Proċedura : 2015/2730(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0548/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0548/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/06/2015 - 5.5
CRE 11/06/2015 - 5.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0233

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 177kWORD 349k
9.6.2015
PE558.922v01-00}
PE558.923v01-00}
PE558.924v01-00}
PE558.925v01-00}
PE558.926v01-00}
PE558.927v01-00}
PE558.928v01-00} RC1
 
B8-0548/2015}
B8-0549/2015}
B8-0550/2015}
B8-0571/2015}
B8-0572/2015}
B8-0573/2015}
B8-0574/2015} RC1

imressqa skont l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B8‑0548/2015)

S&D (B8‑0549/2015)

ALDE (B8‑0550/2015)

ECR (B8‑0571/2015)

PPE (B8‑0572/2015)

GUE/NGL (B8‑0573/2015)

EFDD (B8‑0574/2015)


dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA (2015/2730(RSP))


Pascal Arimont, Ivo Belet, Andrea Bocskor, Esther de Lange, Santiago Fisas Ayxelà, Kinga Gál, Elisabetta Gardini, Esteban González Pons, Tunne Kelam, Seán Kelly, Jeroen Lenaers, Thomas Mann, Herbert Reul, Claude Rolin, Michaela Šojdrová, Pavel Svoboda, Davor Ivo Stier, Romana Tomc, Sabine Verheyen, Elissavet Vozemberg, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver f'isem il-Grupp PPE
Petra Kammerevert, Silvia Costa, Luigi Morgano, Marlene Mizzi, Marc Tarabella, Vilija Blinkevičiūtė, Alessia Maria Mosca, Krystyna Łybacka, Sylvie Guillaume, Eider Gardiazabal Rubial, Momchil Nekov, Giorgos Grammatikakis, Goffredo Maria Bettini, Nikos Androulakis, Hugues Bayet, Nicola Danti, Victor Negrescu, Liliana Rodrigues, Kashetu Kyenge, Damian Drăghici, Lucy Anderson, Brando Benifei, Isabella De Monte, Massimo Paolucci f'isem il-Grupp S&D
Daniel Dalton, Andrew Lewer, Zdzisław Krasnodębski, Emma McClarkin f'isem il-Grupp ECR
Petr Ježek, Frédérique Ries, Ramon Tremosa i Balcells, Dita Charanzová, Pavel Telička, Sophia in ‘t Veld, Catherine Bearder, Gérard Deprez, Filiz Hyusmenova, Petras Auštrevičius, Ivo Vajgl, Marielle de Sarnez, Johannes Cornelis van Baalen, Louis Michel, Hannu Takkula, Fernando Maura Barandiarán, Izaskun Bilbao Barandica, Urmas Paet, Kaja Kallas, Nedzhmi Ali, Juan Carlos Girauta Vidal f'isem il-Grupp ALDE
Curzio Maltese, Pablo Iglesias, Marisa Matias, Eleonora Forenza, Lynn Boylan, Patrick Le Hyaric, Fabio De Masi, Kostadinka Kuneva, Lola Sánchez Caldentey, Kostas Chrysogonos, Merja Kyllönen, Liadh Ní Riada, Stelios Kouloglou, Matt Carthy f'isem il-Grupp GUE/NGL
Helga Trüpel, Jill Evans, Karima Delli f'isem il-Grupp Verts/ALE
Isabella Adinolfi, Ignazio Corrao, Laura Ferrara, Marco Valli, Marco Zanni, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA (2015/2730(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni, maħruġ mill-Kummissjoni fit-3 ta' Frar 2014 (COM(2014)0038),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu(1),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2011 bit-titolu "L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport" (COM(2011)0012),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-dimensjoni Ewropea fl-isport(2),

–   wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport, tal-11 ta' Lulju 2007 (COM(2007)0391),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014-2017),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ix-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isport(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-23 ta' April 2015 dwar ir-riforma tal-governanza tal-futbol,

