Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0469/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0469/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-qagħda ta’ rifuġjati Rohingya, inklużi l-oqbra tal-massa fit-Tajlandja

20.5.2015 - (2015/2711(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
EFDD (B8‑0469/2015)
Verts/ALE (B8‑0470/2015)
ALDE (B8‑0472/2015)
ECR (B8‑0477/2015)
GUE/NGL (B8‑0480/2015)
PPE (B8‑0482/2015)
S&D (B8‑0484/2015)

Cristian Dan Preda, Jeroen Lenaers, Elmar Brok, David McAllister, Claude Rolin, Bogdan Brunon Wenta, Jiří Pospíšil, Marijana Petir, Davor Ivo Stier, Therese Comodini Cachia, Andrej Plenković, Csaba Sógor, Giovanni La Via, Tomáš Zdechovský, Jarosław Wałęsa, Eduard Kukan, József Nagy, Ivan Štefanec, Tunne Kelam, Monica Macovei, Pavel Svoboda, Dubravka Šuica, Michaela Šojdrová, Jaromír Štětina, Brian Hayes, Roberta Metsola, Ramona Nicole Mănescu, Tadeusz Zwiefka, Ildikó Gáll-Pelcz, Joachim Zeller, László Tőkés, Seán Kelly, Stanislav Polčák, Ivana Maletić, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Barbara Kudrycka, Ivo Belet, Elisabetta Gardini f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Victor Boştinaru, Richard Howitt, Marc Tarabella, Elena Valenciano, Ana Gomes, Pier Antonio Panzeri, Liisa Jaakonsaari, Kati Piri, David Martin, Agnes Jongerius, Jude Kirton-Darling, Miriam Dalli, Krystyna Łybacka, Viorica Dăncilă, Victor Negrescu, Tibor Szanyi, Theresa Griffin, Michela Giuffrida, Siôn Simon, Doru‑Claudian Frunzulică, Hugues Bayet, Miroslav Poche, Zigmantas Balčytis, Vilija Blinkevičiūtė, Nicola Danti, Sergio Gutiérrez Prieto, Brando Benifei, Nicola Caputo, Neena Gill, Marlene Mizzi, Biljana Borzan, Momchil Nekov, Enrico Gasbarra, Alessia Maria Mosca, Nikos Androulakis, Demetris Papadakis, Arne Lietz, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, José Blanco López, Isabella De Monte, Tonino Picula, Goffredo Maria Bettini, Eric Andrieu, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Eider Gardiazabal Rubial, Jonás Fernández, Damiano Zoffoli, Kashetu Kyenge, Javi López, Afzal Khan, Simona Bonafè, Flavio Zanonato, Jeppe Kofod, Julie Ward, Carlos Zorrinho, Ioan Mircea Paşcu, Andi Cristea f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Ryszard Czarnecki, Sajjad Karim, Amjad Bashir, Hans-Olaf Henkel, Jana Žitňanská f'isem il-Grupp ECR
Dita Charanzová, Philippe De Backer, Louis Michel, Ramon Tremosa i Balcells, Hilde Vautmans, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Martina Dlabajová, Marietje Schaake, Ilhan Kyuchyuk, Juan Carlos Girauta Vidal, Beatriz Becerra Basterrechea, Fernando Maura Barandiarán, Javier Nart, Pavel Telička, Gérard Deprez, Ivan Jakovčić, Filiz Hyusmenova, Ivo Vajgl, Petr Ježek, Fredrick Federley, José Inácio Faria, Antanas Guoga, Alexander Graf Lambsdorff, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Izaskun Bilbao Barandica, Yana Toom, Nathalie Griesbeck, Hannu Takkula, Urmas Paet, Johannes Cornelis van Baalen, Marielle de Sarnez f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
Barbara Lochbihler, Jean Lambert f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Marco Zanni f'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2015/2711(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0469/2015
Testi mressqa :
RC-B8-0469/2015
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qagħda ta’ rifuġjati Rohingya, inklużi l-oqbra tal-massa fit-Tajlandja

(2015/2711(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar/Burma u r-Rohingya, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' April 2012[1], it-13 ta' Settembru 2012[2], it-22 ta' Novembru 2012[3] u t-13 ta' Ġunju 2013[4], u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-aċċess tal-Mjanmar/Burma għall-preferenzi fit-tariffi ġeneralizzati[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati mill-Burma fit-Tajlandja[6],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Aġenzija għar-Rifuġjati tan-NU (UNHCR) tas-6 ta' Mejju 2015 dwar l-oqbra tal-massa Rohingya fit-Tajlandja,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, partikolarment il-paragrafi 13, 15, 16 u 18 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-appell tal-UNHCR tal-15 ta' Mejju 2015 lill-gvernijiet reġjonali biex iwettqu operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ, li fih hija wissiet dwar "diżastru umanitarju potenzjali",

