Proċedura : 2015/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0236/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0236/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0080

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 155kWORD 84k
11.3.2015
PE552.213v01-00}
PE552.215v01-00}
PE552.223v01-00}
PE552.225v01-00} RC1
 
B8-0236/2015}
B8-0238/2015}
B8-0244/2015}
B8-0246/2015} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE (B8‑0236/2015)

ECR (B8‑0238/2015)

ALDE (B8‑0244/2015)

S&D (B8‑0246/2015)


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2015/2582(RSP))


Luis de Grandes Pascual, Lara Comi, Cristian Dan Preda, József Nagy, Pablo Zalba Bidegain, Bogdan Brunon Wenta, Julia Pitera, Carlos Iturgaiz, Francisco José Millán Mon, Gabriel Mato, Francesc Gambús, Daniel Caspary, Elisabetta Gardini f'isem il-Grupp PPE
Francisco Assis, Sorin Moisă, Victor Boștinaru, Elena Valenciano, Ramón Jáuregui Atondo f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Andrew Lewer, Ashley Fox, Roberts Zīle f'isem il-Grupp ECR
Fernando Maura Barandiarán, Dita Charanzová, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Enrique Calvet Chambon, Gérard Deprez, Marielle de Sarnez, Juan Carlos Girauta Vidal, Fredrick Federley, Nathalie Griesbeck, Antanas Guoga, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Hilde Vautmans, Johannes Cornelis van Baalen f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2015/2582(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1) u tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar iċ-ċertezza ġuridika tal-investimenti Ewropej barra l-Unjoni Ewropea(3),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet għall-istampa tat-23 ta' Frar 2015 mill-kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini dwar l-arrest tas-Sindku ta' Karakas Antonio Ledezma u s-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-26 ta' Frar 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tas-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR) u eks president tal-Kolombja, Ernesto Samper tal-25 ta' Frar 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u dwar il-mewt tal-istudent ta' 14-il sena Kluivert Roa,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) tal-24 ta' Frar 2015,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tas-26 ta' Awwissu 2014 tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Ottubru 2014 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-detenzjoni tad-dimostranti u l-politiċi fil-Venezwela,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija parti għalih,

–   wara li kkunsidra r-Rapport 2014/2015 tal-Amnesty International bit-titolu ''The State of the World's Human Rights'', ippubblikat fil-25 ta' Frar 2015, kif ukoll ir-rapport dwar il-Venezwela ta' Human Rights Watch bit-titolu ''New Military Authority to Curb Protests'', ippubblikat fit-12 ta' Frar 2015,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi Antonio Ledezma, li ġie elett demokratikament darbtejn bħala Sindku tad-Distrett Metropolitan ta' Karakas u li huwa wieħed mill-mexxeja tal-oppożizzjoni, fid-19 ta' Frar 2015 ġie arrestat arbitrarjament minn uffiċjali armati sew tas-Servizz tal-Intelligence Bolivarjan (Sebin), li min-naħa tagħhom ma pproduċewx mandat ta' arrest jew evidenza li kien wettaq xi reat; billi wara d-detenzjoni, Antonio Ledezma ġie mixli b'komplott u assoċjazzjoni għat-twettiq ta' delitti – fil-Venezwela reati punibbli b'sentenzi ħarxa ta' priġunerija – u mitfugħ fil-ħabs militari ta' Ramo Verde;

B.  billi d-detenzjoni ta' persuni ċivili f'ħabs militari mhijiex kompatibbli mal-istandards internazzjonali; billi l-Venezwela għandha l-obbligu tiggarantixxi l-ħajja, it-trattament uman u s-sikurezza tal-persuni kollha mċaħħda mil-libertà, u li tiggarantixxi li l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni jkunu konformi mal-istandards internazzjonali applikabbli;

C. billi l-President Nicolas Maduro fuq ir-radju u t-televiżjoni nazzjonali ħabbar iż-żarmar ta' allegat pjan biex jiġi destabbilizzat il-gvern tiegħu permezz ta' kolp ta' stat, li kien jinvolvi t-tmexxija tal-Għaqda Demokratika Roundtable, il-membri tal-assemblea nazzjonali María Corina Machado u Julio Borges, u s-Sindku ta' Karakas, Antonio Ledezma; billi allegatament, dawn il-mexxejja tal-oppożizzjoni kienu wkoll involuti fi pjan biex jassassinaw il-mexxej tal-oppożizzjoni Leopoldo López, li ilu detenut f'ħabs militari għal aktar minn sena; billi mid-detenzjoni tiegħu, is-Sur López sofra tortura fiżika u psikoloġika u kien soġġett għal reklużjoni;

