Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0144/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0144/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Burundi: il-każ ta' Bob Rugurika

11.2.2015 - (2015/2561(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B8‑0144/2015)
ECR (B8‑0146/2015)
ALDE (B8‑0148/2015)
EFDD (B8‑0152/2015)
GUE/NGL (B8‑0154/2015)
S&D (B8‑0160/2015)
PPE (B8‑0163/2015)

Cristian Dan Preda, Maurice Ponga, Elmar Brok, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Mariya Gabriel, Giovanni La Via, Lara Comi, Tunne Kelam, Jiří Pospíšil, Dubravka Šuica, Pavel Svoboda, Stanislav Polčák, Francesc Gambús, Jaromír Štětina, Tomáš Zdechovský, Jeroen Lenaers, Marijana Petir, Andrej Plenković, Joachim Zeller, Franck Proust, Seán Kelly, David McAllister, Ivan Štefanec, Claude Rolin, József Nagy, Eduard Kukan, Elisabetta Gardini, László Tőkés, Ivana Maletić, Andrey Kovatchev, Monica Macovei f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Victor Boștinaru, Richard Howitt, Pier Antonio Panzeri, Kashetu Kyenge, Elena Valenciano, Enrico Gasbarra, Linda McAvan, Ana Gomes, Krystyna Łybacka, Michela Giuffrida, Nikos Androulakis, Liisa Jaakonsaari, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Andi Cristea, Claudia Tapardel, Vilija Blinkevičiūtė, Goffredo Maria Bettini, Neena Gill, Victor Negrescu, Viorica Dăncilă, Maria Arena, Luigi Morgano, Marc Tarabella, Nicola Caputo, Doru-Claudian Frunzulică, Biljana Borzan, Tonino Picula, Miriam Dalli, José Blanco López, Miroslav Poche, Afzal Khan, Hugues Bayet f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Jan Zahradil, Ryszard Czarnecki, Ruža Tomašić, Branislav Škripek f'isem il-Grupp ECR
Javier Nart, Ramon Tremosa i Balcells, Fernando Maura Barandiarán, Ivo Vajgl, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Marielle de Sarnez, Pavel Telička, Juan Carlos Girauta Vidal, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Beatriz Becerra Basterrechea, Ivan Jakovčić, Louis Michel, Marietje Schaake, Ilhan Kyuchyuk, Petras Auštrevičius, Kaja Kallas, Robert Rochefort, Jozo Radoš, Urmas Paet, Johannes Cornelis van Baalen f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Martina Michels, Kostas Chrysogonos f'isem il-Grupp GUE/NGL
Judith Sargentini, Davor Škrlec, Barbara Lochbihler f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Laura Agea, Piernicola Pedicini, Eleonora Evi, Rosa D’Amato, Dario Tamburrano f'isem il-Grupp EFDD

Proċedura : 2015/2561(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0144/2015
Testi mressqa :
RC-B8-0144/2015
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Burundi: il-każ ta' Bob Rugurika

(2015/2561(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Settembru 2014 dwar il-Burundi, partikolarment il-każ ta' Pierre Claver Mbonimpa[1],

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-10 ta' April 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–   wara li kkunsidra il-Ftehim ta ' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta ' Arusha,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2014 dwar ir-reġjun tal-Lagi l-Kbar,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tal-Uffiċċju tan-NU fil-Burundi (BNUB),

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRDs) u dwar il-Libertajiet ta' Espressjoni, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2014 bl-impenn lejn intensifikazzjoni tal-ħidma dwar l-HRDs,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-25 ta' April 2013 tal-Kummissjoni Konsultattiva Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (CNCDH),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Delegazzjoni tal-UE fil-Burundi tal-10 ta '  Settembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–   wara li kkunsidra il-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-20 ta' Jannar 2015, l-awtoritajiet tal-Burundi arrestaw u żammew lid-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Bob Rugurika, direttur tar-Radio Publique Africaine (RPA), wara li rrifjuts li jiżvela s-sorsi tiegħu jiem wara li l-istazzjoni tar-radju tiegħu xandar għadd ta' rapporti investigattivi dwar il-qtil f'Settembru 2014 ta' tliet sorijiet anzjani Taljani, Lucia Pulici, Olga Raschietti u Bernadetta Boggian, f' Kamenge, belt fit-Tramuntana ta' Bujumbura;

B.  billi xxandru wkoll allegazzjonijiet tal-involviment fil-qtil ta' uffiċjali għoljin tal-intelligence, li ngħataw id-dritt li jikkummentaw qabel ix-xandiriet;