–   wara li kkunsidra l-programm il-ġdid dwar l-isport fl-ambitu ta' Erasmus+, b'mod partikolari l-objettiv tiegħu li jindirizza theddidiet transfruntiera għall-integrità tal-isport, bħad-doping, ix-xiri tal-logħob u l-vjolenza, kif ukoll kull tip ta' intolleranza u diskriminazzjoni, u li jippromwovi u jappoġġja l-governanza tajba fl-isport,

–   wara li kkunsidra l-''Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini'',

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Istatut tal-FIFA, li jistabbilixxi fost l-oħrajn l-objettivi tal-FIFA li ġejjin: "il-promozzjoni tal-integrità, l-etika u l-fair play fil-prospettiva tal-prevenzjoni ta' kull metodu jew prattika, bħall-korruzzjoni, id-doping jew il-manipulazzjoni tal-logħob, li jistgħu jipperikolaw l-integrità tal-logħob, il-kompetizzjonijiet, il-plejers, l-uffiċjali u l-membri jew jagħtu lok għal abbuż tal-Association Football",

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' Michael Garcia dwar il-proċess kontroversjali ta' aġġudikazzjoni tal-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u l-2022, li l-FIFA qablet li tippubblikah f'Diċembru 2014,

 

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi 14-il uffiċjal tal-FIFA, inkluż il-Viċi President tagħha, ġew arrestati nhar is-27 ta' Mejju 2015 mill-awtoritajiet Svizzeri fi Zurich; billi l-arresti saru fuq talba tad-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti abbażi ta' akkużi ta' ħasil tal-flus, intrigi ta' qerq, tixħim u frodi fl-ammont ta' aktar minn USD 150 miljun;

B.  billi l-awtoritajiet tal-Isvizzera u tal-Istati Uniti taw bidu wkoll għal investigazzjoni kriminali separata dwar il-modalitajiet tal-aġġudikazzjoni lir-Russja u lill-Qatar tal-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u tal-2022 rispettivament;

C. billi għal bosta snin il-FIFA operat bħala organizzazzjoni mingħajr l-obbligu li tagħti rendikont ta' għemilha lil xi ħadd, opaka u notorjament korrotta; billi l-arresti reċenti jikkonfermaw li l-frodi u l-korruzzjoni fil-FIFA huma sistematiċi, mifruxa u persistenti aktar milli jinvolvu każijiet iżolati ta' mġiba ħażina, kif iddikjara l-ex President tal-FIFA, Joseph Blatter;

D. billi minkejja l-arresti u l-akkużi li saru fil-konfront tal-persunal eżekuttiv tal-FIFA u l-kriżi li kienet qed taħkem l-organizzazzjoni, Joseph Blatter ġie elett mill-ġdid fid-29 ta' Mejju 2015 bħala President tal-FIFA għall-ħames mandat; billi l-elezzjoni mill-ġdid ta' Joseph Blatter bħala president u d-deċiżjoni li ma jiġux ippubblikati r-riżultati tar-rapport Garcia dwar l-għażla tar-Russja u l-Qatar biex jospitaw it-Tazzi tad-Dinja tal-2018 u l-2022 rispettivament, juru li l-FIFA kienet qed taġixxi b'mod irresponsabbli u mingħajr l-obbligu li tagħti rendikont ta' għemilha u baqgħet mhux lesta tirriforma jew tagħmel il-bidliet meħtieġa biex ittejjeb il-governanza tal-futbol internazzjonali;

E.  billi r-riżenja ta' Joseph Blatter u l-arresti ta’ uffiċjali tal-FIFA ħolqu l-kundizzjonijiet għal riformi radikali fl-istrutturi u l-prattiki tal-FIFA biex titjieb b'urġenza l-governanza tagħha u tiġi miġġielda l-korruzzjoni fl-organizzazzjoni;

