MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar it-tifqigħa tal-Xylella fastidiosa, marda li qed tolqot is-siġar taż-żebbuġ
19.5.2015 - (2015/2652(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B8‑0451/2015)
PPE (B8‑0452/2015)
S&D (B8‑0457/2015)
ALDE (B8‑0458/2015)
Esther Herranz García, Nuno Melo, Barbara Matera, Marijana Petir, Giovanni La Via, Ramón Luis Valcárcel Siso, Angélique Delahaye, Michel Dantin, Sofia Ribeiro, Daniel Buda, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Lara Comi, Davor Ivo Stier f'isem il-Grupp PPE
Paolo De Castro, Clara Eugenia Aguilera García, Viorica Dăncilă, Michela Giuffrida, Momchil Nekov, Tibor Szanyi, Laurențiu Rebega, Ricardo Serrão Santos Nicola Caputo f'isem il-Grupp S&D
James Nicholson, Beata Gosiewska, Zbigniew Kuźmiuk, Jadwiga Wiśniewska, Notis Marias f'isem il-Grupp ECR
Ivan Jakovčić f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-it-tifqigħa tal-Xylella fastidiosa, marda li qed tolqot is-siġar taż-żebbuġ
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti u l-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità[1],
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar ir-riskju li Xylella fastidiosa tirrappreżenta għas-saħħa tal-pjanti fit-territorju tal-UE, flimkien ma' identifikazzjoni u evalwazzjoni tal-opzjonijiet ta' tnaqqis tar-riskju, ippubblikati fis-26 ta' Novembru 2013 u fis-6 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar, it-23 ta' Lulju 2014 u t-28 ta' April 2015 fir-rigward ta' miżuri li jimpedixxu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Xylella fastidiosa fl-Unjoni,
– wara li kkunsidra r-rapporti mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju ta’ verifiki mwettqa fi Frar u f'Novembru 2014,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar it-tifqigħa tal-Xylella fastidiosa, marda li qed tolqot is-siġar taż-żebbuġ (O-000038/2015 – B8-0117/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Xylella fastidiosa hija theddida immedjata u perikoluża immens għall-produzzjoni fin-Nofsinhar tal-Ewropa ta' ċerti għelejjel, inklużi s-siġar taż-żebbuġ, tal-lewż u tal-ħawħ, kif ukoll pjanti ornamentali; u billi skont it-tip ta' batterju hi theddida potenzjali għad-dwieli, is-siġar taċ-ċitru u għelejjel oħra, u billi din tista' twassal għal telf devastanti u mingħajr preċedent, b'konsegwenzi ekonomiċi, ambjentali u soċjali drammatiċi; billi r-razza tal-Xylella fastidiosa li qed tinfetta s-siġar taż-żebbuġ fir-reġjun tal-Pulja hi differenti mill-iżolati li qed jikkawżaw mard fid-dwieli jew fiċ-ċitru f’partijiet oħra tad-dinja;
B. billi l-batterju diġà qed jikkawża ħsara serja fl-imsaġar taż-żebbuġ fir-reġun tal-Pulja fin-Nofsinhar tal-Italja, u potenzjalment qed jhedded għelejjel u reġjuni oħrajn;
C. billi l-produzzjoni taż-żebbuġ hija waħda mill-aktar setturi agrikoli importanti tar-reġjun tal-Pulja, u tirrappreżenta 11.6 % (jew EUR 522 miljun) tal-valur totali tal-produzzjoni agrikola fir-reġjun u 30 % tal-valur tal-produzzjoni Taljana taż-żebbuġ fl-2013;
D. billi l-preżenza tal-Xylella fastidiosa qed tikkawża ħsara ekonomika serja ħafna, mhux biss għall-produtturi taż-żebbuġ iżda wkoll għall-katina ta' produzzjoni sħiħa, inklużi impriżi li jipproduċu ż-żejt kemm kooperattivi u kif ukoll privati, kif ukoll għal attivitajiet marbuta mat-turiżmu u mat-tqegħid fis-suq;
E. billi l-ewwel aħbar ta' tifqigħa tal-Xylella fastidiosa ngħatat mill-awtoritajiet Taljani fil-21 ta' Ottubru 2013, u minn dak iż-żmien għadd allarmanti ta' siġar ġew infettati;
F. billi l-ispezzjonijiet imwettqa fl-Italja fi Frar u f'Novembru 2014 mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO) tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari jikkonfermaw li s-sitwazzjoni marret għall-agħar b'mod drammatiku u li wieħed ma jistax jeskludi li l-batterju jkompli jinxtered;
G. billi bħalissa m'hemm disponibbli l-ebda trattament għall-kura tal-pjanti morda, u l-pjanti milquta għandhom it-tendenza li jibqgħu infettati tul ħajjithom jew imutu malajr;
H. billi għadd kbir ta' pjanti differenti, inklużi pjanti slavaġ asintomatiċi, jistgħu jġorru l-marda fl-Unjoni Ewropea;
I. billi l-EFSA enfasizzat li, minħabba d-diffikultà biex jitwaqaf it-tixrid tal-Xylella fastidiosa ladarba tintlaqat żona ta' produzzjoni, għandha tingħata prijorità lil azzjonijiet ta' prevenzjoni ffokati fuq l-importazzjonijiet u fuq il-kontroll tat-tifqigħa tal-marda flimkien ma' tisħiħ tal-kondiviżjoni tar-riċerka;
1. Jinnota li d-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li ttieħdu qabel April 2015 mill-Kummissjoni ffokaw l-aktar fuq azzjonijiet interni biex tiġi miġġielda t-tifqigħa u ma inkludewx miżuri b'saħħithom biex jimpedixxu li l-marda tidħol fl-Unjoni Ewropea minn pajjiżi terzi;
2. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tieħu miżuri mmirati kontra l-Xylella fastidiosa biex timpedixxi l-importazzjoni ta' aktar materjal infettat fl-UE; jilqa' d-deċiżjoni meħuda f'April 2015 mill-Kummissjoni li twaqqaf l-importazzjoni ta' pjanti Coffea infettati mill-Costa Rica u l-Honduras, u jilqa' wkoll ir-restrizzjonijiet adottati fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' pjanti li joriġinaw minn żoni milquta f'pajjiżi terzi oħrajn; jitlob l-applikazzjoni, jekk meħtieġa, ta' miżuri aktar b'saħħithom, inkluża l-awtorizzazzjoni ta' importazzjonijiet biss minn siti ta' produzzjoni ħielsa mill-mard;
3. Jiddispjaċih għall-fatt li, spiss, il-Kummissjoni ma tirreaġixxix malajr biżżejjed biex tevita d-dħul fl-UE ta' mard tal-pjanti minn pajjiżi terzi; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tivverifika s-sors tal-infezzjoni u twettaq rieżami tal-implimentazzjoni tas-sistema uffiċjali tal-UE għall-kontroll fitosanitarju bil-għan li tħares u tissalvagwardja t-territorju tagħna mill-Xylella fastidiosa;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni , speċjalment minħabba l-fatt li dalwaqt jidħol is-sajf, biex tieħu miżuri aktar effettivi bil-għan li tevita t-tixrid tal-Xylella fastidiosa fl-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari billi tiffoka fuq l-aktar għelejjel fir-riskju, filwaqt li ma tittraskurax għelejjel oħra li wkoll jistgħu jintlaqtu b'mod serju mill-marda, u jenfasizza l-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artiklu 9 tad-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-2005 f'dan ir-rigward;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkompensaw lill-produtturi għall-miżuri ta' qerda u t-telf tad-dħul - li jinvolvi telfiet mhux biss f'dik li hi produzzjoni agrikola, iżda wkoll f'dawk li huma attivitajiet relatati mal-wirt kulturali, l-istorja u t-turiżmu;
6. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet rilevanti biex jagħmlu użu mill-fondi u l-istrumenti kollha possibbli biex jgħinu fl-irkupru ekonomiku taż-żoni milquta; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika inċentivi għall-produtturi li jimplimentaw miżuri preventivi;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkunu disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji rilevanti, inkluż appoġġ finanzjarju sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu japplikaw prattiki agrikoli xierqa għall-ġestjoni tal-Xylella fastidiosa u l-insetti li jġorru l-batterji tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi sforzi ta' riċerka intensifikata mingħajr dewmien, fosthom billi jiżdied in-netwerking internazzjonali u billi tagħmel il-fondi disponibbli għall-istituti ta' riċerka, bil-għan li jiżdied l-għarfien xjentifiku dwar Xylella fastidiosa u li tkun identifikata n-natura tar-rabta bejn il-patoġenu, is-sintomi u l-iżvilupp tal-marda;
8. Jenfasizza l-ħtieġa li jsiru kampanji ta’ tagħrif f’żoni potenzjalment affettwati tal-UE sabiex jissensibilizzaw lil dawk involuti mhux biss fis-settur agrikolu imma wkoll fis-settur tal-ortikultura, inkluż il-bejjiegħa bl-imnut ta’ pjanti ornamentali, ġardinara professjonali u l-klijenti tagħhom;
9. Iqis li, speċjalment fid-dawl tal-fatt li dalwaqt jidħol is-sajf, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iwissu lill-vjaġġaturi dwar ir-riskji tal-introduzzjoni ta' pjanti infettati minn pajjiżi milquta mill-Xylella fastidiosa fl-UE;
10. Jappella għal aktar mezzi disponibbli biex tiġi żgurata d-detezzjoni ta' organiżmi li jagħmlu l-ħsara fil-punti ta' dħul fl-UE; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Istati Membri jżidu l-għadd ta' spezzjonijiet regolari bil-għan li jimpedixxu t-tixrid tal-Xylella fastidiosa 'l barra miż-żoni demarkati;
11. Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi bażi tad-data miftuħa, flimkien ma' lista ta' istituzzjonijiet u awtoritajiet kompetenti fil-livell tal-UE u fil-livell tal-Istati Membri, għall-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza, inklużi l-aħjar prattiki, kif ukoll għat-twissija rapida lill-awtoritajiet kompetenti u t-teħid ta' miżuri neċessarji;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod trasparenti, tfassal abbozz ta' linji gwida komprensivi għall-implimentazzjoni ta' miżuri preventivi u ta' kontroll tal-mard, flimkien ma' indikazzjonijiet ċari tal-kamp ta' applikazzjoni u t-tul ta' żmien tagħhom, abbażi tal-esperjenza eżistenti u l-aħjar prattiki, li jistgħu jintużaw bħala għodda min-naħa tal-awtoritajiet u s-servizzi kompetenti fl-Istati Membri;
13. Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament kull sena, jew fi kwalunkwe mument jekk is-sitwazzjoni tevolvi, dwar it-theddida lill-produtturi tal-UE mill-Xylella fastidiosa u ta' organiżmi oħra li huma ta' periklu għall-produzzjoni agrikola;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.