MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen
14.4.2015 - (2015/2590(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ALDE (B8‑0342/2015)
EFDD (B8‑0343/2015)
Verts/ALE (B8‑0344/2015)
GUE/NGL (B8‑0346/2015)
S&D (B8‑0347/2015)
ECR (B8‑0348/2015)
PPE (B8‑0349/2015)
Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Jacek Saryusz-Wolski, Andrej Plenković, Renate Sommer, Esther de Lange, Tunne Kelam, David McAllister, Eduard Kukan, Michael Gahler, Andrey Kovatchev, Jaromír Štětina, Michaela Šojdrová, Michał Boni, Tomáš Zdechovský, Lara Comi, Davor Ivo Stier, Pavel Svoboda, László Tőkés, Milan Zver, Claude Rolin, Luděk Niedermayer, Stanislav Polčák f'isem il-Grupp PPE
Knut Fleckenstein, Victor Boștinaru, Richard Howitt, Vincent Peillon, Arne Lietz, Nikos Androulakis, Demetris Papadakis, Nicola Caputo, Tonino Picula, Marlene Mizzi, Zigmantas Balčytis, Ana Gomes, Tanja Fajon, Siôn Simon, Goffredo Maria Bettini, Andrejs Mamikins, Miroslav Poche, Liisa Jaakonsaari, Pier Antonio Panzeri, Gabriele Preuß, Josef Weidenholzer, Miltiadis Kyrkos, Afzal Khan, Brando Benifei, Sylvie Guillaume f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Kazimierz Michał Ujazdowski, Marek Jurek, Angel Dzhambazki, Mark Demesmaeker, Bas Belder, Kosma Złotowski, Sajjad Karim, Beatrix von Storch f'isem il-Grupp ECR
Jean-Marie Cavada, Petras Auštrevičius, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, José Inácio Faria, Juan Carlos Girauta Vidal, Ivan Jakovčić, Javier Nart, Frédérique Ries, Pavel Telička, Johannes Cornelis van Baalen f'isem il-Grupp ALDE
Takis Hadjigeorgiou, Miloslav Ransdorf, Patrick Le Hyaric, Marisa Matias, Malin Björk, Kostas Chrysogonos, Emmanouil Glezos, Kostadinka Kuneva, Sofia Sakorafa, Dimitrios Papadimoulis, Martina Anderson, Luke Ming Flanagan f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ulrike Lunacek, Heidi Hautala, Michèle Rivasi, Jordi Sebastià, Bodil Ceballos, Tatjana Ždanoka, Bart Staes, Davor Škrlec, Indrek Tarand, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Laura Agea, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tal-1948,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 1987 dwar soluzzjoni politika għall-kwistjoni tal-Armenja[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[2],
– wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-Istabbiliment ta’ Relazzjonijiet Diplomatiċi bejn ir-Repubblika tal-Armenja u r-Repubblika tat-Turkija u l-Protokoll dwar l-Iżvilupp tar-Relazzjonijiet bejn ir-Repubblika tal-Armenja u r-Repubblika tat-Turkija ffirmati f’Zurich fl-10 ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-2015 taħbat għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen li twettaq fl-Imperu Ottoman;
B. billi għadd dejjem akbar ta' Stati Membri u parlamenti nazzjonali jirrikonoxxu l-Ġenoċidju Armen li twettaq fl-Imperu Ottoman;
C. billi waħda mill-motivazzjonijiet ewlenin għall-moviment ta' unifikazzjoni Ewropea hija r-rieda li ma nħallux li gwerer u delitti kontra l-umanità jerġgħu jseħħu fl-Ewropa;
D. billi t-Turkija u l-Armenja bdew proċess ta’ normalizzazzjoni diplomatika, billi ffirmaw protokolli fl-2009 Zurich dwar l-istabbiliment u l-iżvilupp tar-relazzjonijiet;
E. billi huwa tal-akbar importanza li l-memorji tal-passat jinżammu ħajjin, peress li l-ebda rikonċiljazzjoni ma tista’ sseħħ mingħajr verità u tifkira;