D. billi l-President Maduro ħabbar ukoll allegazzjonijiet ta' konfoffi barranin strambi, pjanijiet ta' destabbilizzazzjoni u ta' attentati ta' qtil, li ġew rappurtati mill-amministrazzjoni nazzjonali f'diversi okkażjonijiet;

E.  billi, fil-passat, il-mexxejja tal-oppożizzjoni demokratika ġew akkużati ripetutament u mingħajr bażi li pparteċipaw fi pjanijiet allegati ta' destabbilizzazzjoni u ta' kolpi ta' stat; billi l-intimidazzjoni u t-trattament ħażin tal-mexxejja tal-oppożizzjoni li ntefgħu l-ħabs kif ukoll tal-istudenti li pparteċipaw fil-protesti tal-2014 żdiedu; billi Leopoldo López, Daniel Ceballos u politiċi oħra tal-oppożizzjoni għadhom detenuti arbitrarjament, filwaqt li María Corina Machado tneħħiet mill-kariga illegalment u arbitrarjament u mkeċċija mill-Parlament tal-Venezwela, filwaqt li l-Gvern tal-Venezwela qed jhedded li jneħħi l-immunità tad-deputat Julio Borges;

F.  billi l-preżunzjoni ta' innoċenza tista' titqies miksura f'każ li persuna li qed taffaċċja akkużi kriminali tkun soġġetta għal detenzjoni qabel il-proċess mingħajr ma tingħata ġustifikazzjoni adegwata, billi f'dan il-każ id-detenzjoni issir kastig aktar milli miżura ta' prekawzjoni;

G. billi, skont l-organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali, sena wara d-dimostrazzjonijiet paċifiċi 1 700 dimostranti li ħadu sehem fil-protesti qegħdin jistennew il-proċess, 69 oħra għadhom il-ħabs, u tal-anqas 40 oħra nqatlu fil-protesti, filwaqt li min qatilhom għadu ma refax ir-responsabbiltà; billi d-dimostranti ħabbtu wiċċhom ma' l-użu ta' forza eċċessiva u vjolenza sistematika mill-pulizija, membri tal-Gwardja Nazzjonali u gruppi vjolenti u mhux kontrollati favur il-gvern;

H. billi stat demokratiku ma għandux jikkriminalizza l-mexxejja tal-oppożizzjoni politika u għandu jiggarantixxi l-parteċipazzjoni tas-setturi kollha fil-ħajja politika tal-pajjiż, kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jiddikjaraw li jagħmlu parti mill-oppożizzjoni, kif iddikjarat mill-Human Rights Watch fl-24 ta' Frar 2015;

I.   billi l-membri tal-Qorti Suprema ċaħdu fil-miftuħ il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, wegħdu pubblikament li jimpenjaw ruħhom sabiex jippromwovu l-aġenda politika tal-gvern, u qatgħu kemm-il darba sentenzi favur il-gvern u b'hekk ivvalidaw in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-gvern għad-drittijiet tal-bniedem; billi f'Diċembru 2014, il-maġġoranza favur il-gvern fl-Assemblea Nazzjonali ħatret 12-il membru ġdid tal-Qorti Suprema permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza sempliċi, wara li ma rnexxilhiex tikseb maġġoranza ta' żewġ terzi, li biex tiksibha kien jeħtiġilha tilħaq kunsens mal-oppożizzjoni;

J.   billi r-Riżoluzzjoni Nru 8610 il-ġdida tal-Ministeru għad-Difiża tippermetti lill-militar juża armi tan-nar biex jikkontrolla ''laqgħat pubbliċi u dimostrazzjonijiet paċifiċi''; billi skont l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, l-użu ta' armi tan-nar u sustanzi tossiċi għall-kontroll ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi huwa pprojbit; billi skont l-istandards internazzjonali, l-użu tal-forzi militari f'operazzjonijiet tas-sigurtà pubblika għandu jkun limitat;

K. billi fl-24 ta' Frar 2015 inqatel student ta' 14-il sena bl-isem ta' Kluivert Roa matul dimostrazzjoni dwar l-iskarsezza tal-ikel u l-mediċini f'San Cristóbal, fl-Istat ta' Táchira, l-ewwel vittma minn meta ġie awtorizzat l-użu ta' armi tan-nar fit-trażżin tal-protesti; billi fil-25 ta' Frar 2015 l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ddikjara li uffiċjal tal-pulizija ġie akkużat b'omiċidju intenzjonat, fost delitti oħra;

