Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0832/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0832/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa

9.9.2015 - (2015/2833(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B8‑0832/2015)
ALDE (B8‑0834/2015)
Verts/ALE (B8‑0837/2015)
S&D (B8‑0842/2015)

Monika Hohlmeier, Roberta Metsola, Esteban González Pons, Elissavet Vozemberg, Ivo Belet, Carlos Coelho, Jeroen Lenaers, Milan Zver, Mariya Gabriel, Frank Engel, Anna Maria Corazza Bildt, Michał Boni, Danuta Maria Hübner, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Emil Radev, Alessandra Mussolini, Barbara Matera, Agustín Díaz de Mera García Consuegra f'isem il-Grupp PPE
Gianni Pittella, Enrique Guerrero Salom, Birgit Sippel, Richard Howitt, Knut Fleckenstein, Josef Weidenholzer f'isem il-Grupp S&D
Guy Verhofstadt, Cecilia Wikström, Angelika Mlinar, Gérard Deprez, Filiz Hyusmenova, Louis Michel, Frédérique Ries, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez, Hilde Vautmans, Marian Harkin, Ivan Jakovčić f'isem il-Grupp ALDE
Judith Sargentini, Ska Keller, Jean Lambert, Ulrike Lunacek, Bodil Valero, Philippe Lamberts, Benedek Jávor, Bart Staes, Margrete Auken, Barbara Lochbihler, Heidi Hautala f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Laura Ferrara


Proċedura : 2015/2833(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0832/2015
Testi mressqa :
RC-B8-0832/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa

(2015/2833(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-protokoll addizzjonali tagħha,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar miżuri tal-UE u tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-fluss ta' rifuġjati b'riżultat tal-kunflitt fis-Sirja[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil[4],

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0240),

–   wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni f'għaxar punti dwar il-migrazzjoni adottat fil-laqgħa konġunta tal-Kunsill Affarijiet Barranin u l-Kunsill Affarijiet Interni tal-20 ta' April 2015,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' April 2015 dwar il-kriżi tar-rifuġjati fil-Mediterran,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' April 2012 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) bit-titolu "Lives lost in the Mediterranean Sea" (Ħajjiet mitlufa fil-Baħar Mediterran),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015,

–   wara li kkunsidra l-Inizjattiva dwar ir-Rotta tal-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Qarn tal-Afrika, jew "il-Proċess ta' Khartoum", li l-Unjoni Afrikana u l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE adottaw fit-28 ta' Novembru 2014,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Migranti, b'mod partikolari dak bit-titolu "Banking on mobility over a generation: follow-up to the regional study on the management of the external borders of the European Union and its impact on the human rights of migrants" (Fiduċja fil-mobilità għal ġenerazzjoni sħiħa: segwitu tal-istudju reġjonali dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti), ippubblikat f'Mejju 2015,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) dwar is-Sitwazzjoni tal-Asil fl-Unjoni Ewropea 2014,

–   wara li kkunsidra d-dibattitu li sar fil-Parlament fid-9 ta' Settembru 2015 dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, bħala konsegwenza tal-kunflitti persistenti, l-instabbiltà reġjonali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, għadd bla preċedent ta' persuni qegħdin ifittxu protezzjoni fl-UE; billi l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-asil li jikkonċernaw it-tfal żdied b'75 % mis-sena l-oħra 'l hawn; billi l-perjodu tas-sajf għal darb'oħra wera li l-migrazzjoni mhijiex kwistjoni temporanja u li ż-żieda f'daqqa fl-għadd ta' rifuġjati jidher li se tkompli, u dan jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa urġenti li jsir dak kollu li huwa possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies li qed jaħarbu minn pajjiżhom u li qegħdin fil-periklu, u l-fatt li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom, inklużi l-obbligi ta' salvataġġ fuq il-baħar;

B.  billi fl-2015, skont id-data tal-UNHCR, 2 800 persuna bejn nisa, irġiel u tfal ġew rappurtati mejta jew nieqsa fit-tentattiv tagħhom li jaslu f'post sikur fl-Ewropa; billi r-rifuġjati u l-migranti qegħdin ukoll jitilfu ħajjithom fil-vjaġġ tagħhom fuq l-art madwar l-Ewropa;

