MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar iż-Żimbabwe, il-każ tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Itai Dzamara
20.5.2015 - (2015/2710(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B8‑0465/2015)
EFDD (B8‑0466/2015)
Verts/ALE (B8‑0467/2015)
ALDE (B8‑0468/2015)
GUE/NGL (B8‑0471/2015)
PPE (B8‑0474/2015)
S&D (B8‑0478/2015)
Cristian Dan Preda, Michael Gahler, Elmar Brok, David McAllister, Claude Rolin, Bogdan Brunon Wenta, Jiří Pospíšil, Marijana Petir, Davor Ivo Stier, Therese Comodini Cachia, Andrej Plenković, Csaba Sógor, Franck Proust, Giovanni La Via, Tomáš Zdechovský, Eduard Kukan, József Nagy, Ivan Štefanec, Tunne Kelam, Monica Macovei, Pavel Svoboda, Jeroen Lenaers, Dubravka Šuica, Michaela Šojdrová, Jaromír Štětina, Brian Hayes, Roberta Metsola, Ramona Nicole Mănescu, Tadeusz Zwiefka, Kinga Gál, Joachim Zeller, László Tőkés, Seán Kelly, Stanislav Polčák, Ivana Maletić, Andrzej Grzyb, Barbara Kudrycka, Elisabetta Gardini f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Victor Boştinaru, Richard Howitt, Norbert Neuser, Elena Valenciano, Ana Gomes, Pier Antonio Panzeri, Liisa Jaakonsaari, Kati Piri, David Martin, Agnes Jongerius, Jude Kirton-Darling, Miriam Dalli, Krystyna Łybacka, Viorica Dăncilă, Victor Negrescu, Tibor Szanyi, Theresa Griffin, Michela Giuffrida, Siôn Simon, Doru-Claudian Frunzulică, Hugues Bayet, Miroslav Poche, Zigmantas Balčytis, Vilija Blinkevičiūtė, Nicola Danti, Sergio Gutiérrez Prieto, Nicola Caputo, Neena Gill, Marlene Mizzi, Biljana Borzan, Momchil Nekov, Enrico Gasbarra, Marc Tarabella, Alessia Maria Mosca, Nikos Androulakis, Demetris Papadakis, Arne Lietz, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, José Blanco López, Isabella De Monte, Tonino Picula, Goffredo Maria Bettini, Eric Andrieu, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Eider Gardiazabal Rubial, Jonás Fernández, Damiano Zoffoli, Kashetu Kyenge, Javi López, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Julie Ward, Carlos Zorrinho, Louis-Joseph Manscour, Soraya Post, Andi Cristea f'isem il-Grupp S&D
Geoffrey Van Orden, Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Hans-Olaf Henkel, Ryszard Czarnecki, Anna Elżbieta Fotyga f'isem il-Grupp ECR
Catherine Bearder, Philippe De Backer, Louis Michel, Ramon Tremosa i Balcells, Pavel Telička, Martina Dlabajová, Hilde Vautmans, Juan Carlos Girauta Vidal, Marietje Schaake, Ilhan Kyuchyuk, Fernando Maura Barandiarán, Gérard Deprez, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Ivan Jakovčić, Filiz Hyusmenova, Ivo Vajgl, Petr Ježek, José Inácio Faria, Fredrick Federley, Antanas Guoga, Beatriz Becerra Basterrechea, Alexander Graf Lambsdorff, Javier Nart, Frédérique Ries, Jozo Radoš, Izaskun Bilbao Barandica, Yana Toom, Nathalie Griesbeck, Marielle de Sarnez, Dita Charanzová, Urmas Paet, Johannes Cornelis van Baalen, Hannu Takkula f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
Judith Sargentini, Maria Heubuch, Heidi Hautala, Barbara Lochbihler, Ernest Urtasun, Bodil Ceballos, Igor Šoltes, Michèle Rivasi f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Dario Tamburrano, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-Żimbabwe, il-każ tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Itai Dzamara