L.  billi l-libertà tal-espressjoni u d-dritt ta' parteċipazzjoni f'dimostrazzjonijiet paċifiċi huma fundamentali għad-demokrazija; billi ma jistax ikun hemm ugwaljanza u ġustizzja għal kulħadd mingħajr ir-rispett għal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta' kull ċittadin; billi jeżistu bosta rapporti li jikkonfermaw li l-midja qed tkun soġġetta għal ċensura u intimidazzjoni dejjem akbar;

M. billi l-Venezwela hija l-pajjiż bl-akbar riżervi ta' enerġija fl-Amerika Latina; billi l-poplu tal-Venezwela qed ibati minn nuqqas serju ta' komoditajiet bażiċi, billi l-prezzijiet tal-ikel irdoppjaw u r-razzjonar tal-ikel intensifika; billi n-nuqqas min-naħa tal-istat li jżomm il-liġi u l-ordni u l-polarizzazzjoni politika dejjem tikber wasslu biex il-Venezwela ssir wieħed mill-aktar pajjiżi vjolenti fid-dinja;

N. billi huwa biss ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u djalogu kostruttiv u li jirrispetta lil kulħadd imwettaq fi spirtu ta' tolleranza li jista' jgħin lill-pajjiż joħroġ minn din il-kriżi serja u jegħleb id-diffikultajiet futuri;

O. billi "Mesa de dialogo" (djalogu madwar mejda) bejn il-gvern u l-oppożizzjoni kien beda, u sfortunatament ġie interrott mingħajr suċċess;

P.  billi l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi li l-investimenti Ewropej f'pajjiżi terzi huma element fundamentali tal-politika kummerċjali komuni tal-UE u għaldaqstant parti integrali mill-politika għall-azzjoni esterna tagħha, u billi skont it-Trattat ta' Lisbona l-investiment dirett barrani (IDB) huwa kompetenza esklussiva tal-UE, kif stabbilit fl-Artikoli 3(1)(e), 206 u 207 tat-TFUE;

Q. billi l-Gvern tal-Venezwela għandu responsabbiltà partikolari li jikkonforma mal-istat tad-dritt u mal-liġi internazzjonali, peress li ġie elett bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fis-16 ta' Ottubru 2014;

1.  Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni li sejra lura fil-Venezwela, u jikkundanna l-użu tal-vjolenza kontra d-dimostranti; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirrilaxxaw b'mod immedjat lil Antonio Ledezma, Leopoldo López, Daniel Ceballos u lid-dimostranti paċifiċi kollha, studenti u mexxejja tal-oppożizzjoni kollha li qed jinżammu detenuti arbitrarjament talli eżerċitaw id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet fundamentali tagħhom, u dan skont it-talbiet li saru minn bosta korpi u organizzazzjonijiet internazzjonali tan-NU; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirtiraw l-akkużi mingħajr bażi kontrihom;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jiżguraw li Antonio Ledezma, Leopoldo López, Daniel Ceballos u l-priġunieri politiċi l-oħra kollha jingħataw kull attenzjoni medika meħtieġa, kif ukoll aċċess immedjat, privat u regolari għall-qrabathom u għall-avukati tal-għażla tagħhom; jinsab imħasseb sew dwar il-kundizzjoni tal-priġunieri, li sejra għall-agħar;

3.  Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela sabiex iwaqqaf il-persekuzzjoni u r-ripressjoni politika tal-oppożizzjoni demokratika u l-ksur tal-libertà ta' espressjoni u ta' dimostrazzjoni, u jħeġġeġ li tintemm iċ-ċensura tal-midja; ifakkar lill-awtoritajiet li l-ilħna tal-oppożizzjoni huma indispensabbli għal soċjetà demokratika;

4.  Jikkundanna l-qtil b'arma tan-nar ta' Kluivert Roa u sitt studenti oħra, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tagħhom; jistieden lill-Gvern biex jirrevoka r-Riżoluzzjoni 8610 li ġiet ippubblikata dan l-aħħar,, li tippermetti lill-forzi tas-sigurtà biex jużaw forza possibbilment letali, b'arma tan-nar jew arma oħra potenzjalment letali biex trażżan protesti ċivili, li tmur kontra l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Venezwelana;

