Proċedura : 2015/2840(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0856/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0856/2015

Dibattiti :

PV 10/09/2015 - 5.3
CRE 10/09/2015 - 5.3

Votazzjonijiet :

PV 10/09/2015 - 8.3
CRE 10/09/2015 - 8.3

Testi adottati :

P8_TA(2015)0316

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 169kWORD 115k
9.9.2015
PE565.824v01-00}
PE565.826v01-00}
PE565.830v01-00}
PE565.831v01-00}
PE565.832v01-00}
PE565.833v01-00} RC1
 
B8-0856/2015}
B8-0858/2015}
B8-0862/2015}
B8-0863/2015}
B8-0864/2015}
B8-0865/2015} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B8‑0856/2015)

ECR (B8‑0858/2015)

EFDD (B8‑0862/2015)

GUE/NGL (B8‑0863/2015)

ALDE (B8‑0864/2015)

S&D (B8‑0865/2015)


dwar l-Ażerbajġan (2015/2840(RSP))


Pier Antonio Panzeri, Victor Boştinaru, Kati Piri, Josef Weidenholzer, Elena Valenciano, Andrejs Mamikins, Eric Andrieu, Nikos Androulakis, Marju Lauristin, Maria Arena, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Nicola Caputo, Andi Cristea, Viorica Dăncilă, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Elena Gentile, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Michela Giuffrida, Ana Gomes, Maria Grapini, Roberto Gualtieri, Richard Howitt, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Kashetu Kyenge, Javi López, Krystyna Łybacka, David Martin, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Demetris Papadakis, Emilian Pavel, Tonino Picula, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Daciana Octavia Sârbu, Jutta Steinruck, Tibor Szanyi, Claudia Tapardel, Julie Ward, Flavio Zanonato, Vincent Peillon f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Branislav Škripek f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Frédérique Ries, Marielle de Sarnez, Ramon Tremosa i Balcells, Pavel Telička, Renate Weber, Izaskun Bilbao Barandica, Petras Auštrevičius, Juan Carlos Girauta Vidal, Martina Dlabajová, Valentinas Mazuronis, Beatriz Becerra Basterrechea, Nedzhmi Ali, Gérard Deprez, Fredrick Federley, Nathalie Griesbeck, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Kaja Kallas, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Dita Charanzová f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ulrike Lunacek, Heidi Hautala, Rebecca Harms, Tamás Meszerics, Molly Scott Cato, Michèle Rivasi, Barbara Lochbihler, Jordi Sebastià, Helga Trüpel, Igor Šoltes, Davor Škrlec f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Laura Agea f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ażerbajġan (2015/2840(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ażerbajġan, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,

–   wara li kkunsidra r-relazzjoni stabbilita bejn l-UE u l-Ażerbajġan, b'effett mill-1999, kif rappreżentata bl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), il-ħolqien tas-Sħubija tal-Lvant (SL), in-negozjati dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan u l-parteċipazzjoni tal-Ażerbajġan fl-Assemblea Parlamentari Euronest,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-pajjiż tal-PEV 2014 dwar l-Ażerbajġan tal-25 ta' Marzu 2015 (SWD(2015)64),

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV bejn l-UE u l-Ażerbajġan,

–   wara li kkunsidra r-rimarki tat-22 ta' Lulju 2015 tal-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, wara l-laqgħa tiegħu mal-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev,

–   wara li kkunsidra ż-żjara f'Baku tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, Stavros Lambrinidis, mit-23 sas-26 ta' Frar 2015,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Settembru 2015 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra’ad Al Hussein, li fiha kkundanna t-trażżin li għaddej tas-soċjetà ċivili u tal-ilħna indipendenti fl-Ażerbajġan,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju Johannes Hahn fir-rigward tad-detenzjoni, il-priġunerija, is-sentenzjar u l-omiċidji ta' ġurnalisti ewlenin u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tad-19 ta' Awwissu 2015 dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan fil-laqgħa tal-Kunsill Permanenti Speċjali tal-OSKE Nru 1064 fi Vjenna,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Thorbjørn Jagland, dwar il-każ ta' Khadija Ismayilova, il-każijiet ta' Leyla Yunus, direttriċi tal-Istitut għall-Paċi u d-Demokrazija fl-Ażerbajġan, u ta' żewġha, Arif Yunus, u l-omiċidju tal-ġurnalist Ażerbajġani, Rasim Aliyev,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ħelsinki adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE fis-sessjoni annwali tagħha bejn il-5 ta' Lulju u d-9 ta' Lulju, li "tikkundanna l-persekuzzjoni kontinwa u l-priġunerija fuq akkużi politikament motivati ta' ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'diversi Stati parteċipanti tal-OSKE u tesprimi l-preokkupazzjoni tagħha dwar l-użu ħażin kontinwu ta' leġiżlazzjoni fiskali u amministrattiva biex dawn l-atti jiġu ġustifikati",