C. billi t-traffikanti tal-bnedmin jisfruttaw il-migrazzjoni irregolari u jpoġġu l-ħajjiet tal-immigranti f'riskju biex huma jagħmlu l-qligħ, huma responsabbli għal eluf ta' mwiet u jirrappreżentaw sfida serja għall-UE u l-Istati Membri; billi t-traffikanti jiġġeneraw profitti ta' EUR 20 biljun fis-sena permezz tal-attivitajiet kriminali tagħhom; billi, skont il-Europol, gruppi tal-kriminalità organizzata li jiffaċilitaw b'mod attiv it-trasport tal-migranti irregolari madwar il-Baħar Mediterran għandhom konnessjonijiet mat-traffikar tal-bnedmin, id-drogi, l-armi tan-nar u t-terroriżmu;

D. billi, skont id-data tal-FRONTEX, il-pajjiżi ewlenin li minnhom joriġinaw il-persuni li qed ifittxu asil fl-2015 huma s-Sirja, l-Afganistan, l-Eritrea u l-Iraq; billi, skont il-Eurostat, l-maġġoranza l-kbira tal-persuni li jaħarbu minn dawn il-pajjiżi lejn l-Ewropa jingħataw protezzjoni;

E.  billi l-instabbiltà u l-kunflitti reġjonali u l-espansjoni tal-IS/Da'esh fiż-żoni ta' kunflitt ġirien qed ikollhom impatt fuq l-influss massiv ta' migranti u fuq il-flussi ta' persuni spostati u, għalhekk, fuq l-għadd ta' individwi li qed jippruvaw jaslu fl-UE;

F.  billi l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew, li saret bejn il-25 u s-26 ta' Ġunju 2015, u l-laqgħa sussegwenti tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-20 ta' Lulju 2015 naqsu milli jiġġeneraw ftehim dwar mekkaniżmu ta' ridistribuzzjoni vinkolanti għar-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni tal-persuni, u minflok intlaħaq qbil fuq mekkaniżmu volontarju; billi l-Istati Membri naqsu milli jilħqu ftehim biex joffru 40 000 post għar-rilokazzjoni ta' rifuġjati mill-Greċja u l-Italja u minflok impenjaw ruħhom fir-rigward ta' 32 256 post biss;

G. billi fit-3 ta' Settembru 2015 il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk appella biex 100 000 rifuġjat, mill-inqas, jitqassmu mill-ġdid;

H. billi, minflok it-teħid ta' deċiżjonijiet ad hoc attwali, jeħtieġ li jiġi żviluppat approċċ fuq terminu itwal fir-rigward tal-asil u l-migrazzjoni;

I.   billi ħafna ċittadini qed juru livell bla preċedent ta' solidarjetà mar-rifuġjati, b'akkoljenza mill-qalb u livell impressjonanti ta' appoġġ; billi b'hekk iċ-ċittadini Ewropej qegħdin juru li l-kompassjoni u l-protezzjoni ta' dawk fil-bżonn għadhom valuri Ewropej awtentiċi;

J.   billi s-sitwazzjoni attwali enfasizzat nuqqas ta' solidarjetà deplorevoli min-naħa tal-gvernijiet fil-konfront tal-persuni li qed ifittxu asil, kif ukoll azzjoni mhux koordinata u koerenti biżżejjed; billi dan qed iwassal għal sitwazzjoni kaotika u ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-pożizzjonijiet differenti meħuda minn Stati Membri individwali jkomplu jenfasizzaw il-fatt li l-UE għandha 28 politika frammentata dwar il-migrazzjoni; billi n-nuqqas ta' proċeduri u standards armonizzati tal-asil fl-Istati Membri jwassal għal livelli differenti ta' protezzjoni, u f'ċerti każijiet anke għal garanziji mhux adegwati għall-persuni li jfittxu asil;