1. Jagħti ġieħ, lejliet għeluq il-mitt sena, lill-memorja tal-miljun u nofs vittma innoċenti Armena li tilfu ħajjithom fl-Imperu Ottoman; jingħaqad fil-kommemorazzjoni ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen fi spirtu ta' solidarjetà u ġustizzja Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jissieħbu fil-kommemorazzjoni taċ-ċentenarju;
2. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 1987, li fiha, inter alia, irrikonoxxa li l-ġrajjiet traġiċi li seħħew bejn l-1915 u l-1917 kontra l-Armeni fit-territorju tal-Imperu Ottoman jirrappreżentaw ġenoċidju kif definit fil-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta’ Ġenoċidju tal-1948; jikkundanna l-okkorrenzi kollha ta' delitti kontra l-umanità u ġenoċidju, u jiddeplora bil-qawwa kull tentattiv ta' ċaħda tagħhom;
3. Jagħti ġieħ lill-memorja tal-vittmi innoċenti tal-ġenoċidji u tad-delitti kontra l-umanità kollha kemm huma; jipproponi li jiġi stabbilit Jum Internazzjonali ta' Tifkira tal-Ġenoċidji, bil-għan li jerġa' jitfakkar id-dritt tal-popli kollha u tan-nazzjonijiet kollha madwar id-dinja għall-paċi u d-dinjità;
4. Jenfasizza li l-prevenzjoni f'waqtha u l-ikkastigar effikaċi ta' ġenoċidji u delitti kontra l-umanità għandhom ikunu fost il-prijoritajiet ewlenin tal-komunità internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea;
5. Jilqa' d-dikjarazzjonijiet tal-President tar-Repubblika tat-Turkija, Recep Tayyip Erdoğan, u tal-Prim Ministru tar-Repubblika tat-Turkija, Ahmet Davutoğlu, li fihom offrew kondoljanzi u rrikonoxxew atroċitajiet kontra l-Armeni Ottomani, bħala pass fid-direzzjoni t-tajba; iħeġġeġ lit-Turkija tuża l-kommemorazzjoni ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen bħala opportunità importanti biex tissokta bl-isforzi tagħha, inkluż permezz tal-ftuħ tal-arkivji, bil-għan li taċċetta l-imgħoddi tagħha, tirrikonoxxi l-Ġenoċidju Armen u b’hekk twitti t-triq għal rikonċiljazzjoni ġenwina bejn il-popli tat-Turkija u tal-Armenja;
6. Jistieden lit-Turkija tirrispetta u twettaq bis-sħiħ l-obbligi legali li assumiet rigward il-protezzjoni tal-wirt kulturali u, b'mod partikolari, tagħmel b’bonafidi inventarju integrat tal-wirt kulturali Armen u ta' oriġini oħra li safa meqrud jew mgħarraq tul is-seklu li għadda fil-ġurisdizzjoni tagħha;
7. Jistieden lill-Armenja u lit-Turkija jużaw eżempji ta' rikonċiljazzjoni li rnexxiet bejn nazzjonijiet Ewropej, u jiffukaw fuq aġenda li tqiegħed fl-ewwel post il-kooperazzjoni bejn il-popli; huwa fiduċjuż li dan jikkontribwixxi għar-rikonċiljazzjoni storika bejn il-poplu Armen u dak Tork, fi spirtu ta’ verità u rispett; jappoġġja inizjattivi tas-soċjetà ċivili bejn it-Turkija u l-Armenja li jaħdmu favur in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet; iħeġġeġ lit-Turkija u lill-Armenja jipproċedu għal normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejniethom billi jirratifikaw u jimplimentaw, mingħajr prekundizzjonijiet, il-protokolli dwar l-istabbiliment ta' relazzjonijiet diplomatiċi, billi jiftħu l-fruntiera u billi jtejbu r-relazzjonijiet bejniethom b'mod attiv, b'riferiment partikolari għall-kooperazzjoni transfruntiera u għall-integrazzjoni ekonomika;
8. Jagħti istruzzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Armenja, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.
- [1] ĠU C 190, 20.7.1987, p. 119.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2015)0076.