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-23 ta' Ġunju 2015 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Ażerbajġan,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-15 ta' Diċembru 2014 tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa li tiddikjara li l-emendi reċenti għal-liġi dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi "jirrestrinġu aktar l-operat tal-NGOs fl-Ażerbajġan",

–   wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar l-għaxar anniversarju ta' dawn il-linji gwida,

–   wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1998,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan iddeterjorat kontinwament matul l-aħħar snin, b'intimidazzjoni akbar u repressjoni u intensifikazzjoni tal-prattika ta' prosekuzzjoni kriminali ta' mexxejja ta' NGOs, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili;

B.  billi l-ġurnalista investigattiva li rebħet il-premijiet għal RFE/RL, Khadija Ismayilova ngħatat sentenza ta' seba' snin u nofs priġunerija fuq akkużi allegati ta' miżapproprjazzjoni, approprjazzjoni indebita u evażjoni tat-taxxa wara li ppubblikat diversi stejjer ta' korruzzjoni li jirrigwardaw il-familja tal-President; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, Leyla u Arif Yunus, ingħataw sentenza ta' tmien snin u nofs u seba' snin priġunerija rispettivament fuq akkużi li jinkludu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fi proċess li naqas sew milli jirrispetta l-istandards internazzjonali; billi l-attivist tad-drittijiet tal-bniedem magħruf, Rasul Jafarov, u l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem irrispettat ferm, Intigam Aliyev, ingħataw sentenza fuq akkużi simili, wara proċessi mtappna bi ksur tal-proċess ġust, u attwalment qed jiskontaw pieni ta' ħabs ta' sitt snin u tliet xhur u seba' snin u nofs rispettivament; billi bosta persuni prominenti oħra tas-soċjetà ċivili tal-Ażerbajġan għadhom il-ħabs, fosthom Anar Mammadli, Rauf Mirkadirov, Ömar Mammadov, Tofiq Yaqublu, Ilgar Mammadov, Nijat Aliyev, Araz Guliyev, Parviz Hashimli, Seymur Hezi, Hilal Mammadov u Taleh Khasmammadov, u billi s-saħħa ta' wħud minn dawn il-priġunieri sejra lura kontinwament;

C. billi Leyla Yunus u Rasul Jafarov, qabel ma ġew arrestati, mexxew grupp ta' difensuri prominenti tad-drittijiet tal-bniedem mill-Ażerbajġan u esperti li pproduċew lista ta' kważi mitt persuna mill-Ażerbajġan li jikkwalifikaw bħala priġunieri politiċi skont id-definizzjoni adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fl-2012;

D. billi ġurnalisti u mexxejja tas-soċjetà ċivili qed ikunu soġġetti għal intimidazzjoni u fastidju kontinwi, fosthom Emin Milli, Direttur of Meydan TV, li rċieva theddid ta' mewt u li membri tal-familja tiegħu ġew arrestati fuq akkużi foloz, kif ukoll ġurnalisti li jaħdmu ma' Meydan TV fl-Ażerbajġan; billi l-fundatur tal-istitut għal-Libertà u s-Sikurezza tar-Reporters (IRFS) u difensur tad-drittijiet tal-bniedem, Emin Huseynov, talab kenn fl-Iżvizzera wara li kellu jaffaċċja akkużi foloz u rtirawlu ċ-ċittadinanza Ażerbajġana;

