Proċedura : 2015/2592(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0239/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0239/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.4
CRE 12/03/2015 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0074

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 154kWORD 89k
11.3.2015
PE552.218v01-00}
PE552.226v01-00}
PE552.228v01-00}
PE552.229v01-00}
PE552.231v01-00} RC1
 
B8-0239/2015}
B8-0247/2015}
B8-0249/2015}
B8-0250/2015}
B8-0252/2015} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B8‑0239/2015)

ALDE (B8‑0247/2015)

ECR (B8‑0249/2015)

S&D (B8‑0250/2015)

PPE (B8‑0252/2015)


dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja (2015/2592(RSP))


Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Sandra Kalniete, Gabrielius Landsbergis, David McAllister, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Gunnar Hökmark, Jerzy Buzek, Michael Gahler, Andrej Plenković, Jaromír Štětina, Andrey Kovatchev, Luděk Niedermayer, Michaela Šojdrová, Ivan Štefanec, Jiří Pospíšil, Pavel Svoboda, Davor Ivo Stier, József Nagy, Ivana Maletić, Claude Rolin, Pascal Arimont, Anna Maria Corazza Bildt f'isem il-Grupp PPE
Richard Howitt, Marju Lauristin, Liisa Jaakonsaari, Kati Piri, Csaba Molnár, Boris Zala, Vilija Blinkevičiūtė, Marlene Mizzi, Nicola Caputo, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Enrico Gasbarra, Jo Leinen, Viorica Dăncilă, Victor Negrescu, Tonino Picula, Marc Tarabella, Jeppe Kofod, Doru-Claudian Frunzulică, Neena Gill, Zigmantas Balčytis, Ana Gomes, Costas Mavrides, Afzal Khan f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Anna Elżbieta Fotyga, Tomasz Piotr Poręba, Roberts Zīle, Karol Karski, Beata Gosiewska, Zbigniew Kuźmiuk, Janusz Wojciechowski, Stanisław Ożóg, Kazimierz Michał Ujazdowski, Andrzej Duda, Marek Jurek, Mark Demesmaeker, Peter van Dalen f'isem il-Grupp ECR
Guy Verhofstadt, Johannes Cornelis van Baalen, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, Juan Carlos Girauta Vidal, Antanas Guoga, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Alexander Graf Lambsdorff, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Viktor Uspaskich, José Inácio Faria f'isem il-Grupp ALDE
Tamás Meszerics, Rebecca Harms, Heidi Hautala, Indrek Tarand, Bronis Ropė, Davor Škrlec, Peter Eriksson, Ulrike Lunacek f'isem il-Grupp Verts/ALE
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja (2015/2592(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viżi għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky(1), tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja(2), tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Russja: l-għoti ta' sentenzi lil dimostranti involuti fl-avvenimenti ta' Pjazza Bolotnaya(3), u tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO 'Memorial' (rebbieħa tal-Premju Sakharov 2009) fir-Russja(4), u tal-15 ta' Jannar 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari dwar il-każ ta' Alexei Navalny(5),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP / RGħ), Federica Mogherini, tat-28 ta' Frar 2015 dwar l-omiċidju ta' Boris Nemtsov,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-VP / RGħ tal-4 ta' Marzu 2015 dwar id-detenzjoni kontinwa ta' Nadiya Savchenko,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għall-VP / RGħ tat-3 ta' Marzu 2015 dwar ir-rifjut li l-MPE Sandra Kalniete titħalla tidħol fit-territorju tal-Federazzjoni Russa,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta' Marzu 2014 mill-Ombudsman tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Federazzjoni Russa, Vladimir Lukin, dwar dimostrazzjonijiet pubbliċi f'Moska u l-passi meħuda mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi,

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-28 ta' Novembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, kif ukoll in-negozjati li hemm sospiżi għal ftehim ġdid UE-Russja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi Boris Nemtsov, Viċi Prim Ministru preċedenti tal-Federazzjoni Russa, Gvernatur preċedenti ta' Nizhny Novgorod, riformista preminenti tas-soċjetà u l-ekonomija Russa post-Sovjetika u wieħed mill-mexxejja tal-oppożizzjoni liberali demokratika tar-Russja, ġie assassinat ħdejn il-Kremlin jumejn qabel dimostrazzjoni li kellha ssir fl-1 ta' Marzu 2015, li hu kien qed jorganizza, kontra l-effetti tal-kriżi ekonomika u l-kunflitt fl-Ukraina;