K. billi xi Stati Membri u l-mexxejja tagħhom ħadu approċċ proattiv u wrew livell għoli ta' preparazzjoni u rieda li jilqgħu lir-rifuġjati u jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti u obbligatorju għall-allokazzjoni ta' rifuġjati fost l-Istati Membri kollha; billi Stati Membri oħrajn għandhom isegwu dan l-eżempju;

L.  billi r-rapport strateġiku dwar approċċ olistiku għall-migrazzjoni mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern se jindirizza l-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil tal-UE fl-intier tagħha;

M. billi skont il-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati (il-Konvenzjoni ta' Ġinevra) persuni jistgħu jfittxu asil irrispettivament mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom sakemm ikollhom biża' motivat li jiġu persegwitati minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tagħhom;

1.  Jesprimi dispjaċir u niket kbar għat-telf traġiku tal-ħajjiet ta' nies li jkunu qed ifittxu asil fl-UE; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu kulma jistgħu sabiex jimpedixxu aktar imwiet fuq il-baħar jew fuq l-art;

2.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-għadd kbir ta' rifuġjati u migranti li huma vittmi ta' kunflitti, ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, nuqqasijiet ta' governanza tanġibbli u repressjoni ħarxa;

3.  Jilqa' l-isforzi tal-gruppi tas-soċjetà ċivili u ta' dawk l-individwi madwar l-Ewropa kollha li qed jorganizzaw ruħhom bi ħġarhom biex jilqgħu u jagħtu l-għajnuna lir-rifuġjati u lill-migranti; iħeġġeġ liċ-ċittadini Ewropej ikomplu bl-appoġġ u l-involviment tagħhom għal reazzjoni umanitarja għall-kriżi tar-rifuġjati; jemmen li azzjonijiet bħal dawn juru twemmin ġenwin fil-valuri Ewropej u huma sinjal ta' tama għall-ġejjieni tal-Ewropa;

4.  Itenni l-appoġġ tiegħu għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil; itenni l-ħtieġa li l-UE tibbaża r-reazzjoni tagħha għas-sitwazzjoni attwali tar-rifuġjati fuq is-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà, kif iddikjarat fl-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u fuq approċċ olistiku li jieħu inkonsiderazzjoni l-migrazzjoni sikura u legali u r-rispett sħiħ għad-drittijiet u l-valuri fundamentali;

5.  Itenni l-impenn tiegħu li jinfetħu l-fruntieri fi ħdan iż-żona Schengen, filwaqt li tiġi żgurata l-ġestjoni effikaċi tal-fruntieri esterni; jenfasizza li l-moviment liberu tal-persuni fi ħdan iż-żona Schengen kienet waħda mill-akbar kisbiet għall-integrazzjoni Ewropea;

6.  Jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, inkluża l-inizjattiva l-ġdida għal rilokazzjoni b'emerġenza ta' numru akbar ta' persuni li qed ifittxu asil u li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, li tkopri l-Greċja, l-Italja u l-Ungerija; japprova d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li fiha ħabbret mekkaniżmu ta' rilokazzjoni permanenti li jiġi attivat f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u li jqis l-għadd ta' rifuġjati preżenti fi Stat Membru, u li huwa bbażat fuq l-Artikolu 78(2) tat-TFUE; huwa lest jittratta l-iskema l-ġdida ta' rilokazzjoni b'emerġenza fil-qafas ta' proċedura rapida u jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jipproċedi bil-miżuri l-oħra kollha proposti mill-Kummissjoni b'mod parallel, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jdewmux l-iskema ta' rilokazzjoni permanenti; ifakkar lill-Kunsill li l-Parlament jaqbel bis-sħiħ ma' mekkaniżmu ta' rilokazzjoni vinkolanti li, kemm jista' jkun, iqis il-preferenzi tar-rifuġjati;