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-1 u l-4 ta' Mejju 2015, il-pulizija militari skopriet il-kadavri ta' mill-inqas 30 Musulman etniku Rohingya f'kamp ta' traffikar tal-bnedmin issuspettat fid-distrett ta' Sadao tal-Provinċja ta' Songkhla, qrib il-fruntiera bejn it-Tajlandja u l-Mależja; billi kamp ieħor b'mill-inqas 5 oqbra oħrajn instab xi ftit jiem wara;

B.  billi r-Rohingya għadhom qed ibatu minn persekuzzjoni u diskriminazzjoni, u għadhom qed jiġu deprivati b'mod arbitrarju miċ-ċittadinanza tagħhom tal-Myanmar/Burma, u għalhekk jinsabu mingħajr stat; billi fl-1 ta’ April 2015, il-Gvern tal-Myanmar/Burma rtira l-karti tal-identità temporanji tagħhom, u b'hekk iċċaħħdu mid-drittijiet tal-vot; billi l-impunità għadha għaddejja f'każijiet ta' delitti u atroċitajiet kontrihom;

C.  billi r-Rohingya telqu mill-Myanmar/Burma f’numri kbar minħabba li tfaqqigħ ta’ vjolenza fl-2012 ħalla l-viċinati meqruda u mijiet ta’ nies mejta; billi ħafna minn dawk li ħarbu waqgħu f’idejn gruppi tat-traffikar li joperaw fi ħdan il-Bajja ta’ Bengal;

D.  billi skont ir-rapport perjodiku tal-UNHCR tat-8 ta' Mejju 2015, madwar 25 000 ruħ Rohingya u mill-Bangladexx telgħu fuq dgħajjes ta' traffikanti bejn Jannar u Mejju 2015; billi dan jammonta għal kważi d-doppju tal-persuni li għamlu dan tul l-istess perjodu fl-2014;

E.  billi bosta eluf ta’ Rohingya ħarbu bil-baħar biex jeħilsu mill-persekuzzjoni, u billi mijiet tilfu ħajjithom f’dgħajjes li għerqu jew minħabba li ġew mitfugħa lura fil-baħar;

F.  billi mir-repressjoni, it-traffikanti tal-bnedmin bdew jieħdu rotot tal-baħar; billi hemm għadd dejjem jikber ta' każijiet ta' migranti li jitħallew fil-baħar mit-traffikanti tagħhom;

G.  billi eluf ta' persuni Rohingya u migranti oħra għadhom qed jiġu ttraffikati minn ġot-Tajlandja u minn pajjiżi oħra tar-reġjun mit-traffikanti tal-bnedmin, f'xi każijiet bl-inklużjoni ta' awtoritajiet lokali korrotti Tajlandiżi, u jiġu miżmuma f'kundizzjonijiet inumani f'kampijiet fil-ġungla fin-Nofsinhar tat-Tajlandja, fejn jiġu ttorturati, imġewħa u msawta sal-mewt biex jinkiseb ħlas għalihom mill-familji tagħhom, jew jinbiegħu fi skjavitù;

H.  billi l-UNHCR talbet rispons konġunt wara s-sejba tal-oqbra tal-massa ta' Rohingya fit-Tajlandja, u ħeġġet lill-pajjiżi fir-reġjun biex isaħħu l-kooperazzjoni kontra t-traffikar u l-miżuri tagħhom kontra t-traffikar filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tal-vittmi;

I.   billi l-kwistjoni tar-Rohingya ma ġietx diskussa matul is-26 Samit reċenti tal-ASEAN, li sar mis-26 sat-28 ta' April fil-Mależja;

J.   billi mill-2010 sal-2015, id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO) ipprovda madwar EUR 57.3 miljun f'għajnuna umanitarja lill-persuni vulnerabbli fl-Istat ta' Rakhine; billi fl-2015, l-ECHO qed jiffinanzja proġetti madwar l-Istat ta’ Rakhine biex jindirizzaw uħud mill-aktar bżonnijiet urġenti fost ir-Rohingya fil-bliet żgħar fit-Tramuntana, inklużi l-ikel u n-nutrizzjoni, servizzi tas-saħħa bażiċi kif ukoll il-provvista ta’ oġġetti domestiċi bażiċi oħra, u l-appoġġ tal-popolazzjoni spostata mill-2012;