B.  billi fil-ġimgħat ta' qabel l-omiċidju, Boris Nemtsov kien qed jinvestiga l-parteċipazzjoni tar-Russja fil-konflitt Donbas u kellu l-intenzjoni li jippubblika rapport dwar il-kwistjoni; billi ħamest irġiel ġew arrestati fuq il-qtil ta' Boris Nemtsov, imma mhuwiex ċar kemm kien wieħed minn dawk miżmuma li spara t-tir fatali; billi l-awtoritajiet Russi ma ppermettewx lil xi Membri tal-Parlament Ewropew u lil xi delegazzjonijiet nazzjonali jidħlu fil-Federazzjoni Russa, b'hekk impedewhom milli jattendu l-funeral ta' Boris Nemtsov;

C. billi Boris Nemtsov kien difensur qawwi ta' Federazzjoni Russa moderna, prospera u demokratika, miftuħa għad-dinja;

D. billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, impenjat ruħha li tħares il-prinċipji universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem;

E.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja marret għall-agħar tul dawn l-aħħar snin u billi l-awtoritajiet Russi adottaw sensiela ta' liġijiet b'dispożizzjonijiet ambigwi li qed jintużaw biex ipoġġu aktar restrizzjonijiet fuq l-atturi tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili, u b'hekk ixekklu l-libertajiet tal-espressjoni u tal-għaqda; billi l-Ministeru tal-Ġustizzja għamel użu minn poteri introdotti dan l-aħħar biex jiddikjara 42 grupp bħala "aġenti barranin", inkluż l-organizzazzjonijiet favur id-drittijiet tal-bniedem l-aktar esperti u awtoritattivi tal-pajjiż, u uża pretesti burokratiċi biex jipprova jxolji bosta gruppi oħrajn; billi f'Jannar 2015 id-Duma ħadet l-ewwel pass fl-approvazzjoni ta' liġi ġdida li tipprojbixxi l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet barranin "mhux mixtieqa";

F.  billi l-Parlament esprima t-tħassib tiegħu f'bosta okkażjonijiet dwar l-istat tad-demokrazija fir-Russja, u dwar il-falliment sistematiku li jiġi rispettat l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali; billi l-istat tad-dritt, l-istandards ta' proċess ġust, il-proċess dovut u l-indipendenza tal-ġudikatura mhumiex rispettati fir-Russja; billi l-aħħar elezzjonijiet presidenzjali u tad-Duma tal-Istat naqsu milli jilħqu l-istandards tal-OSKE;

G. billi, matul dawn l-aħħar snin, ħafna proċessi u proċedimenti ġudizzjarji, bħall-każijiet Navalny, Magnitsky, Khodorkovsky, Politkovskaya u każijiet oħrajn, tefgħu dubju fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Federazzjoni Russa; billi dawn il-każijiet ta' persuni prominenti huma sempliċement biss dawk il-każijiet magħrufa barra r-Russja għal dak li hu l-falliment sistematiku min-naħa tal-istat Russu li jirrispetta l-istat tad-dritt u jiggarantixxi l-ġustizzja liċ-ċittadini tiegħu;

H. billi dejjem qed jikber il-bżonn ta' politika unita, soda, koerenti u komprensiva tal-UE fil-konfront tar-Russja, appoġġjata mill-Istati Membri kollha, b'appoġġ u għajnuna sostnuti bi kritika soda u ġusta abbażi tal-valuri universali li kemm l-UE kif ukoll ir-Russja qablu li jħaddnu;

I.   billi l-UE permezz tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, ripetutament offriet assistenza u għarfien espert lir-Russja, għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, biex twettaq l-obbligi internazzjonali tagħha u tiżviluppa l-potenzjal ekonomiku sħiħ tagħha;

