MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani
9.9.2015 - (2015/2685(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B8‑0836/2015)
Verts/ALE (B8‑0839/2015)
GUE/NGL (B8‑0840/2015)
ALDE (B8‑0841/2015)
PPE (B8‑0842/2015)
S&D (B8‑0844/2015)
Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Elmar Brok, Michèle Alliot-Marie, Gunnar Hökmark, Tokia Saïfi, Tomáš Zdechovský f'isem il-Grupp PPE
Victor Boştinaru, Richard Howitt, Eric Andrieu, Maria Arena, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Miriam Dalli, Viorica Dăncilă, Monika Flašíková Beňová, Doru‑Claudian Frunzulică, Enrico Gasbarra, Elena Gentile, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Maria Grapini, Roberto Gualtieri, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, David Martin, Edouard Martin, Marlene Mizzi, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Emilian Pavel, Vincent Peillon, Tonino Picula, Kati Piri, Daciana Octavia Sârbu, Jutta Steinruck, Tibor Szanyi, Claudia Tapardel, Elena Valenciano, Julie Ward f'isem il-Grupp ECR
Hilde Vautmans, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Marielle de Sarnez, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ivo Vajgl f'isem il-Grupp ALDE
Martina Anderson, Patrick Le Hyaric, Neoklis Sylikiotis, Ángela Vallina, Younous Omarjee, Barbara Spinelli, Merja Kyllönen, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
Tamás Meszerics, Margrete Auken, Heidi Hautala, Pascal Durand, Jordi Sebastià, Alyn Smith, Igor Šoltes, Reinhard Bütikofer, Bodil Valero f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Daniela Aiuto, Laura Agea, Marco Zanni, Tiziana Beghin, Eleonora Evi, Rosa D'Amato
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2015 dwar il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet riċenti mill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u l-kelliem tagħha dwar l-Iżrael, it-Territorju Palestinjan okkupat, il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani u l-appoġġ tal-UE għall-Aġenzija tan-NU ta’ Fondi u tax-Xogħol,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju Interim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea fuq naħa, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina li taġixxi f'isem l-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u tal-istrixxa ta' Gaża, fuq in-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra marbuta mal-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra, tal-1949,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni tal-Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-ksib tal-paċi fil-Lvant Nofsani jibqa’ prijorità ewlenija għall-komunità internazzjonali u element indispensabbli għall-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali; billi fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU qed isiru sforzi biex il-proċess ta’ paċi jinbeda mill-ġdid;
B. billi l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina għandu jitqies fil-kuntest usa’ tal-kunflitt Għarbi-Iżraeljan; billi l-UE tqis li l-paċi fil-Lvant Nofsani tirrikjedi soluzzjoni reġjonali komprensiva; billi l-kriżi vjolenti fis-Sirja, iż-żieda fis-setgħa tad-Da’esh, ir-radikaliżmu li qed ikompli jikber u t-tixrid tat-terroriżmu fil-Lvant Nofsani qed joħolqu theddidiet sinifikanti għas-sigurtà tal-Iżrael u r-reġjun sħiħ, u qed ikomplu jżidu t-tbatija tal-Palestinjani, iżda joħolqu wkoll interessi kondiviżi bejn l-istati Għarab u l-Iżrael, filwaqt li l-ftehim nukleari mal-Iran, li l-UE kellha rwol importanti fih, joffri spinta unika lill-proċess ta’ paċi, li m’għandhiex titħalla tintilef;
C. billi l-UE ripetutament ikkonfermat l-appoġġ tagħha għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b’Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael fis-sigurtà u bl-Istat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, u appella biex jerġgħu jissuktaw it-taħditiet ta’ paċi diretti bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana;