K. billi l-ECHO alloka EUR 325 000 lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) sa mill-2013 biex din tipprovdi ikel, oġġetti tad-dar bażiċi, kura tas-saħħa u protezzjoni lil madwar 3 000 Rohingya irġiel, nisa u tfal miżmuma fit-Tajlandja;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Rohingya u jinsab ixxukkjat bis-sejbiet wara l-eżumazzjonijiet reċenti ta’ għexieren ta’ kadavri minn oqbra tal-massa qrib il-kampijiet tat-traffikar tal-bniedem fin-Nofsinhar tat-Tajlandja; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tal-vittmi;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Tajlandiżi jwettqu investigazzjonijiet kriminali immedjati, sħaħ u kredibbli ta’ oqbra tal-massa tal-Musulmani Rohingya, u jekk ikun meħtieġ b'assistenza tan-NU, jiżguraw li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

3.  Jilqa' r-rikonoxximent min-naħa tal-Gvern Tajlandiż tal-problema tat-traffikar tal-bnedmin fit-Tajlandja u fir-reġjun, u tal-kompliċità ta' ċerti awtoritajiet korrotti fit-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Gvern tat-Tajlandja u l-uffiċjali tiegħu jtemmu kull kompliċità ma’ klikek kriminali tat-traffikar tal-persuni Rohingya u migranti oħra fit-Tajlandja;

4.  Jistieden lill-pajjiżi kollha fir-reġjun biex isaħħu l-kooperazzjoni kontra t-traffikar u dwar miżuri kontra t-traffikar filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-vittmi; jenfasizza r-rwol importanti li jista’ jkollha f’dan ir-rigward l-ASEAN; iħeġġeġ lill-gvernijiet ta' stati fir-reġjun biex jieħdu sehem fil-laqgħa reġjonali li jmiss dwar is-sitwazzjoni b'rabta mal-migranti, li se ssir fit-Tajlandja fid-29 ta' Mejju 2015 f'Bangkok; jilqa' t-tfassil tal-Konvenzjoni tal-ASEAN kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, Speċjalment tan-Nisa u t-Tfal (ACTIP), li għandha tiġi appoġġata mill-mexxejja tal-ASEAN matul l-2015;

5.  Jistieden lill-pajjiżi kollha fir-reġjun jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u jipprovdu lil persuni Rohingya li qed ifittxu asil mill-inqas bi protezzjoni temporanja, filwaqt li jappoġġaw lill-Gvern Burmiż fit-tiftix ta’ soluzzjonijiet ekwitabbli u fit-tul għall-kawżi sottostanti;

6.  Jitlob ukoll lill-Gvern tal-Myanmar/Burma jibdel il-politiki tiegħu u jadotta l-miżuri kollha meħtieġa biex tintemm il-persekuzzjoni u d-diskriminazzjoni tal-minoranza Rohingya; itenni t-talbiet tiegħu għal emenda jew revoka tal-Liġi taċ-Ċittadinanza tal-1982 biex ikun żgurat li r-Rohingya jkollhom aċċess indaqs għaċ-ċittadinanza tal-Myanmar/Burma;

7.  Jilqa' d-dikjarazzjoni li waslet tard ħafna tat-18 ta' Mejju 2015 mill-kelliem tal-partit tal-oppożizzjoni ta' Aung San Suu Kyi, il-Liga Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD), fejn intqal li l-Gvern tal-Myanmar/Burma għandu jagħti ċittadinanza lill-minoranza Rohingya;

8.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Mależja u l-Indoneżja tal-20 ta' Mejju 2015 li se jagħtu rifuġju temporanju lill-migranti li jinsabu fl-ibħra;

9.  Jilqa' l-għajnuna pprovduta mill-Unjoin Ewropea u minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNHCR lir-Rohingya fil-Myanmar/Burma u fit-Tajlandja, u l-għajnuna umanitarja tal-UE lill-persuni spustati internament fl-Istat ta' Arakan/Rakhine, lil Rohingya mingħajr dokumenti u lil popolazzjonijiet ospitanti vulnerabbli fil-Bangladexx, u lil migranti Rohingya u mill-Bangladexx li bħalissa huma miżmuma f'ċentri ta' detenzjoni tal-migranti (irġiel) jew ċentri ta' welfare soċjali (nisa u tfal) fit-Tajlandja;

10. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jindirizza din il-kwistjoni fl-ogħla livell politiku possibbli fil-kuntatti tiegħu mal-Myanmar/Burma u ma’ pajjiżi oħra membri tal-ASEAN;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Myanmar/Burma, lill-Gvern u l-Parlament tat-Tajlandja, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta’ stati oħra fir-reġjun.