J.   billi fid-19 ta' Frar 2015 il-kap tal-oppożizzjoni Russa Aleksei Navalny ġie kkundannat 15-il jum ħabs talli qassam fuljetti biex jirreklama d-dimostrazzjoni li kienet se ssir; billi fit-30 ta' Diċembru 2014 qorti imponiet fuqu sentenza sospiża ta' tliet snin u nofs u tat sentenza ta' ħabs ta' tliet snin u nofs lil ħuh, Oleg Navalny;

K. billi fl-4 ta' Marzu 2015 qorti ta' Moska ċaħdet appell ieħor minn Nadiya Savchenko kontra d-detenzjoni illegali tagħha mill-Federazzjoni Russa, li ressqet b'referenza għall-immunità tagħha bħala membru tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE); billi sal-4 ta' Marzu s-Sa Savchenko kienet fuq strajk tal-ġuħ għal 82 jum, u billi, wara perjodu ta' żmien bħal dan, qed tiffaċċja r-riskju ta' ħsara permanenti għal saħħitha, jew il-mewt;

L.  billi għaddew sitt xhur mill-ħtif tal-uffiċjal tal-pulizija Estonjan Eston Kohver mis-servizzi ta' sigurtà Russi fit-territorju Estonjan, bi ksur tad-dritt internazzjonali; billi għadu miżmum illegalment fil-ħabs ta' Lefortovo f'Moska; billi mhuwiex qed jirċievi għajuna legali adegwata, ġie mċaħħad mid-dritt tiegħu ta' proċess ġust u ġie ordnat jissottoponi ruħu għal eżami psikjatriku mhux ġustifikat, li d-dettalji tiegħu baqgħu mhux magħrufa;

M. billi l-Fond Ewropew għad-Demokrazija qed jikkonċentra fuq il-kwistjoni tal-pluralità tal-midja Russa, u billi, flimkien mas-sħab tiegħu, qed jiġi mistieden jiżviluppa inizjattivi ġodda tal-midja;

N. billi t-tifrik u l-kaxxi s-suwed tal-ajruplan Tu-154 tal-Gvern Pollakk, li kkraxxja qrib Smolensk f'April 2010 u qatel lill-President Pollakk u membri prominenti politiċi, militari u kulturali, għadhom f'idejn ir-Russja; billi l-awtoritajiet Russi qed jirrifjutaw li jirritornawhom lill-Polonja minkejja d-diversi appelli biex dan iseħħ;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-omiċidju ta' Boris Nemtsov f'assassinju politiku l-aktar sinifikanti fl-istorja reċenti Russa, li fih ġie maqtul b'tiri ta' arma tan-nar qrib il-Kremlin, f'żona mgħammra b'video cameras u mimlija b'persunal tal-pulizija u servizzi ta' sigurtà;

2.  Juri rikonoxximent lil Boris Nemtsov, mexxej prominenti tal-oppożizzjoni, fundatur u mexxej tal-moviment politiku Solidarnost, kritiku ewlieni tal-President Vladimir Putin u tal-gwerra fl-Ukraina u li impenja lilu nnifsu għal Russja aktar demokratika, prospera u miftuħa u għal sħubiji qawwija bejn ir-Russja u l-ġirien u s-sħab tagħha; jestendi l-kondoljanzi l-aktar profondi tiegħu lill-familja u l-ħbieb ta' Boris Nemtsov, lill-membri tal-oppożizzjoni u lill-poplu Russu; jikkundanna d-deċiżjoni tat-tmexxija Russa li żżomm diplomatiċi tal-UE u delegazzjonijiet nazzjonali milli jattendu għall-funeral tiegħu, biex b'hekk jimpedixxu t-tentattiv tal-UE li tagħti r-rikonoxximent lil ċittadini qalbiena Russi li jiddefendu valuri universali;

3.  Jindika li dan l-omiċidju hu wieħed fost numru dejjem akbar ta' omiċidji u ta' mwiet suspettużi mhux solvuti b'motivazzjoni politika mwettqa fir-Russja sa mill-1998, inkluż dawk tal-ġurnalista investigattiva Anna Politkovskaya, Alexander Litvinenko, li allegatament kien assassinat fir-Renju Unit, l-avukat Stanislav Markelov, il-ġurnalista Anastasia Baburova, id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Natalia Estemirova, l-avukat Sergei Magnitsky, u issa tal-politiku Boris Nemtsov;