C. billi l-awtoritajiet tal-Burundi ma pprovdew l-ebda provi li jiġġustifikaw l-arrest tas-Sur Rugurika fuq bażi ta' "ksur tas-solidarjetà pubblika, ksur tal-kunfidenzjalità ta' inkjesta, kenn lil persuna kriminali u kompliċità fi qtil"; billi l-arrest jagħmel parti minn metodu tal-gvern ta' attakki fuq il-libertà tal-espressjoni, immirat lejn il-ġurnalisti, l-attivisti u membri tal-partiti politiċi; billi dawn l-attakki żdiedu fit-triq lejn l-elezzjonijiet li għandhom iseħħu fil-Burundi f'Mejju u Ġunju 2015;

D. billi d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Burundi rratifikathom it-tnejn li huma, jiddikjaraw biċ-ċar li arresti qabel il-proċessi għandhom ikunu bbażati fuq akkużi kredibbli u b'bażi legali; billi l-awtoritajiet tal-Burundi ma pprovdew l-ebda prova tal-bżonn ta' arrest tas-Sur Rugurika;

E.  billi din mhijiex l-ewwel darba li l-gvern tal-Burundi jipprova jwaqqaf lill-midja u lill-gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem milli jippubblikaw informazzjoni sensittiva u jirrappurtaw dwar allegazzjonijiet ta' abbużi min-naħa tal-gvern; billi, minkejja l-fastidju persistenti, il-ġurnalisti baqgħu jiddokumentaw u jirrappurtaw dwar suġġetti kontroversjali, u fosthom Pierre Claver Mbonimpa, difensur minn ta' quddiem tad-drittijiet tal-bniedem li ġie arrestat f'Mejju 2014 għal rimarki li huwa għamel fuq l-RPA, u nħeles iktar tard, għalkemm l-akkużi kontrih ma twaqqgħux;

F.  billi f'Ġunju 2013, il-Burundi adotta liġi dwar l-istampa li tillimita l-libertajiet tal-midja, is-suġġetti li dwarhom jistgħu jirrappurtaw il-ġurnalisti, u potenzjalment, li tikkriminalizza r-rappurtar dwar suġġetti bħall-ordni pubbliku u s-sikurezza; billi l-unjin tal-ġurnalisti tal-Burundi ressqet il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Afrika tal-Lvant;

G. billi l-adozzjoni ta' għadd ta' liġijiet restrittivi qabel l-elezzjonijiet tal-2015, inkluża l-liġi dwar il-midja f'April 2013, komplew saħħew il-fastidju u t-theddid li ilhom ibatu minnhom il-ġurnalisti mill-2010, flimkien ma' personalitajiet kritiċi oħrajn li jiddenunzjaw il-qtil politiku, il-korruzzjoni u l-ġestjoni ħażina tal-pajjiż;

H. billi l-Burundi hu klassifikat il-142 minn 180 pajjiż fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa tal-Korrispondenti mingħajr fruntieri 2014;

I.   billi r-Rapporteur Speċjali dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Afrika, Reine Alapini-Gansou, ikkundannat dan l-arrest u talbet għall-ħelsien immedjat ta' Bob Rugurika, u fakkret fir-responsabilitajiet tal-awtoritajiet tal-Burundi li joħorġu mid-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji dwar il-Libertà tal-Espressjoni fl-Afrika u mid-Dikjarazzjonijiet ta' Kigali u ta' Grand Bay;

J.   billi d-dritt tal-libertà tal-espressjoni huwa garantit mill-Kostituzzjoni tal-Burundi u mit-trattati internazzjonali u reġjonali ratifikati mill-Burundi, u huwa wkoll parti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-governanza tajba u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll huwa kundizzjoni essenzjali għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti fl-2015 u biex ir-riżultati ta' dawn l-elezzjonijiet jiġu aċċettati mill-parteċipanti kollha;

K. billi proċess elettorali ħieles, ġust, trasparenti u paċifiku fl-2015 jippermetti li l-pajjiż, li għadu jinsab f'sitwazzjoni ta' wara l-kunflitt, joħroġ mill-iżblokk politiku maħluq mill-proċess elettorali tal-2010;

L.  billi, wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Settembru 2014, u b'mod partikolari r-riferiment li fiha għall-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, ir-rappreżentanti tal-UE insistew dwar il-ħtieġa ta' parteċipazzjoni inklużiva fil-proċess elettorali mill-forzi politiċi kollha fil-pajjiż, bi qbil mal-Pjan Direzzjonali u l-Kodiċi ta' Kondotta;