D. billi l-UE hi l-akbar sieħba kummerċjali tal-Iżrael u l-akbar fornitur ta’ għajnuna lill-Palestinjani; billi l-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, esprimiet f’bosta okkażjonijiet l-impenn tagħha li ġġedded u tintensifika r-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani; billi f'April 2015 Fernando Gentilini ġie maħtur ir-Rappreżentant Speċjali ġdid tal-UE għall-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani; billi l-UE, minkejja l-ambizzjoni u l-impenn tagħha li jkollha rwol effettiv f'din il-kwistjoni, għadha trid tiżviluppa viżjoni komprensiva u koerenti tal-ħidma tagħha fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani, li għandu jirrifletti l-kuntest reġjonali li qed jinbidel rapidament;
1. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-istaġnar persistenti tal-proċess ta’ paċi tal-Lvant Nofsani, u jitlob li sforzi kredibbli għal-paċi jerġgħu jinbdew mingħajr dewmien; jistieden lill-Iżraeljani u lill-Palestinjani biex jevitaw passi li jistgħu jqanqlu eskalazzjoni ulterjuri, inklużi d-diskors ta’ mibegħda u t-tixwix fl-arena pubblika kif ukoll miżuri unilaterali li jistgħu jippreġudikaw ir-riżultat tan-negozjati u jheddu l-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati; jenfasizza l-fatt li kwalunkwe soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt tista’ tinkiseb biss f’kuntest reġjonali bl-involviment tal-partijiet konċernati reġjonali kollha u l-appoġġ tal-komunità internazzjonali;
2. Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, bi skambji ta’ art maqbula b’mod reċiproċiku u b’Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael sikur u bl-Istat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà u r-rikonoxximent reċiproku, abbażi tad-dritt ta’ awtodeterminazzjoni u r-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali; jenfasizza li l-mezzi mhux vjolenti u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju huma l-uniku mezz biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani;
3. Jisħaq li l-ħarsien tal-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati permezz ta’ azzjoni konkreta, u li jiġi żgurat rispett sħiħ għad-drittijiet taċ-ċivili taż-żewġ naħat, għandhom ikunu prijoritajiet immedjati għall-UE u l-komunità internazzjonali; jistenna b’ħerqa l-introduzzjoni tad-djalogu strutturat tal-UE mal-Iżrael dwar is-sitwazzjoni fix-Xatt tal-Punent u l-ħarsien tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, li għandha tkopri wkoll il-kwistjoni tal-insedjamenti;
4. Jilqa’ r-rwol pożittiv u s-sostenn neċessarju li l-UE tixtieq tipprovdi fil-faċilitazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina u l-kunflitt usa’ Għarbi-Iżraeljan permezz ta’ mezzi paċifiċi u kostruttivi, li jaqdu l-interessi tal-UE fir-rigward tas-sigurtà, l-istabilità u l-prosperità fil-Lvant Nofsani; jitlob, għalhekk, li jkun hemm approċċ ġdid tal-UE li jaqdi ġenwinament l-interessi tal-paċi u tas-sigurtà tal-poplu Iżraeljan u dak Palestinjan; jilqa’ l-impenn personali tal-VP/RGħ u l-ħatra tar-Rappreżentant Speċjali l-ġdid tal-UE għall-proċess ta’ paċi tal-Lvant Nofsani, u jappoġġa l-isforzi tagħhom f’dan ir-rigward;
5. Jilqa’ l-impenn tal-UE li taħdem attivament fuq approċċ multilaterali mġedded għall-proċess ta’ paċi f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, u li tappoġġa attivament lill-partijiet biex terġa’ tintrebaħ il-fiduċja u jinħoloq ambjent ta’ fiduċja meħtieġ biex jidħlu f’negozjati sinifikattivi kemm jista’ jkun malajr; jinnota li l-UE tqis li l-ħolqien ta’ grupp ta’ appoġġ internazzjonali hu mezz possibbli li jikkontribwixxi għal dan l-għan; jenfasizza li l-UE tinsab lesta biex tinvolvi ruħha f'ħidma konġunta mas-sħab reġjonali fuq il-bażi tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi;
6. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE biex jagħmlu użu aħjar mir-relazzjonijiet politiċi u l-għarfien espert istituzzjonali tal-UE u l-Istati Membri tagħha, ibbażati kif inhuma fuq il-prossimità ġeografika tal-Ewropa, ir-rabtiet storiċi u l-iskambji ekonomiċi intensivi mar-reġjun tal-Lvant Nofsani, għal rwol politiku ġenwin fil-proċess ta’ paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u bejn l-Istati Għarab u l-Iżrael f’kuntest usa’; ifakkar lill-Istati Membri fid-dmir tagħhom li jikkontribwixxu b’mod attiv fit-tfassil ta’ pożizzjoni Ewropea magħquda għall-indirizzar tal-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani, u biex joqogħdu lura minn inizjattivi unilaterali li jdgħajfu l-azzjoni tal-UE;