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iż-Żimbabwe, partikolarment dik ta7 ta' Frar 2013[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet lokali tal-UE dwar il-ħtif ta’ Itai Dzamare tal-11 ta' Marzu 2015 u tad-9 ta' April 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, f’isem l-UE, tad-19 ta' Frar 2014 dwar ir-reviżjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ż-Żimbabwe,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2014/98/PESK tas-17 ta' Frar 2014[2] u 2015/277/PESK tad-19 ta' Frar 2015[3] li temenda d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar il-miżuri restrittivi imposti kontra ż-Żimbabwe,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tat-18 ta' Jannar 2013 dwar l-attakki reċenti fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qabel l-elezzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Politiku Globali (GPA) iffirmat fl-2008 mit-tliet partiti politiċi ewlenin, jiġifieri ZANU PF, MDC-T u MDC,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta' Lulju 2012 dwar iż-Żimbabwe u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/124/PESK tas-27 ta' Frar 2012[4] dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta’ Ġunju 1981, li ż-Żimbabwe rratifikaha,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni taż-Żimbabwe,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi, skont rapporti, fid-9 ta' Marzu 2015, Itai Dzamara, attivist prominenti tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe, mexxej tal-moviment Occupy Africa Unity Square u dissident fil-konfront tal-President Mugabe, safa maħtuf minn ħamest irġiel armati u mhux identifikati fis-subborgi ta' Harare; billi sal-lum għad mhuwiex magħruf fejn jinsab u hemm tħassib serju dwar is-sikurezza tiegħu u dwar il-protezzjoni ta' drittijietu;
B. billi, fix-xhur qabel il-ħtif tiegħu, is-Sur Dzamara kien mexxa għadd ta' protesti paċifiċi kontra s-sitwazzjoni politika u ekonomika taż-Żimbabwe, li sejra għall-agħar; billi jumejn qabel, is-Sur Dzamara indirizza dimostrazzjoni politika organizzata mill-partit tal-oppożizzjoni Movement for Democratic Change - Tsvangirai (MDC-T), meta ħeġġeġ li jsiru protesti tal-massa kontra d-deterjorament tar-ripressjoni u tal-qagħda ekonomika fil-pajjiż, u talab ir-riżenja tal-President Mugabe flimkien ma' riformi fis-sistema elettorali;
C. billi, sal-lum, il-gvern baqa' sieket dwar l-għejbien tas-Sur Dzamara, fatt li ta lok għal suspetti fl-opinjoni pubblika dwar responsabbiltà possibbli tal-Istat; billi l-partit fil-gvern, ZANU-PF, jiċħad l-għejbien furzat tiegħu u qed jiddenunzja l-ġrajja bħala att finta min-naħa tal-partiti tal-oppożizzjoni;
D. billi deċiżjoni tal-Qorti Superjuri tat-13 ta' Marzu ordnat lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jorganizzaw tfittxija għas-Sur Dzamara u jirrappurtaw lill-Qorti kull ġimagħtejn dwar il-progress li jkun sar sa ma jiġi ddtereminat fejn jinsab; billi sal-lum din id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema ġiet injorata minn dawk l-awtoritajiet li għandhom ir-responsabbilta li jieħdu azzjoni fuqha, u billi l-awtoritajiet statali għadhom ma ottemperawx ruħhom ma' din id-deċiżjoni;
E. billi s-Sur Dzamara kien safa attakkat bosta drabi minn sostenituri tal-partit fil-gvern, ZANU-PF, u minn uffiċjali tal-pulizija lebsin l-uniformi; billi f'Novembru 2014, madwar 20 pulizija lebsin l-uniformi mmanettjaw lis-Sur Dzamara u sawtuh sa ma ntilef minn sensih, filwaqt li attakkaw ukoll lill-avukat tiegħu, Kennedy Masiye;
F. billi 11-il ruħ ġew detenuti f’Harare fis-27 ta' April 2015 wara li kienu ħadu sehem f’purċissjoni b’appoġġ għal Itai Dzamara li kien għeb; billi l-attivisti ġew arrestati u nżammu għal sitt sigħat;