M. billi l-Gvern tal-Burundi ikkonferma l-impenn tiegħu li jaġixxi biex jiżgura li n-negozjati mal-forzi politiċi kollha fil-pajjiż iseħħu fir-rispett taż-żewġ dokumenti msemmija hawn fuq, u tenna t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipprovdu materjal u appoġġ finanzjarju għall-proċess elettorali attwali u jibagħtu osservaturi tal-missjoni fil-Burundi qabel, matul u wara l-elezzjonijiet;

N. billi reċentament l-UE allokat EUR 432 miljun lill-Burundi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp   2014-2020, biex, fost affarijiet oħra, tassisti fit-titjib tal-governanza u s-soċjet à ċivili;

O. billi bħalissa l-Burundi qed jaffaċċa l-agħar kriżi politika tiegħu minn meta ħareġ minn gwerra ċivili ta' 12-il sena fl-2005, u billi din għal darb'oħra qed toħloq theddida mhux biss għall-istabilità interna tal-pajjiż, iżda wkoll għal dik tal-ġirien tagħha f'reġjun tal-kontinent Afrikan li huwa diġà instabbli;

1.  Jikkundanna l-arrest inġustifikat a' Bob Rugurika u jitlob għall-ħelsien immedjat u inkundizzjonali tiegħu; jitlob lill-awtoritajiet biex fl-istess waqt ikomplu jinvestigaw il-qtil traġiku ta' tliet sorijiet Taljani u jġibu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja; jitlob ukoll biex tinfetaħ inkjesta indipendenti b'rabta mal-qtil tat-tliet sorijiet;

2.  Jiddenunzja l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi, u l-introduzzjoni ta' liġijiet restrittivi qabel l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali tal-2015, b'mod partikolari dawk li joħolqu dannu lill-oppożizzjoni, lill-midja u lis-soċjetà ċivili permezz ta' restrizzjonijiet għal-libertajiet tal-espressjoni u l-assoċjazzjoni u l-libertà li jiġu organizzati laqgħat;

3.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Burundi jiżguraw bilanċ adegwat u ġust bejn il-libertà tal-midja, inkluża l-libertà li l-ġurnalisti jinvestigaw u jirrappurtaw dwar delitti, u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-integrità tal-investigazzjonijiet kriminali;

4.  Jitlob lill-Gver tal-Burundi biex jippermetti dibattitu politiku ġenwin u miftuħ fit-triq lejn l-elezzjonijiet tal-2015, u jirrispetta l-Pjan Direzzjonali u l-Kodiċi ta' Kondotta nnegozjati taħt l-awspiċi tan-NU u ffirmati mill-mexxejja politiċi tal-Burundi; ifakkar li l-Kostituzzjoni tal-Burundi tgħid hekk: 'Il-President tar-Repubblika huwa elett għal terminu ta' ħames snin li jista' jiġġedded darba. Ħadd ma jista' jservi iktar minn żewġ mandati bħala president';

5.  Jitlob lill-Gvern tal-Burundi jirrispetta l-kalendarju elettorali, u jinkludi l-partiti tal-oppożizzjoni fil-monitoraġġ tal-elezzjonijiet, inkluż fil-fażi ta' reġistrazzjoni parzjali tal-votanti ġodda, kif miftiehem bejn il-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) u l-partiti politiċi fil-laqgħa ta' evalwazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-votanti tad-29 u t-30 ta' Jannar 2015;

6.  Jesprimi tħassib serju dwar l-interferenza mill-gvern fil-ġestjoni interna tal-partiti politiċi, in-nuqqas ta' libertà biex dawk il-partiti jwettqu l-kampanji tagħhom, u t-tendenza biex dejjem iktar il-ġudikatura teskludi lil mexxejja politiċi mill-proċess elettorali;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern Burundjan biex jieħu miżuri biex jikkontrolla s-sezzjoni taż-żgħażagħ tas-CNDD-FDD, u ma jħallix il-membri tagħha jintimidaw u jattakaw lil dawk li jqisu bħala avversarji, u jiżgura li dawk responsabbli mill-akkużi jitressqu quddiem il-qrati; jitlob għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-affermazzjonijiet li s-CNDD-FDD qed jarma u jħarreġ is-sezzjoni taż-żgħażagħ tiegħu; iħeġġeġ lill-mexxejja tal-partiti fl-oppożizzjoni biex iwaqqfu l-vjolenza kontra l-avversarji tagħhom;