5.  Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela sabiex jikkonforma mal-Kostituzzjoni tiegħu stess u l-obbligi internazzjonali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura, id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, l-assoċjazzjoni u l-għaqda paċifika, u l-pluraliżmu politiku, li huma pedamenti tad-demokrazija; jistieden lill-Gvern tal-Venezwela sabiex jinħoloq ambjent fejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti jistgħu jwettqu l-ħidma leġittima tagħhom għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jenfasizza li bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-Gvern tal-Venezwela għandu responsabbiltà partikolari li jikkonforma mal-istat tad-dritt u mal-liġi internazzjonali;

6.  Jistieden lill-Gvern Venezwelan jiżgura li l-akkużi jkunu investigati malajr u b'mod imparzjali, bl-ebda marġni ta' impunità u b'rispett sħiħ għall-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u ta' proċess ġust; ifakkar li r-rispett tal-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat huwa fundamentali f'demokrazija, u li s-sistema ġudizzjarja ma tistax tintuża bħala arma politika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż, indipendentement mill-opinjoni u l-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-possibbiltà li protesti ġodda jwasslu għal aktar atti ta' vjolenza, li se jservu biss biex japprofondixxu d-distakk bejn il-pożizzjoni tal-gvern u dik tal-oppożizzjoni u jippolarizzaw saħansitra aktar l-iżviluppi politiċi sensittivi li qed iseħħu fil-Venezwela; jitlob lir-rappreżentanti tal-partijiet kollha u l-membri tas-soċjetà Venezweljana jżommu l-kalma kemm fl-azzjonijiet kif ukoll fil-kliem; iwissi kontra kwalunkwe pass li jista' jwassal għal atmosfera ta' tensjoni u ta' rigress, li jista' jwassal biex l-oppożizzjoni demokratika tkun deleġittimizzata u ssir illegali u/jew l-elezzjonijiet jiġu kanċellati;

8.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, f'sena ta' elezzjoni, l-oppożizzjoni politika kienet vittma ta' detenzjoni arbitrarja u attakki, li jistgħu jqajmu dubju kemm dwaril-leġittimità kif ukoll dwar l-eżitu tal-proċess elettorali;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela, fid-dawl tal-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin, jużaw dan il-perjodu sabiex jistabbilixxu proċess politiku inklużiv ibbażat fuq il-kunsens u s-sjieda konġunta, permezz ta' djalogu nazzjonali ġenwin li fih jipparteċipaw b'mod sinifikanti s-setgħat politiċi demokratiċi kollha fil-qafas tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem; jappella wkoll liż-żewġ naħat jiddiskutu l-aktar problemi serji li qed jaffaċċja l-pajjiż biex b'hekk isiru r-riformi ekonomiċi u ta' governanza meħtieġa; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jiżguraw li jsiru elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti fi ħdan proċess kompletament inklużiv, bil-parteċipazzjoni tal-atturi demokratiċi kollha; jitlob lill-atturi kollha tal-politika jżommu l-ġlieda politika fil-konfini tal-ordni kostituzzjonali, u jirreżistu kwalunkwe pressjoni li jirradikalizzaw l-azzjonijiet tagħhom;

10. Jinkoraġġixxi lis-sħab reġjonali tal-Venezwela, bħall-UNASUR u l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, sabiex jiftħu kanali ta' djalogu u ta' fehim bejn il-partijiet kunfliġġenti, u jiggarantixxu s-sikurezza u l-ħarsien tal-pubbliku, u li jerġgħu jsaltnu l-kalma u n-normalità fil-Venezwela;

11. Iħeġġeġ lill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali jagħmlu dikjarazzjonijiet u jieħdu miżuri sabiex juru solidarjetà mal-poplu tal-Venezwela matul dan il-perjodu diffiċli;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jesploraw u jadottaw kull miżura meħtieġa sabiex iħarsu l-interessi Ewropej u l-prinċipju taċ-ċertezza ġuridika tal-intrapriżi Ewropej fil-Venezwela;

13. Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Venezwela u l-ambaxxati tal-Istati Membri biex ikomplu josservaw mill-qrib l-investigazzjonijiet u s-smigħ tal-proċessi tal-mexxejja tal-oppożizzjoni; ifakkar fit-talba tiegħu li tintbagħat delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew biex tivvaluta s-sitwazzjoni fil-Venezwela u li jkun hemm djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;

14. Ifakkar fit-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex tappella għall-ħelsien immedjat tad-dimostranti li ilhom arrestati arbitrarjament minn meta bdew il-protesti;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0176.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2014)0106.

(3)

ĠU C 258E, 7.9.2013, p. 84.

Avviż legali - Politika tal-privatezza