G. billi, wara l-għejbien tiegħu, martu Sheffra Dzamara rrikorriet lill-Qorti Suprema f'Harare biex iġġiegħel lill-pulizija u lis-Central Intelligence Organisation (CIO) jagħmlu tiftix għal żewġha; billi, tul is-smigħ, il-pulizija u s-CIO ċaħdu li kellhom kwalunkwe għarfien dwar fejn kien jinsab Dzamara; billi Sheffra Dzamara rrappurtat fil-bidu ta' April li rġiel mhux identifikati kienu qed iżommuha taħt sorveljanza kostanti u li kienet tħoss li ħajjitha mhedda;
H. billi s-sitwazzjoni attwali fiż-Żimbabwe f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija qed tmur għall-agħar, u billi l-ħin kollu jsiru rapporti dwar fastidju u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u membri tas-soċjetà ċivili fiż-Żimbabwe;
I. billi l-pulizija spiss jabbużaw mil-liġijiet eżistenti, bħalma huma l-Att dwar l-Ordni Pubbliku u s-Sigurtà Pubblika (POSA) u l-Att dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tal-Privatezza (AIPPA), biex jipprojbixxu laqgħat u assemblej pubbliċi legali;
J. billi l-libertajiet ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni huma komponenti essenzjali ta’ kwalunkwe demokrazija;
K. billi, fi Frar 2015, l-UE ssuktat l-għajnuna tagħha liż-Żimbabwe, fil-forma ta' Programm Nazzjonali Indikattiv ta' EUR 243 miljun intiż biex jgħin liż-Żimbabwe jsir pajjiż aktar demokratiku u prosperu, filwaqt li l-Kunsill Ewropew iddeċieda li jżomm uħud mis-sanzjonijiet li kien impona fuq iż-Żimbabwe; billi biss il-President Robert Mugabe, martu u kumpanija tad-difiża waħda għadhom soġġetti għall-friża tal-beni u l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar; billi għadu japplika wkoll embargo tal-UE fuq l-armi;
L. billi, fis-16 ta' Marzu 2013, ġiet adottata b'referendum Kostituzzjoni ġdida, bil-għan iddikjarat li tnaddaf il-politika, iżda billi fil-prattika l-progress huwa kajman u s-sitwazzjoni tad-drittijijet tal-bniedem għadha vulnerabbli;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-għejbien furzat tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Itai Dzamara u jitlob li jinħeles minnufih u bla kundizzjonijiet;
2. Iħeġġeġ lill-gvern taż-Żimbabwe jieħu kull miżura meħtieġa biex isib lis-Sur Dzamara u jtella' lil dawk kollha responsabbli quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-gvern jottempera ruħu bis-sħiħ mad-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri li tordnalu jfittex għas-Sur Dzamara;
3. Jistieden lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà ta’ martu u tal-familja, il-kollegi u s-sostenituri tiegħu;
4. Huwa mħasseb profondament dwar rapporti minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem rigward żieda ta' vjolenza u fastidju kontra l-oppożizzjoni politika, kif ukoll rigward każijiet gravi ta' restrizzjoni u intimidazzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li spiss jissawtu mill-pulizija u jiġu arrestati fuq kapi ta' akkuża foloz; jiddispjaċih li, mill-aħħar elezzjonijiet 'il hawn u mill-adozzjoni tal-Kostituzzjoni l-ġdida fl-2013, ftit li xejn sar progress rigward l-istat tad-dritt, u b'mod partikolari lejn riforma tal-ambjent tad-drittijiet tal-bniedem;
5. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ użu eċċessiv tal-forza u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem mill-pulizija u minn uffiċjali tal-Istat, u li jżommuhom responsabbli;