F.  billi l-integrità tal-organizzazzjonijiet sportivi hija ta' importanza kbira, peress li kemm l-isport professjonali u kemm dak tad-dilettanti jiżvolġu rwol fundamentali fil-promozzjoni globali tal-paċi, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u s-solidarjetà, iġibu benefiċċji ekonomiċi u tas-saħħa lis-soċjetajiet u għandhom rwol essenzjali fl-għoti ta' importanza lill-valuri edukattivi u kulturali fundamentali kif ukoll fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali;

G. billi l-Kummissarju Ewropew inkarigat mill-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport Tibor Navracsics ikkundanna, fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-3 ta' Ġunju 2015, l-aħħar żviluppi fi ħdan il-FIFA, u appella biex terġa' tinġieb il-fiduċja u tiġi stabbilita sistema soda ta' governanza tajba fi ħdan il-FIFA;

H. billi l-Kummissjoni u l-Kunsill irrikonoxxew il-bżonn ta' sħubija bejn l-entitajiet ta' tmexxija tal-futbol u l-awtoritajiet pubbliċi għal finijiet ta' governanza tajba tal-logħba, li tirrispetta n-natura awtoregolatorja tal-isport professjonali u li wasslet għad-djalogu strutturat dwar l-isport;

I.   billi t-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-demokrazija – fi kliem ieħor, il-governanza tajba – fl-organizzazzjonijiet sportivi jikkostitwixxu rekwiżiti preliminari għal tali reġim awtoregolatorju, u għall-moviment sportiv biex jimpedixxi u jiġġieled kontra l-frodi u l-korruzzjoni fl-isport b'mod effikaċi u f'livell strutturat;

J.   billi l-Parlament preċedentement appella lill-entitajiet ta' tmexxija tal-futbol jistabbilixxu aktar demokrazija, trasparenza, leġittimità u responsabbiltà (jiġifieri awditjar finanzjarju minn awtorità indipendenti inkarigata mill-awditjar) u governanza tajba, u talab lill-Kummissjoni tagħti gwida dwar kif tista' tiġi sostnuta l-awtoregolamentazzjoni leġittima u adegwata;

K. billi l-korruzzjoni, jekk ma tiġix affrontata b'urġenza u b'mod adegwat, tista' tkompli timmina l-fiduċja fl-istituzzjonijiet sportivi u thedded l-integrità tal-isport kollu kemm hu;

L.  billi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tikkostitwixxi waħda mill-prijoritajiet tal-Programm ta' Stokkolma, li qiegħed jiggwida l-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni;

M. billi l-isport jirrappreżenta wkoll settur kbir u li qed jespandi malajr tal-ekonomija tal-UE, u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tkabbir u l-impjiegi, b'valur miżjud u effetti fuq l-impjiegi li jisbqu r-rati medji tat-tkabbir;

1.  Jikkundanna l-korruzzjoni sistematika u terribbli tal-FIFA u jiddikjara uffiċjalment il-fehma tiegħu li dawn l-allegazzjonijiet xejn ma kienu sorprendenti;

2.  Jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi, lill-Istati Membri u lill-UE jikkooperaw bis-sħiħ mal-investigazzjonijiet kollha li għaddejjin u dawk futuri dwar allegazzjonijiet ta’ prattiki korrotti fi ħdan il-FIFA;

3.  Jissottolinja l-importanza enormi tal-investigazzjoni mill-awtoritajiet ġuridiċi tal-Isvizzera u tal-Istati Uniti dwar id-deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA li jaġġudika l-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja tal-1998, l-2010, l-2018 u l-2022 lill-Franza, l-Afrika t'Isfel, ir-Russja u l-Qatar rispettivament;