4.  Jieħu nota tal-arrest ta' ħames suspettati ta' oriġini Ċeċena mħabbar mill-awtoritajiet Russi;

5.  Jitlob investigazzjoni internazzjonali indipendenti tal-omiċidju; huwa tal-fehma li l-istrumenti disponibbli fi ħdan il-qafas tal-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti jgħinu jiżguraw investigazzjoni imparzjali u ġusta;

6.  Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex fl-ifformular tal-politika futura tagħhom fil-konfront tar-Russja, jikkunsidraw il-fatt li l-atmosfera politika li ħolqu l-awtoritajiet Russi ħejjiet art fertili għal omiċidji, vjolenza u pressjoni bħal dawn; jinsab allarmat bl-atmosfera ta' mibegħda fil-konfront tal-attivisti tal-oppożizzjoni, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-minoranzi u n-nazzjonijiet tal-viċinat, li f'dawn l-aħħar snin kompliet tiżdied fir-Russja, istigata mill-propoganda tal-istat u mill-midja uffiċjali bħala parti minn kultura politika li tbiegħed lilha nnifisha minn prinċipji demokratiċi;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa jwaqqfu l-propaganda ta' misħija u informazzjoni ta' gwerra kontra l-ġirien tagħha, id-dinja tal-Punent u l-popli tagħha, li qed tbiddel lir-Russja fi stat karatterizzat mir-ripressjoni, diskorsi ta' mibegħda u biża' fejn l-ewforja nazzjonalista qed tinbena fuq l-annessjoni tal-Krimea u fuq l-eskalazzjoni tal-gwerra fl-Ukraina, fejn id-drittijiet tat-Tartari tal-Krimea qed jiġu miksura u fejn il-Kremlin, bi ksur tad-dritt internazzjonali, qed jikkultiva u jipprovoka mibegħda u ġlied; jikkundanna l-propaganda l-ġdida tal-gwerra li qed issir kontra l-valuri demokratiċi u fundamentali, li qed jiġu ppreżentati bħala mhux idonji għas-soċjetà Russa; ifakkar li kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Federazzjoni Russa impenjaw lilhom infushom, f'diversi dikjarazzjonijiet u trattati internazzjonali, li jipproteġu l-valuri demokratiċi universali u d-drittijiet fundamentali; jenfasizza l-importanza li jkun hemm forzi tal-oppożizzjoni politiċi, sabiex ikun żgurat dibattitu kostanti u skambju ta' fehmiet u ideat fil-politika u fil-proċessi tat-tfassil tal-liġijiet fir-Russja;

8.  Jitlob lill-awtoritajiet Russi biex iġibu fi tmiemhom kull pressjoni, kull att ripressiv u kull intimidazzjoni - kemm politiċi kif ukoll ġuridiċi - kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti, sabiex dawn jitħallew jaġixxu b'mod ħieles bi qbil mal-prinċipji bażiċi tal-kostituzzjoni Russa;

9.  Jinsab ferm imħasseb dwar in-nuqqas ta' osservanza min-naħa tar-Russja tal-obbligi legali internazzjonali bħala membru tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-istat tad-dritt; hu tal-fehma li l-Federazzjoni Russa għandha tissodisfa l-obbligi li għalihom iffirmat; jiddeplora l-fatt li żviluppi reċenti juru li r-Russja marret lejn direzzjoni kuntrarja għal dik ta' demokrazija li tiffunzjona, li tinkludi rispett lejn l-oppożizzjoni, l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura;

10. Jiddeplora b'mod qawwi n-nuqqas tal-awtoritajiet Russi biex jirrispondu għall-kritika kemm fi ħdan il-Federazzjoni Russa kif ukoll fix-xena internazzjonali tal-Liġi dwar l-Aġenti Barranin, u minflok adottaw emendi li huma diskriminatorji minn natura tagħhom u li jkomplu jirrestrinġu aktar il-possibbiltajiet għal organizzazzjonijiet mhux kummerċjali li jaġixxu; jistieden bil-qawwa lir-Russja biex tagħmel eżami tal-leġiżlazzjoni rilevanti bl-iskop li tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet demokratiċi;

11. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tat-28 ta' Jannar 2015, li ċaħdet l-ilment imressaq mill-Ministeru tal-Ġustizzja li talab l-għeluq "tas-Soċjetà Memorjal Russa" u l-allegazzjonijiet ta' ksur fi ħdan l-istruttura organizzattiva tagħha, u jitlob li l-NGOs l-oħra li jinsabu fuq il-lista ta' "aġenti barranin", jitneħħew minnha;

12. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jeħilsu immedjatament lil dawk kollha rikonoxxuti bħala priġunieri politiċi;

13. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jeħilsu urġentement lil Nadiya Savchenko u li jirrispettaw l-immunità tagħha bħala membru ta' Verkhovna Rada tal-Ukraina u ta' PACE, li nħatfet fit-territorju tal-Ukraina u tinsab miżmuma illegalment f'ħabs Russu; jissottolinja l-fatt li r-Russja terfa' r-responsabilità għall-istat ta' saħħa fraġli tagħha; jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu għall-kondizzjoni ta' saħħitha u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji Russi japplikaw il-liġi umanitarja;

14. Jikkundanna l-ħtif tal-uffiċjal tal-pulizija Estonjan Eston Kohver fit-territorju Estonjan lejn ir-Russja; isejjaħ għall-ħelsien immedjat tiegħu u għal ritorn sikur lejn l-Estonja;

15. Jemmen li r-Russja tibqa' attur globali importanti u li hu fl-interess strateġiku tal-UE u tar-Russja li b'mod rapidu jnaqqsu t-tensjoni u jniedu mill-ġdid ir-relazzjonijiet bejniethom, permezz tad-diplomazija u l-medjazzjoni, dment li dan iseħħ b'rispett dovut għad-dritt internazzjonali u l-impenji tal-OSKE;

16. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-forzi demokratiċi fir-Russja, li huma impenjati lejn soċjetà miftuħa u lejn aġenda riformista;

17. Iħeġġeġ lill-Kunsill jiżviluppa politika komuni fir-rigward tar-Russja li timpenja lit-28 Stat Membru tal-UE u lill-istituzzjonijiet tal-UE li jibagħtu messaġġ komuni qawwi dwar ir-rwol tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u dwar il-bżonn li jintemm it-trażżin tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni fir-Russja; hu tal-fehma li din l-istrateġija tal-UE għandha tkun immirata biex twassal lir-Russja tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tal-OSKE u tinċentiva lill-mexxejja tagħha jaqilgħu lir-Russja mill-awtoiżolament politiku u ekonomiku tagħha;

18. Iħeġġeġ lill-VP / RGħ, bl-appoġġ tas-SEAE u tal-Kummissjoni, tiżviluppa programm aktar b'saħħtu ta' appoġġ għas-soċjetà ċivili Russa u fil-Krimea okkupata, u biex tfittex u tiżviluppa opportunitajiet ġodda li permezz tagħhom dawn jimpenjaw ruħhom magħha bil-għan li jippromwovu l-valuri tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fir-rigward tal-fażi ta' programmar tal-istrumenti finanzjarji tal-UE li għaddejja bħalissa, iżżid l-assistenza finanzjarja lis-soċjetà ċivili Russa permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-fondi għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, u tinkludi lill-Forum tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u r-Russja fl-Istrument ta' Sħubija bl-għan li tiżgura appoġġ sostenibbli u kredibbli fit-tul;

19. Itenni t-tħassib tiegħu, kif espress fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, dwar in-nuqqas tal-awtoritajiet Russi li jikkooperaw mal-investigazzjoni indipendenti u internazzjonali fit-twaqqigħ tat-titjira MH17;

20. Jistieden lill-awtoritajiet Russi biex immedjatament jirritoraw it-tifrik tal-ajruplan Tu-154 tal-Gvern Pollakk u l-kaxxi suwed kollha lill-Polonja; jenfasizza l-fatt li l-livell ta' dipendenza tal-ġudikatura Russa fuq l-awtoritajiet jimmina kull investigazzjoni imparzjali u onesta;   jitlob biex issir investigazzjoni internazzjonali u indipendenti fil-kawżi tal-waqgħa tal-ajruplan Tu-154 tal-Gvern Pollakk;

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

 

 

(1)

ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 13.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0284.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2014)0253.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2014)0039.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2015)0006.

Avviż legali - Politika tal-privatezza