Proċedura : 2015/2700(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0532/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0532/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/06/2015 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0227

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 159kWORD 92k
8.6.2015
PE558.903v01-00}
PE558.904v01-00}
PE558.906v01-00}
PE558.907v01-00} RC1
 
B8-0532/2015}
B8-0533/2015}
B8-0535/2015}
B8-0536/2015} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ALDE (B8‑0532/2015)

GUE/NGL (B8‑0533/2015)

Verts/ALE (B8‑0535/2015)

S&D (B8‑0536/2015)


dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2700 (RSP))


Birgit Sippel, Péter Niedermüller, Liliana Rodrigues f'isem il-Grupp S&D
Sophia in ‘t Veld, Louis Michel, Cecilia Wikström, Filiz Hyusmenova, Gérard Deprez, Petr Ježek, Nathalie Griesbeck, Jean-Marie Cavada, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez, Frédérique Ries, Ivo Vajgl, Pavel Telička, Ilhan Kyuchyuk, Urmas Paet f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Cornelia Ernst, Kostas Chrysogonos, Stelios Kouloglou, Patrick Le Hyaric, Barbara Spinelli, Sofia Sakorafa, Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ulrike Lunacek, Judith Sargentini, Igor Šoltes, Helga Trüpel f'isem il-Grupp Verts/ALE
Laura Ferrara, Ignazio Corrao, Marco Affronte, Rosa D’Amato, Piernicola Pedicini, Marco Zullo, Tiziana Beghin, Giulia Moi, Dario Tamburrano, Eleonora Evi, Fabio Massimo Castaldo, Marco Zanni, Marco Valli, Isabella Adinolfi, Laura Agea

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2700(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari t-tieni inċiż u mir-raba' sas-seba' inċiż tiegħu,

–   wara li kkunsidra b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3(3), it-tieni inċiż, l-Artikoli 6 u 7 tat-TUE, kif ukoll l-artikoli tat-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) relatati mar-rispett, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000, ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 2 u 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 13 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b'rabta mat-tneħħija tal-piena tal-mewt fiċ-ċirkostanzi kollha,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, il-Kumitat tal-Ministri, il-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija (skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012)(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012)(2),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-16 ta' Diċembru 2014 mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wara ż-żjara tiegħu fl-Ungerija bejn l-1 u l-4 ta' Lulju 2014,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar l-iżgurar tar-rispett għall-istat tad-dritt,

–   wara li kkunsidra s-sessjoni ta' smigħ dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ungerija, li saret fit-22 ta' Jannar 2015 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mressqa waqt id-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament Ewropew fil-11 ta' Frar 2015 dwar qafas tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali,

–   wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet li sar fis-7 ta' Mejju 2015 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern wara d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-30 ta' April 2015, dwar l-effetti possibbli, inkluż fuq id-drittijiet u l-istatus ta' pajjiż bħala membru tal-Unjoni Ewropea, f'każ li Stat Membru jiddeċiedi li jintroduċi mill-ġdid il-piena tal-mewt,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mressqa fid-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament Ewropew fid-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn il-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huma prevalenti (Artikolu 2 tat-TUE);

B.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

C. billi t-tneħħija tal-piena tal-mewt hija prekundizzjoni għal sħubija mal-UE, bl-UE ssostni pożizzjoni b'saħħitha u bbażata fuq prinċipji kontra l-piena tal-mewt, li t-tneħħija tagħha hija objettiv ewlieni tal-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem;

D. billi d-dritt għall-asil huwa garantit, b'rispett dovut għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati u b'konformità mat-TUE u t-TFUE;

E.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ġew inkorporati kompletament fil-kostituzzjoni tal-Ungerija; billi l-iżviluppi reċenti fl-Ungerija wasslu madankollu għal tħassib fuq is-sitwazzjoni tal-pajjiż;