6. Ifakkar fir-responsabbiltà komprensiva tal-gvern taż-Żimbabwe li jiżgura s-sikurezza taċ-ċittadini kollha tiegħu; jistieden lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u tal-istrumenti reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati miż-Żimbabwe;
7. Ifakkar li, skont il-Ftehim Politiku Globali (GPA), iż-Żimbabwe impenja ruħu li jiżgura li kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-proċeduri u l-prattiki tiegħu jkunu konformi mal-prinċipji u l-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-libertajiet ta’ għaqda, ta’ assoċjazzjoni u ta’ espressjoni;
8. Jirrikonoxxi l-istabbiliment tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem taż-Żimbabwe, iżda huwa preokkupat li ma ngħatat l-ebda kapaċità sinifikanti li biha taġixxi b’mod indipendenti u tilħaq l-objettivi tagħha rigward il-kwistjonijiet urġenti dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-pajjiż qed iħabbat wiċċu magħhom;
9. Jitlob, għaldaqstant, azzjoni koordinata mill-komunità internazzjonali, b'mod partikolari mill-Komunità għall-Iżvilupp tal-Afrika tan-Nofsinhar (Southern African Development Community, SADC); iqis li din l-organizzazzjoni reġjonali għandha rwol importanti bħala garanti tal-GPA, filwaqt li jinsisti, inter alia, fuq l-implimentazzjoni tal-ftehim u b'mod partikolari tal-Artikolu 13 tiegħu, biex jiġi żgurat li l-azzjonijiet tal-pulizija u tal-forzi tas-sigurtà l-oħra ma jkunux partiġjani;
10. Iħeġġeġ lill-Gvern taż-Żimbabwe u lill-President Mugabe jottemperaw ruħhom mal-obbligi internazzjonali tagħhom u mad-dispożizzjonijiet tat-trattati internazzjonali li ġew iffirmati miż-Żimbabwe u li jiggarantixxu r-rispett tal-istat tad-dritt u t-twettiq tad-drittijiet ċivili u politiċi;
11. Jitlob li l-UE tintensifika d-djalogu politiku tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou, u b’mod partikolari li tħeġġeġ lill-Gvern jirrevoka jew jemenda b’mod xieraq l-Att dwar l-Ordni Pubbliku u s-Sigurtà Pubblika u l-Att dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tal-Privatezza, b'mod li jintemm l-abbuż tagħhom;
12. Jiddeplora n-nuqqas ta’ klawsola qawwija u infurzabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (EPA) interim konkluż ma’ erba’ Stati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar (ESA), inkluż iż-Żimbabwe;
13. Jieħu nota tat-tneħħija ta’ sanzjonijiet deċiża mill-UE, u jappoġġja l-miżuri mmirati li għadhom fis-seħħ kontra l-President u martu, kif ukoll l-embargo fuq l-armi, li huma risposta għas-sitwazzjoni politika u tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe;
14. Jemmen li l-promozzjoni tad-demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt huma essenzjali biex iż-Żimbabwe jsir pajjiż ħieles u prosperu;
15. Jitlob li d-Delegazzjoni tal-UE f'Harare tkompli toffri l-assistenza tagħha liż-Żimbabwe bil-għan li ttejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li l-UE jeħtiġilha tiżgura li l-finanzjament għall-iżvilupp fiż-Żimbabwe jindirizza b'mod effikaċi l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni, partikolarment permezz ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u li r-riformi politiċi u ekonomiċi li tiffinanzja jiġu implimentati;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-SEAE, lill-Gvern u lill-Parlament taż-Żimbabwe, lill-Gvernijiet tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0059.
- [2] ĠU L 50, 20.2.2014, p. 20.
- [3] ĠU L 47, 20.2.2014, p. 20.
- [4] ĠU L 54, 28.2.2014, p. 20.