7.  Jilqa' l-appoġġ operazzjonali li l-Kummissjoni se tagħti lill-Istati Membri l-aktar esposti, bħall-Greċja, l-Italja u l-Ungerija, permezz ta' "hotspots" permezz tal-użu tal-għarfien espert tal-aġenziji tal-UE bħall-FRONTEX, l-EASO u l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), biex tgħin lill-Istati Membri fir-reġistrazzjoni tal-persuni li jaslu; ifakkar lill-Istati Membri li s-suċċess ta' dawn iċ-ċentri ta' reġistrazzjoni jiddependi minn kemm ikunu lesti jirrilokaw rifuġjati mill-"hotspots" għat-territorji tagħhom; jemmen li approċċ bħal dan għandu jipprevedi biċ-ċar mekkaniżmi effikaċi biex jiġu identifikati l-persuni bi bżonnijiet speċifiċi u biex dawn jiġu riferuti għand is-servizzi adatti;

8.  Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li d-dispożizzjoni dwar l-hekk imsejjaħ "pajjiż ta' oriġini sikur" fid-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil tissaħħaħ billi titfassal lista komuni tal-UE ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri; jifhem li dan l-approċċ jista' jillimita d-drittijiet proċedurali taċ-ċittadini ta' dawk il-pajjiżi; ifakkar li r-rata ta' aċċettazzjoni ta' applikazzjonijiet għall-asil tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor, inkluż fir-rigward ta' pajjiżi ta' oriġini partikolari; jitlob li jittieħdu passi biex jiġi żgurat li dan l-approċċ ma jimminax il-prinċipju ta' non-refoulement u d-dritt individwali għall-asil, speċjalment dak ta' persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli;

9.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex temenda r-Regolament ta' Dublin b'tali mod li tiddaħħal sistema permanenti u vinkolanti ta' tqassim ta' persuni li jfittxu asil fost it-28 Stat Membru, permezz ta' koeffiċjent ta' allokazzjoni ġust u obbligatorju, filwaqt li jitqiesu l-prospetti ta' integrazzjoni u l-ħtiġijiet u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-persuni kkonċernati stess;

10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu spazju u prontezza mil-lat baġitarju fil-provvedimenti tal-baġit tal-2016 u tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), sabiex ikun jista' jingħata appoġġ aktar mgħaġġel u aktar sostanzjali lill-EASO u lill-Istati Membri fir-rigward tal-azzjonijiet tagħhom għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tar-rifuġjati, inkluż fil-qafas tal-iskemi ta' rilokazzjoni u risistemazzjoni;

11. Jappella għal traspożizzjoni sħiħa u implimentazzjoni effikaċi tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil min-naħa tal-Istati Membri parteċipanti kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri qegħdin jimplimentaw kif xieraq il-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex jiġi żgurat li qed jiġu applikati standards komuni effikaċi, konsistenti u umani fl-UE kollha;

12. Jemmen li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn għandha timxi id f'id mar-rispett għall-proċeduri u l-istandards li jippermettu lill-Ewropa tiżgura trattament uman u dinjituż tal-persuni rimpatrijati, f'konformità mal-prinċipju ta' non-refoulement; ifakkar li r-ritorn volontarju għandu jingħata prijorità fuq ir-ritorn furzat;

13. Jenfasizza li għandha ssir enfasi akbar fuq l-inizjattivi tal-Kummissjoni li diġà tnedew biex jingħataw aktar għodod għall-protezzjoni tal-persuni li jfittxu asil; iqis li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jesploraw, minbarra programm ta' risistemazzjoni obbligatorju, miżuri oħra għal aċċess sikur u legali, bħal viżi umanitarji; jitlob lill-Istati Membri jikkunsidraw il-possibbiltà li jippermettu lill-persuni li jeħtieġu protezzjoni japplikaw għall-asil fl-ambaxxati u fl-uffiċċji konsulari tagħhom f'pajjiżi terzi;