7. Jappoġġa l-isforzi fil-Kunsill tas-Siġurtà tan-NU bl-għan li jerġgħu jibdew it-taħdidiet ta’ paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; iħeġġeġ lill-UE, madankollu, biex twettaq ir-responsabilitajiet tagħha bħala attur b’influwenza u tieħu inizjattiva ta’ paċi kuraġġuża u komprensiva għar-reġjun; jemmen li l-UE għandu jkollha rwol ewlieni fid-definizzjoni tal-objettivi tal-Kwartett– li għandhom ikun rifokati fuq is-sejbien ta’ soluzzjoni politika għall-kunflitt – u tal-format tiegħu;
8. Jikkundanna l-espansjoni li għadha għaddejja tal-insedjamenti Iżraeljani, li jiksru d-dritt umanitarju internazzjonali, ikebbsu r-riżentiment Palestinjan u jdgħajfu l-vijabilità u l-prospetti tas-soluzzjoni ta' żewġ stati, u jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex immedjatament itemmu u jreġġgħu lura l-politika ta’ insedjamenti tagħhom;
9. Jilqa’ l-impenn tal-UE – fl-ispirtu tad-divrenzjar bejn l-Iżrael u l-attivitajiet tagħha fit-Territorju Palestinjan okkupat – li tiżgura li l-ftehimiet kollha bejn l-UE u l-Iżrael jindikaw b’mod inekwivoku u espliċitu l-inapplikabilità tagħhom għat-territorji okkupati mill-Iżrael fl-1967, kif imtenni fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta’ Lulju 2015; jieħu nota tal-linji gwida tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2013 dwar l-eliġibbiltà ta’ entitajiet Iżraeljani u l-attivitajiet tagħhom fit-territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 għal għotjiet, premji u strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-UE mill-2014 ’il quddiem, l-ittra mibgħuta lill-VP/RGħ minn 16-il Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE fit-13 ta’ April 2015, li tinkoraġġiha tieħu rwol mexxej fi ħdan il-Kummissjoni bl-għan li jitwettaq għalkollox ix-xogħol fuq linji gwida tal-UE kollha dwar it-tikkettar ta’ prodotti mill-insedjamenti Iżraeljani;
10. Jenfasizza r-responsabilità tal-awtoritajiet rilevanti tal-UE sabiex jiżguraw li l-ebda finanzjament tal-UE ma jkun jista’ jiġi iddevjat, direttament jew indirettament, lejn organizzazzjonijiet jew attivitajiet terroristiċi;
11. Jenfasizza li l-isparar ta' rockets dan l-aħħar minn grupp militanti lejn territorju Iżraeljan huwa inaċċettabbli, u jissottolinja l-periklu li s-sitwazzjoni teskala; jenfasizza l-ħtieġa fundamentali għall-UE li taħdem fi sħubija mal-Iżrael, l-Awtorità Palestinjana, l-Eġittu u l-Ġordan lejn il-prevenzjoni tar-riarmament ta’ gruppi terroristiċi fl-Istrixxa ta’ Gaża u x-Xatt tal-Punent u l-kuntrabandu tal-armi tagħhom, il-manifattura ta’ rockets u l-bini ta’ mini; jisħaq għall-darba oħra fuq il-ħtieġa kruċjali tad-diżarm tal-gruppi terroristiċi kollha f’Gaża, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin ta’ Lulju 2014;
12. Jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda fil-vjolenza min-naħa tal-abitanti tal-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent; jilqa’ l-kundanna ġenerali min-naħa tat-tmexxija Iżraeljana tal-attakk inċendjarju riċenti kontra l-familja Dawabshah fir-raħal ta’ Duma, iżda jfakkar lill-Istat tal-Iżrael fir-responsabilità sħiħa tiegħu li jipproteġi lill-popolazzjoni Palestinjana u li jressaq lill-abitanti tal-insedjamenti kollha li jwettqu vjolenza quddiem il-ġustizzja;
13. Jilqa’ l-ħidma li saret mill-Missjoni tal-Pulizija u l-Istat tad-Dritt (EUPOL COPPS) tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) fit-territorji Palestinjani biex jassistu lill-Awtorità Palestinjana fil-bini tal-istituzzjonijiet ta’ Stat tal-Palestina ġejjien fl-oqsma tal-pulizija u tal-ġustizzja kriminali; jitlob għar-riattivazzjoni tal-Missjoni ta' Assistenza fil-Fruntiera (EUBAM Rafah) tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni b’mandat aktar ambizzjuż u b’mezzi u persunal adegwati, sabiex ikollha rwol konkret fil-kontroll tal-fruntieri tal-Istrixxa ta' Gaża mal-Eġittu u l-Iżrael;
14. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni jirrapportaw lura lill-Parlament dwar il-qerda u l-ħsarat ta’ strutturi u proġetti ffinanzjati mill-UE fit-Territorji Palestinjani okkupati;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jipprovdu finanzjament lil NGOs fir-reġjun li l-għanijiet politiċi tagħhom huma f’konformità mal-għanijiet ġenerali tal-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-UE jimpenjaw ruħhom mal-kontropartijiet rilevanti tagħhom dwar din il-kwistjoni;
16. Itenni t-talba tiegħu li jintemm l-imblokk tal-Istrixxa ta’ Gaża u għar-rikostruzzjoni u r-riabilitazzjoni urġenti taż-żona wara l-gwerra tas-sajf tal-2014, li jeħtieġ tkun prijorità tal-għajnuna umanitarja għall-UE u l-komunità internazzjonali; ifaħħar il-ħidma erojka tal-UNRWA f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lid-donaturi biex jagħmlu disponibbli kemm jista’ jkun malajr l-impenji finanzjarji tagħhom li saru fil-Konferenza Internazzjonali tal-Kajr dwar il-Palestina (‘Nibnu Gaża mill-Ġdid’) tat-12 ta’ Ottubru 2014;
17. Jilqa’ l-passi reċenti meħuda mill-Iżrael biex itaffu r-restrizzjonijiet fuq Gaża, iżda jiddeplora r-restrizzjonijiet li għad hemm fuq id-dħul ta’ materjali tal-bini; jenfasizza l-importanza ta’ miżuri pożittivi ulterjuri – filwaqt li jiġi indirizzat it-tħassib leġittimu tal-Iżrael dwar is-sigurtà – li jippermettu t-twettiq komplut tal-għajnuna umanitarja, ir-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu l-wegħdiet tagħhom li jappoġġaw il-mekkaniżmu trilaterali għall-monitoraġġ u l-verifika tal-materjali tal-bini konċernati;
18. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ taħdem favur l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti tan-NU dwar il-kunflitt ta’ Gaża tal-2014, inkluża r-rakkomandazzjoni li tiġi appoġġata b’mod attiv il-ħidma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jilqa’ l-vot unanimu minn dawk l-Istati Membri tal-UE li huma parti mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU favur ir-riżoluzzjoni ta’ dan tal-aħħar tat-3 ta’ Lulju 2015 dwar ‘L-iżgurar tar-responsabbiltà u l-ġustizzja għall-ksur kollhu tad-dritt internazzjonali fit-Territorju Palestinjan Okkupat, inkluż il-Lvant ta’ Ġerusalemm;
19. Jenfasizza li rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana hija element importanti għall-ksib tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, u jiddeplora n-nuqqas ta’ għaqda bejn il-Palestinjani; jappoġġa t-talba tal-UE lill-fazzjonijiet Palestinjani biex jagħmlu r-rikonċiljazzjoni u r-ritorn tal-Awtorità Palestina fl-Istrixxa ta’ Gaża prijorità ewlenija; iħeġġeġ lill-forzi Palestinjani jerġgħu jagħtu bidu għall-isforzi lejn ir-rikonċiljazzjoni, speċjalment billi jorganizzaw l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li suppost ilhom li saru; jenfasizza li l-Awtorità Palestinjana jeħtieġ tieħu responsabbiltà akbar f’dan ir-rigward u tassumi l-funzjoni governattiva tagħha fl-Istrixxa ta’ Gaża, anke fl-oqsma tas-sigurtà u tal-amministrazzjoni ċivili u permezz tal-preżenza tagħha fil-punti ta' qsim;
20. Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jirrispettaw għalkollox id-drittijiet tad-detenuti u l-priġunieri, inklużi dawk li qed jagħmlu strajk tal-ġuħ;
21. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-kriżi serja fil-finanzjament tal-UNRWA; jitlob li l-UE tagħti aktar sostenn finanzjarju lill-UNRWA u jħeġġeġ lid-donaturi l-oħra kollha biex iwettqu l-wegħdiet li għamlu lill-aġenzja, u jitlob lill-UNRWA biex tkompli ttejjeb il-ġestjoni tagħha, iżda jappella wkoll biex tiġi indirizzata l-kwistjoni sottostanti ewlenija tar-rifugjati Palestinjani; jagħti ġieħ lill-UNRWA u jifirħilha għall-isforzi straordinarji tagħha li ppermettew li tinfetaħ is-sena skolastika 2015/2016 għall-istudenti rifuġjati Palestinjani;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Knesset, lill-President u l-Gvern tal-Iżrael, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-Awtorità Palestinjana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, lill-parlamenti u l-gvernijiet rispettivi tal-Eġittu, il-Ġordan u l-Libanu, u lill-Kummissarju Ġenerali tal-UNRWA.