4.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-investigazzjoni ta' segwitu dwar il-prattiki ta' korruzzjoni tal-passat fi ħdan il-FIFA tinkludi, fejn ikun ġustifikat, it-tneħħija ta' kull uffiċjal involut f'kondotta ħażina finanzjarja, u rieżami tad-deċiżjonijiet marbuta ma' attivitajiet korrotti jew kriminali; jappella biex l-UE timmonitorja mill-qrib dan il-proċess u tippermetti l-kundizzjonijiet meħtieġa biex issir investigazzjoni esterna imparzjali; jilqa' d-dikjarazzjoni mill-kap tal-Kumitat tal-Awditjar u l-Konformità tal-FIFA, li l-aġġudikazzjoni tal-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u l-2022 tista' tiġi invalidata jekk ikun hemm evidenza li l-aġġudikazzjoni kienet ir-riżultat ta' attivitajiet korrotti;

5.  Jikkundanna l-fatt li għalkemm il-FIFA kienet qablet li tippubblika r-Rapport Garcia f'Diċembru 2014, din sa issa għadha ma ppubblikatux, u jappella sabiex tagħmel dan mingħajr dewmien;

6.  Ifakkar fl-importanza li jkun hemm regoli ċari u trasparenti għall-aġġudikazzjoni tal-Kampjonati tat-Tazza tad-Dinja, u li jiġi żgurat l-istabbiliment ta' mekkaniżmu adegwat ta' informazzjoni u ta' superviżjoni, b'mod li jiġi żgurat li din il-proċedura tiggarantixxi l-ugwaljanza bejn il-pajjiżi li jkunu qed iressqu l-offerti u deċiżjoni finali bbażata strettament fuq il-mertu tal-proġetti tagħhom;

7.  Jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali kollha, u b'mod partikolari lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC), il-FIFA u l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) jiżguraw li kwalunkwe pajjiż li joffri biex jospita avveniment sportiv importanti jintrabat, fl-attivitajiet kollha marbuta mal-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-avveniment, li jirrispetta l-istandards internazzjonali rigward id-drittijiet fundamentali;

8.  Jenfasizza li l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus huma marbuta intrinsikament u għadd kbir ta’ Stati Membri ġew affettwati mix-xiri tal-logħob u reati finanzjarji oħra li ta’ spiss huma relatati ma’ organizzazzjonijiet kriminali li joperaw fuq skala internazzjonali;

9.  Ifaħħar il-ġurnaliżmu investigattiv li qajjem tħassib serju dwar korruzzjoni fi ħdan il-FIFA u fil-proċess tal-għażla tat-Tazza tad-Dinja; iħeġġeġ f'dan ir-rigward lill-organizzazzjonijiet sportivi kollha jistabbilixxu qafas regolatorju effettiv biex jiffaċilitaw u jipproteġu lill-informaturi;

10. Jesprimi l-opinjoni kostanti tiegħu li l-korruzzjoni fi ħdan il-FIFA hija rampanti, sistemika u profonda, u jemmen li l-organizzazzjoni ppreġudikat serjament l-integrità tal-futbol dinji, b'impatt devastanti mill-ogħla skaluni tal-futbol professjonali sal-klabbs tad-dilettanti ż-żgħar;

11. Jenfasizza bil-qawwa li l-futbol, bħala l-aktar sport popolari fid-dinja, m'għandux jittebba' b'din il-kultura ta' korruzzjoni, u li għandu jitħares mill-iżviluppi attwali fi ħdan il-FIFA aktar milli jiġi stigmatizzat minnhom;

12. iItenni li l-futbol u l-isport inġenerali jħallu impatt pożittiv profond fuq il-ħajja ta' kuljum ta' miljuni ta' ċittadini, partikolarment iż-żgħażagħ;

13. Jilqa' r-riżenja ta' Joseph Blatter minn President tal-FIFA, u l-investigazzjonijiet kriminali li għaddejjin bħalissa; iħeġġeġ lill-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA jimplimenta riformi strutturali bil-għan li jistabbilixxi trasparenza u responsabbiltà, u jiggarantixxi proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet miftuħa, ibbilanċjati u demokratiċi fi ħdan l-assoċjazzjoni, inkluż proċess ta' elezzjoni għall-president il-ġdid u politika ta' tolleranza żero għall-korruzzjoni fl-isport;