14. Ifakkar li l-Istati Membri għandhom jimponu sanzjonijiet kriminali ħorox kontra t-traffikar tal-bnedmin, kemm lejn l-UE u kemm fi ħdanha; jistieden lill-Istati Membri jikkumbattu n-netwerks kriminali tat-traffikanti, iżda fl-istess ħin ma jippenalizzawx lil dawk li jgħinu lill-migranti b'mod volontarju għal raġunijiet umanitarji, inklużi t-trasportaturi, u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE; jieħu nota tal-operazzjoni EUNAVFOR Med kontra t-traffikanti tal-persuni fil-Mediterran;

15. Jiddeplora l-fatt li l-mexxejja ta' xi Stati Membri u tal-partiti tal-lemin estrem qegħdin jużaw is-sitwazzjoni attwali biex ikebbsu s-sentiment antimigratorju filwaqt li jagħtu t-tort lill-UE għal din il-kriżi, u l-fatt li dan qed iwassal għal għadd dejjem akbar ta' atti vjolenti kontra l-migranti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi urġenti kontra l-azzjonijiet vjolenti u l-inċitament għall-mibegħda fil-konfront tal-migranti; jistieden ukoll lill-mexxejja tal-UE u tal-Istati Membri jieħdu pożizzjoni ċara favur is-solidarjetà Ewropea u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem;

16. Ifakkar li l-migrazzjoni hija fenomenu globali u kumpless li jeħtieġ ukoll approċċ fuq terminu twil li jindirizza l-kawżi fl-għeruq tiegħu, bħall-faqar, l-inugwaljanza, l-inġustizzja, it-tibdil fil-klima, il-korruzzjoni, il-governanza ħażina u l-kunflitt armat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiffukaw is-Summit tal-Belt Valletta f'Novembru fuq dawn il-kawżi; jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ komprensiv tal-UE li jsaħħaħ il-koerenza tal-politiki interni u esterni tagħha, u b'mod partikolari l-politika estera u ta' sigurtà komuni tagħha kif ukoll il-politiki tagħha dwar l-iżvilupp u l-migrazzjoni; għandu riservi dwar il-pjanijiet biex l-għajnuna għall-iżvilupp tintrabat ma' aktar kontrolli fil-fruntieri jew ftehimiet ta' riammissjoni ma' pajjiżi terzi;

17. Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lil donaturi oħra internazzjonali sabiex iwettqu b'urġenza l-impenji li ħadu waqt il-Konferenza dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp li saret f'Lulju 2015 f'Addis Ababa, u jenfasizza l-bżonn li l-politika għall-iżvilupp tiġi ffukata mill-ġdid fuq il-bini ta' soċjetajiet paċifiċi, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-promozzjoni ta' governanza tajba, kif speċifikat fl-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 16 tal-qafas ta' żvilupp globali għal wara l-2015;

18. Iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jsaħħu r-rwol tagħhom fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u, b'mod partikolari, jgħinu biex jinstabu soluzzjonijiet politiċi sostenibbli fir-reġjuni li jinsabu f'kunflitt, bħall-Iraq, is-Sirja, il-Libja u l-Lvant Nofsani, u jsaħħu d-djalogu politiku, inkluż mal-organizzazzjonijiet reġjonali, fir-rigward tal-elementi kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan li jappoġġaw istituzzjonijiet inklużivi u demokratiċi u l-istat tad-dritt, jibnu r-reżiljenza tal-komunitajiet lokali u jrawmu l-iżvilupp soċjali u demokratiku fil-pajjiżi ta' oriġini u fost il-popli tagħhom; jappella, f'dan ir-rigward, għal kooperazzjoni akbar mal-pajjiżi fir-reġjun fi ħdan il-Lega Għarbija u l-Unjoni Afrikana għall-finijiet ta' ġestjoni, risistemazzjoni u għoti ta' asil lill-persuni li jeħtieġu protezzjoni;

19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jlaqqgħu konferenza internazzjonali dwar il-kriżi tar-rifuġjati, bil-parteċipazzjoni tal-UE, l-Istati Membri tagħha, l-aġenziji relatati man-NU, l-Istati Uniti, l-NGOs internazzjonali rilevanti u l-Istati Għarab, fost l-oħrajn, bil-għan li titfassal strateġija komuni u globali dwar l-għajnuna umanitarja;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.