġenziji u l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi jikkumbattu lill-għejun ewlenin ta' introjtu għall-organizzazzjonijiet terroristiċi, inklużi l-ħasil tal-flus, it-traffikar tal-bnedmin u l-kummerċ illegali tal-armi; jitlob, f'dan ir-rigward, għall-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam, bil-għan li jkun hemm approċċ ikkoordinat fl-UE kollha; jinnota li 50 % biss tal-informazzjoni dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata tingħata mill-Istati Membri lill-Europol u l-Eurojust;

24.    Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar tal-kapaċitajiet uniċi tal-Europol billi jiżguraw li l-unitajiet nazzjonali tagħhom jagħtu lill-Europol l-informazzjoni relevanti b'manjiera aktar sistematika u regolari; jappoġġja ulterjorment il-ħolqien fi ħdan il-Europol ta' pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, bil-għan li jiġu massimizzati l-kapaċitajiet operazzjonali u tekniċi tiegħu kif ukoll il-kapaċitajiet ta' skambju ta' intelligence tiegħu;

25.    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdiedu l-effikaċità u l-koordinazzjoni tar-rispons tal-ġustizzja kriminali permezz tal-Eurojust, tiġi armonizzata l-kriminalizzazzjoni ta' reati fl-UE kollha marbuta mal-ġellieda barranin bil-għan li jiġi provdut qafas ġuridiku u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transfruntiera, sabiex jiġu evitati d-diskrepanzi fil-prosekuzzjoni u jiġu indirizzati l-isfidi prattiċi u ġuridiċi fil-ġbir u l-ammissibilità tal-evidenza f'każijiet ta' terroriżmu, billi tiġi aġġornata d-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ĠAI;

26.    Jitlob li jkun hemm sorveljanza demokratika u ġudizzjarja b'saħħitha tal-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u x-xogħol ta' intelligence fi ħdan l-UE, bi skrutinju demokratiku indipendenti sħiħ, u jinsisti li l-kooperazzjoni fis-sigurtà għandha tirrispetta b’mod strett id-dritt internazzjonali;

L-adozzjoni ta' strateġija esterna tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali:

27.    Jistieden lill-UE tippromwovi b'mod attiv sħubija globali kontra t-terroriżmu u taħdem mill-qrib mal-atturi reġjonali bħalma huma l-Unjoni Afrikana, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-Lega Għarbija, u b’mod partikolari mal-pajjiżi li huma ġirien tas-Sirja u l-Iraq u l-pajjiżi li ġarrbu impatt drammatiku mill-konflitt, bħall-Ġordan, il-Libanu u t-Turkija, kif ukoll man-NU u b’mod partikolari mal-Kumitat Kontra t-Terroriżmu tagħha; jitlob, f'dan ir-rigward, li jiżdied id-djalogu bejn l-esperti tal-iżvilupp u dawk tas-sigurtà bejn l-UE u dawk il-pajjiżi;

28.    Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab tagħha jibbażaw l-istrateġija tagħhom għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali fuq l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; jenfasizza, barra minn hekk, li l-azzjonijiet esterni tal-Unjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali għandhom l-ewwel nett ikunu mmirati lejn il-prevenzjoni tat-terroriżmu, il-ġlieda kontrih u l-prosekuzzjoni tiegħu;

29.    Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jadotta strateġija esterna tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, bil-għan li jiġu indirizzati l-għejun tat-terroriżmu internazzjonali u tiġi integrata l-glieda kontra t-terroriżmu; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżviluppaw strateġija ta' kooperazzjoni kontra t-terroriżmu ma' pajjiżi terzi filwaqt li jiżguraw li l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem ikunu rispettati;

30.    Iħeġġeġ lill-UE tirrevedi l-istrateġija tagħha rigward in-Nofsinhar tal-Mediterran bħala parti mir-rieżami li qed isir tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, u tikkonċentra fuq li tagħti s-sostenn tagħha lil dawk il-pajjiżi u l-atturi li huma ġenwinament impenjati favur valuri komuni u favur ir-riforma;

31.    Jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata attenzjoni lill-prevenzjoni u l-ġlieda lir-radikalizzazzjoni fil-pjanijiet ta' azzjoni u d-djalogi politiċi ta’ bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha, inkluż billi tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali, jintużaw programmi u kapaċitajiet eżistenti, u ssir ħidma ma' atturi tas-soċjetà ċivili f'pajjiżi ta' interess dwar il-ġlieda lill-propaganda radikali u terroristika fuq l-Internet u mezzi oħra tal-komunikazzjoni;

32.    Jisħaq fuq il-fatt li strateġija komprensiva tal-UE dwar miżuri kontra t-terroriżmu trid ukoll tagħmel użu sħiħ tal-politiki barranin u ta' żvilupp tagħha sabiex tiġġieled lill-faqar, id-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni, tiġġieled lill-korruzzjoni u tippromwovi l-governanza tajba u tipprevjeni u ssolvi l-konflitti, li kollha jikkontribwixxu għall-marġinalizzazzjoni ta' ċerti gruppi u setturi tas-soċjetà, u b'hekk jagħmluhom aktar vulnerabbli għall-propaganda ta' gruppi estremisti;

33.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

(1)

ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 45.

(2)

ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 119.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0384.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2014)0102.

Avviż legali - Politika tal-privatezza