14. Jesprimi madankollu tħassib serju dwar il-fatt li l-kredibilità tal-FIFA, bħala l-korp regolatorju tal-futbol dinji, kif ukoll ir-riformi urġenti meħtieġa, ma jistgħux jibdew bis-serjetà qabel tinħatar tmexxija ġdida, u li dan skont ir-regolamenti tal-FIFA jista' ma jseħħx qabel disa' xhur oħra; jistieden għalhekk lill-FIFA tagħżel mexxej interim adegwat biex minn issa 'l quddiem jieħu post Joseph Blatter, u dan b'mod trasparenti u inklużiv;

15. Ifakkar li l-governanza tajba fl-isport hija kundizzjoni preliminari għall-awtonomija u għall-awtoregolamentazzjoni tal-organizzazzjonijiet sportivi, f'konformità mal-prinċipji tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-demokrazija, u jisħaq fuq il-bżonn ta' politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni fl-isport; jenfasizza l-bżonn ta' rappreżentanza xierqa tal-partijiet interessati kollha fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u jinnota li għandha tiġi adottata l-aħjar prattika minn organizzazzjonijiet sportivi oħra;

16. Jitlob li jkun hemm impenn bla rażan mill-FIFA għal rieżami dettaljat tad-deċiżjonijiet tal-passat u tal-preżent u għal trasparenza sħiħa għall-ġejjieni, inkluż fir-rigward tar-rimunerazzjoni tal-livell maniġerjali eżekuttiv u superjuri, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti proċeduri awtoregolatorji interni u mekkaniżmi effettivi ta' identifikazzjoni, investigazzjoni u ta' sanzjoni;

17. Jemmen li dan ir-rieżami għandu jkopri l-istatuti, l-istruttura, il-kodiċi u l-politiki u l-prattiki operattivi tal-FIFA, l-introduzzjoni ta' limiti ta' żmien għall-mandati tal-membri tal-Kumitat Eżekuttiv, inkluż il-president, u ta' diliġenza dovuta indipendenti għalihom, flimkien ma' awditjar finanzjarju estern u kompletament indipendenti li jevalwa l-affidabilità tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha;

18. Iħeġġeġ lill-FIFA timplimenta standards etiċi rigorużi u kodiċi ta' kondotta għal-livell maniġerjali u għall-Kumitat Eżekuttiv tagħha, li għandhom jiġu sorveljati minn entità ta' monitoraġġ indipendenti;

19. Jitlob li l-korpi kollha ta' tmexxija tal-isport jikkommettu ruħhom favur prattiki ta' governanza tajba u żieda fit-trasparenza, sabiex inaqqsu r-riskju li wieħed jisfa vittma tal-korruzzjoni;

20. Jappella lill-isponsors u lix-xandara kollha b'kuntratt biex jeżiġu u jsostnu l-proċess ta' riforma fi ħdan il-FIFA billi joħorġu dikjarazzjonijiet pubbliċi kontra l-korruzzjoni fl-isport, u biex jagħtu segwitu għal kliemhom permezz ta' pressjoni kontinwa;

21. Jitlob lill-UEFA u lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw miżuri ta' riforma fundamentali fi ħdan il-FIFA, u b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet stipulati f'din ir-riżoluzzjoni, kemm direttament u kemm permezz tar-rappreżentanti tagħhom fil-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA u l-assoċjazzjonijiet tal-futbol nazzjonali, sa tmiem l-2016;

22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw u jagħtu prijorità lill-ħidma u lill-azzjonijiet relatati mal-governanza tajba fi ħdan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport, u jaċċertaw li l-assoċjazzjonijiet nazzjonali sportivi jkunu involuti bis-sħiħ fl-azzjoni mmirata lejn it-titjib fil-governanza fil-livell Ewropew u dak internazzjonali;

23. Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod ikkoordinat mal-Istati Membri u f'kooperazzjoni mal-Interpol, il-Europol u l-Eurojust, tieħu l-miżuri kollha xierqa, fost l-oħrajn l-infurzar effettiv, sabiex tindirizza kwalunkwe indikazzjoni ta' korruzzjoni min-naħa tal-FIFA jew mill-uffiċjali tal-assoċjazzjonijiet tal-futbol nazzjonali fit-territorju tal-UE, u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet Ewropej permezz ta' timijiet konġunti tal-investigazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni;

24. Jenfasizza li, fid-dawl tan-natura transnazzjonali tal-korruzzjoni fl-isport, l-isforzi biex din tal-aħħar tkun miġġielda jeħtieġu aktar kooperazzjoni effikaċi fost il-partijiet interessati, fosthom l-awtoritajiet pubbliċi, l-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi, l-industrija sportiva, l-atleti u l-partitarji, u għandha tingħata enfasi anke lill-edukazzjoni u l-azzjoni preventiva f'dan il-qasam;

25. Jilqa' l-programm tal-isport il-ġdid fl-ambitu ta' Erasmus+, li jappoġġja proġetti edukattivi transnazzjonali li jindirizzaw theddidiet transfruntieri għall-integrità u l-etika tal-isport, bħad-doping, ix-xiri tal-logħob u l-vjolenza, kif ukoll kull tip ta' intolleranza u diskriminazzjoni, u li jimmira li jippromwovi u jappoġġja l-governanza tajba fl-isport;

26. Jistieden lill-Istati Membri u l-federazzjonijiet sportivi jinformaw u jedukaw lill-isportivi u lill-konsumaturi b'mod adegwat, sa minn età żgħira u fil-livelli kollha tal-isport, kemm fil-livell ta' dilettanti u kemm fil-livell professjonali; iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi jistabbilixxu u jibqgħu għaddejjin bi programmi edukattivi u ta' prevenzjoni persistenti li jinvolvu obbligi ċari għall-klabbs, il-legi u l-federazzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward ta' minorenni;

27. Jilqa' l-ftehim reċenti b'rabta mar-Raba' Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus, u jappoġġja l-użu proattiv tal-mezzi kollha previsti mil-leġiżlazzjoni l-ġdida biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja b'mod konsistenti l-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-ħasil tal-flus biex tiżgura li din tkun biżżejjed biex tiġġieled il-korruzzjoni fl-isport u tiżgura l-iskrutinju ta' korpi governattivi sportivi reġistrati fl-UE u l-uffiċjali tagħhom;

28. Jinsisti li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-rigward tal-governanza tal-FIFA tkun akkumpanjata wkoll minn impenji u miżuri ċari min-naħa tal-FIFA, l-UE, l-Istati Membri u partijiet interessati oħra kontra offiżi oħra li jaffettwaw l-organizzazzjonijiet sportivi, partikolarment ix-xiri tal-logħob, li spiss ikunu relatati ma' kriminalità organizzata li topera fuq livell internazzjonali;

29. Jisħaq fuq il-bżonn li r-riformi futuri kollha fl-ambitu tal-isport professjonali, u b'mod partikolari fil-futbol, ikunu jinkludu provvedimenti sostanzjali li jħarsu d-drittijiet tal-atleti, tal-ħarrieġa u tat-timijiet; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza li tkun indirizzata s-sjieda ta' terzi tal-atleti fl-isport Ewropew;

30. Jappoġġja l-appell tal-kampanja "New FIFA Now" għall-istabbiliment ta' Kummissjoni indipendenti u mhux governattiva ta' Riforma tal-FIFA, li tkun ssorveljata minn awtorità internazzjonali indipendenti;

31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Association Football (FIFA), lill-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA), lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, lill-Assoċjazzjoni tal-Legi Ewropej tal-Futbol Professjonali (EPFL), lill-Assoċjazzjoni tal-Klabbs Ewropej (ECA) u lill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Plejers Professjonisti tal-Futbol (FIFPRO).

 

(1)

ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

(2)

ĠU C 239 E, 20.8.2013, p. 46.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0098.

Avviż legali - Politika tal-privatezza