8.  Jenfasizza l-importanza tar-rispett tal-Kodiċi ta' Kondotta għal Kwistjonijiet Elettorali (Code de bonne conduite en matière électorale) u l-pjan direzzjonali tan-NU dwar l-elezzjonijiet li kien iffirmat mill-atturi politiċi fl-2013, u jappoġġa bis-sħiħ l-attivitajiet tal-BNUB immirati biex jipprevjenu vjolenza politika ulterjuri fil-perjodu li jwassal għall-elezzjonijiet tal-2015 u li jgħinu jirrestawraw is-sigurtà fit-tul u l-paċi;

9.  Iħeġġeġ lil dawk kollha involuti fil-proċess elettorali, inkluż il-korpi responsabbli mill-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u s-servizzi ta' sigurtà, biex jirrispettaw l-impenji fil-Ftehim ta' Arusha, billi jfakkar li dan il-ftehim temm il-gwerra ċivili u huwa l-bażi li fuqha hija mibnija l-Kostituzzjoni tal-Burundi;

10. Jenfasizza r-rwol minn ta' quddiem li għandu jkollha l-UE fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni pre-elettorali sabiex jiġi evitat li wieħed imur kontra l-impenji meħuda, li jista' jkollu effett gravi mhux biss fuq il-proċess ta' demokratizzazzjoni iżda wkoll fuq il-paċi u s-sigurtà fil-Burundi u madwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar;

11. Iteni li l-Burundi huwa marbut mill-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehim ta' Cotonou, mill-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u mill-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u għalhekk huwa obbligat li jirrispetta d-drittijiet univerali tal-bniedem, inkluż il-libertà ta' espressjoni; jappella lill-Gvern tal-Burundi bex jippermetti li jsir dibattitu politiku ġenwin u miftuħ qabel l-elezzjonijiet tal-2015 mingħajr il-biża ta ' intimidazzjoni, billi ma jinterferixxix fl-amministrazzjoni interna tal-partiti fl-oppożizzjoni, billi ma jpoġġix restrizzjonijiet fuq il-kampanji li jaffettwaw lill-partiti kollha, speċjalment f ' żoni rurali, u billi ma jabbużax mill-ġudikatura biex jeskludi rivali politiċi;

12. Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-UE u lill-Istati Membri biex jissoktaw bl-isforzi tagħhom lejn politika tal-UE fir-rigward tal-Burundi li tkun ċara u bbażata fuq prinċipji u li tindirizza l-vjolazzjonijiet serji u kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem, f ' konformità mal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra t-tnedija ta' konsultazzjonijiet mal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou b il-ħsieb ta' sospensjoni possibbli mill-Ftehim u biex jittieħdu l-miżuri xierqa waqt li jkunu qed iseħħu dawk il-konsultazzjonijiet;

13. Jitlob lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli jagħmel użu mid-djalogu politiku intensifikat previst mill-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou mal-Gvern tal-Burundi sabiex jiġi indirizzat b'mod konkret l-għeluq tal-ispazju politiku fil-Burundi u biex jiġu stabbiliti limiti ċari u konkreti għall-kejl tal-iżvilupp u strateġija biex jingħatalhom rispons;

14. Jitlob lill-Gvern tal-Burundi, lill-mexxejja tal-partiti fl-oppożizzjoni u lill-attivisti tas-soċjetà ċivili biex jagħmel mill-aħjar li jistgħu biex jappoġġaw il-Kummissjoni għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni (PRC) b'mod demokratiku u trasparenti, sabiex jiġu ffaċċjati delitti tal-passat u wieħed jimxi 'l quddiem fit-tħejjija għall-ġejjieni;

15. Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jirrilaxxjaw il-fondi meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja f'din il-parti tad-dinja, u biex jaħdmu b'kollaborazzjoni mal-korpi tan-NU, b'mod partikolari dwar is-sitwazzjoni ta' malnutrizzjoni kronika;

16. Jitlob lill-Kummissjoni talloka l-fondi tagħha għall-perjodu 2014-2020 bħala kwistjoni prijoritarja lill-NGOs u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jaħdmu b'mod dirett mal-persuni, u biex toħloq pressjoni fuq il-Gvern tal-Burundi biex jimplimenta r-riformi meħtieġa għall-konsolidazzjoni tal-Istat;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Gvern tal-Burundi, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Lagi l-Kbar, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta u lill-Parlament Pan-Afrikan.