F.  billi wara l-avvenimenti reċenti fl-Ungerija, il-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orbán għamel dikjarazzjoni fit-28 ta' April 2015 dwar il-ħtieġa li jkun hemm dibattitu pubbliku dwar il-piena tal-mewt; billi fit-30 ta' April 2015 il-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz, ħareġ stqarrija għall-istampa li fiha ddikjara li Viktor Orbán kien żgurah li l-Gvern Ungeriż ma kellu l-ebda pjan jieħu passi biex jerġa' jdaħħal il-piena tal-mewt, u li kien se jħares u jirrispetta t-trattati Ewropej u l-leġiżlazzjoni Ewropea kollha; billi Viktor Orbán tenna dikjarazzjonijiet simili fl-1 ta' Mejju 2015, iżda matul intervista fuq ir-radju nazzjonali żied li d-deċiżjoni għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt għandha tkun unikament kompetenza tal-Istati Membri, u b'hekk tbiegħed mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-UE;

G. billi f'Mejju 2015 il-Gvern Ungeriż nieda konsultazzjoni pubblika dwar il-migrazzjoni, wara li fl-imgħoddi kien wettaq għadd ta' konsultazzjonijiet simili fuq kwistjonijiet oħra; billi l-konsultazzjoni pubblika tista' sservi ta' strument importanti u ta' valur biex il-gvernijiet jiżviluppaw politiki li jgawdu bażi soda ta' appoġġ fost il-pubbliku; billi l-kwistjonijiet ġew ikkritikati għan-natura suġġestiva u retorika tagħhom, billi jistabbilixxu rabta diretta bejn il-fenomeni migratorji u t-theddid għas-sigurtà;

H. billi matul l-iskambju ta' fehmiet fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-maġġoranza tal-gruppi politiċi kienu tal-fehma li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt u l-mistoqsijiet li saru fil-konsultazzjoni pubblika kienu inaċċettabbli;

I.   billi, fl-istqarrija tiegħu mressqa fid-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament Ewropew fid-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddikjarat li l-Kunsill ma kienx ddiskuta s-sitwazzjoni fl-Ungerija u għalhekk ma adotta l-ebda pożizzjoni formali dwar din il-kwistjoni;

J.   billi l-isforzi biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali fl-Ungerija ma għandhomx l-għan li jiġi individwat Stat Membru jew gvern partikolari iżda li jissodisfaw obbligu kollettiv fuq l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u b'mod partikolari l-Kummissjoni bħala l-gwardjan tat-Trattati, li jiżguraw l-applikazzjoni u l-konformità mat-Trattati u l-Karta fl-Unjoni kollha u f'kull Stat Membru;

1.  Jinsisti li l-piena tal-mewt hija inkompatibbli mal-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, u li għalhekk kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi mill-ġdid il-piena tal-mewt ikun qed jikser it-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jafferma mill-ġdid bl-aktar mod riżolut, li t-tneħħija tal-piena tal-mewt hija punt importanti fl-iżvilupp tad-drittijiet fundamentali fl-Ewropa;

2.  Ifakkar li ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE jiskatta l-proċedura tal-"Artikolu 7";

3.  Jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet ripetuti magħmula mill-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán li jagħtu lok għal dibattitu dwar l-introduzzjoni mill-ġdid potenzjali tal-piena tal-mewt fl-Ungerija, biex b'hekk jiġi istituzzjonalizzat u alimentat kunċett li jikser il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; jinnota għalhekk id-dikjarazzjoni li saret minn Viktor Orbán li ma jerġax idaħħal il-piena tal-mewt fl-Ungerija, u jissottolinja r-responsabbiltà ta' prim ministru, bħala kap ta' gvern, li jippromwovi l-valuri tal-UE u jagħti eżempju;

4.  Jinnota li l-Istati Membri għandhom id-dritt sovran li jniedu konsultazzjonijiet nazzjonali; ifakkar madankollu li l-konsultazzjonijiet għandhom jirriflettu r-rieda tal-gvernijiet li jeżerċitaw governanza responsabbli intiża biex tiżgura soluzzjonijiet politiċi demokratiċi u r-rispett għall-valuri fundamentali Ewropej;

5.  Jikkundanna l-konsultazzjoni pubblika dwar il-migrazzjoni u l-kampanja relatata fuq billboards madwar il-pajjiż kollu mnedija mill-Gvern Ungeriż, u jenfasizza li l-kontenut tal-konsultazzjoni partikolari mnedija fl-Ungerija, kif ukoll il-lingwaġġ li ntuża dwar l-immigrazzjoni u t-terroriżmu huma ferm qarrieqa, żbilanċjati u mimlija preġudizzji, hekk kif jistabbilixxu rabta diretta u preġudikata bejn il-fenomeni migratorji u t-theddid għas-sigurtà; jindika li t-tweġibiet għall-kwestjonarju onlajn għandhom jiġu kkomplementati minn data personali, li b'hekk tiżvela l-opinjonijiet politiċi ta' dak li jkun bi ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; jappella għalhekk sabiex din il-konsultazzjoni tiġi rtirata;

6.  Jiddispjaċih li l-konsultazzjoni pubblika titfa' l-ħtija fuq l-istituzzjonijiet tal-UE u l-politiki tagħhom mingħajr ma tirrikonoxxi r-responsabbiltà tal-Istati Membri għal dawn l-oqsma; ifakkar li l-Istati Membri huma involuti kompletament fil-proċess leġiżlattiv tal-UE;

7.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw b'mod kostruttiv fid-diskussjoni li għaddejja dwar l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, li taffettwa ugwalment il-politiki interni, esterni u tal-iżvilupp li jridu jiġu implimentati fl-UE;

8.  Jemmen li l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jottemperaw ruħhom bis-sħiħ mad-dritt tal-UE fil-prattika leġiżlattiva u amministrattiva tagħhom, u li kwalunkwe leġiżlazzjoni, inkluża l-liġi primarja ta' kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż kandidat, trid tirrifletti u tkun konformi mal-valuri bażiċi Ewropej, jiġifieri l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

9.  Jiddeplora n-nuqqas ta' reazzjoni min-naħa tal-Kunsill għall-iżviluppi l-aktar reċenti fl-Ungerija, u jikkundanna n-nuqqas ta' impenn mill-Istati Membri biex jiżguraw ir-rispett għall-istat tad-dritt kif speċifikat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Diċembru 2014; iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew jorganizzaw diskussjoni u jadottaw konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija;

10. Jinnota li dawn l-iżviluppi reċenti wasslu għal tħassib dwar il-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija matul is-sena li għaddiet, li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jirrappreżentaw theddida sistemika emerġenti għall-istat tad-dritt f'dan l-Istat Membru;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaddem l-ewwel stadju tal-qafas tal-UE biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, u għalhekk biex tagħti bidu minnufih għal proċess fil-fond ta' monitoraġġ dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija, billi tevalwa ksur potenzjali sistemiku serju tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni skont l-Artikolu 2 tat-TUE, inkluż l-impatt kombinat ta' għadd ta' miżuri li jaggravaw is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u billi tevalwa l-ħolqien ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt f'dak l-Istat Membru li tista' tiżviluppa f'riskju ċar ta' ksur serju skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tat-TUE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar din il-kwistjoni lill-Parlament u lill-Kunsill qabel Settembru 2015;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, bħala għodda għall-konformità mal-Karta u t-Trattati u l-infurzar tagħhom kif iffirmata mill-Istati Membri kollha, li tibbaża fuq indikaturi komuni u oġġettivi, u biex twettaq valutazzjoni annwali imparzjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha, mingħajr diskriminazzjoni u fuq bażi ugwali, bl-involviment ta' evalwazzjoni mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, flimkien ma' mekkaniżmi xierqa vinkolanti u korrettivi sabiex jimtlew il-lakuni eżistenti u jkun hemm rispons awtomatiku u gradwali għall-ksur tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-livell tal-Istati Membri; jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-elaborazzjoni ta' din il-proposta fil-forma ta' rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva proprja li għandu jiġi adottat sa tmiem is-sena;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0315.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0173.

Avviż legali - Politika tal-privatezza