E.  billi ħafna aktar ġurnalisti u attivisti tas-soċjetà ċivili qed jaffaċċjaw proċedimenti ġudizzjarji, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment tagħhom b'rabta mal-attivitajiet tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Gvern Ażerbajġani qed irażżan ukoll lil gruppi indipendenti permezz ta' liġijiet restrittivi ġodda li jirregolaw lill-NGOs; billi minħabba dawn il-liġijiet ħafna gruppi ġew effettivament imġiegħla jagħlqu wara li l-kontijiet bankarji tagħhom ġew iffriżati jew is-sorsi ta' finanzjament tagħhom ġew imblukkati wara r-rifjut tal-gvern li jawtorizza għotjiet ġodda minn organizzazzjonijiet ta' donaturi barranin;

F.  billi dimostranti paċifiċi ġew effettivament ipprojbiti milli jipprotestaw fiċ-ċentru ta' Baku sa mill-2006, u reċentement ġew introdotti multi ġodda ħorox u perjodi itwal ta' detenzjoni amministrattiva għal dawk li jorganizzaw laqgħat pubbliċi mhux awtorizzati jew jipparteċipaw fihom;

G. billi l-President tal-IRFS, il-ġurnalist Rasim Aliyev, miet fi sptar f'Baku wara li ngħata xebgħa kbira, wara theddid u intimidazzjoni kontinwi minħabba l-kritika tiegħu tal-President Aliyev permezz tal-midja soċjali;

H. billi l-Ażerbajġan huwa wieħed mill-membri fundaturi tas-Sħubija tal-Lvant; billi l-mexxejja tal-UE u tal-Lvant tal-Ewropa affermaw mill-ġdid diversi drabi li s-Sħubija tal-Lvant hija bbażata fuq komunità ta' valuri u fuq il-prinċipji ta' libertà, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt; billi l-Ażerbajġan jaspira li jsaħħaħ u japprofondixxi r-relazzjonijiet tiegħu mal-UE, bl-għan ta' sħubija strateġika;

I.   billi fl-2014 l-UE ma setgħetx tiżborżja 11 mit-13-il għotja tagħha lill-NGOs minħabba l-leġiżlazzjoni restrittiva, u għadha ssib limitazzjonijiet kbar fl-abbiltà tagħha li tiffinanzja lil gruppi tas-soċjetà ċivili u attivisti indipendenti fl-Ażerbajġan; billi l-biċċa l-kbira tal-persuni li jirċievu l-għotjiet tal-UE jew qegħdin il-ħabs – pereżempju l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem, Intigam Aliyev – jew ħarbu mill-pajjiż u għalqu l-operazzjonijiet tagħhom;

J.   billi l-uffiċċju tal-OSKE f'Baku ngħalaq fl-4 ta' Lulju 2015 wara d-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan li jitterminaw il-Memorandum ta' Qbil bejn il-Gvern tal-Ażerbajġan u l-OSKE;

K. billi Freedom House jikkunsidra l-Ażerbajġan bħala "mhux liberu", u jikklassifika l-istampa tiegħu bħala "mhux libera" u l-internet tiegħu bħala "parzjalment liberu"; billi l-Ażerbajġan ġarrab l-akbar deterjorament tal-governanza demokratika fil-Eurasia kollha matul l-aħħar deċennju;

L.  billi f'Novembru 2015 fl-Ażerbajġan se jsiru elezzjonijiet parlamentari; billi l-Parlament Ewropew ma bagħatx Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali, billi l-valutazzjoni kienet li l-kuntest biex isiru elezzjonijiet liberi u ġusti ma jeżistix u limitazzjonijiet fuq il-libertajiet ta' espressjoni, għaqda u assoċjazzjoni fil-pajjiż jagħmluha impossibbli li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-kandidati u li tiġi organizzata votazzjoni ġenwinament kompetittiva;

M. billi l-kooperazzjoni settorjali hija ta' benefiċċju reċiproku, speċjalment fis-settur tal-enerġija; billi l-Ażerbajġan għandu l-potenzjal li jsir wieħed mis-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u jfakkar li l-UE torbot importanza speċjali mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-kuntest ta' kooperazzjoni bilaterali, bħala elementi kruċjali tas-Sħubija tal-Lvant kif ukoll bħala pilastri fundamentali ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE, li tagħhom it-tnejn l-Ażerbajġan huwa membru;

2.  Jitlob għall-ħelsien immedjat u bla kundizzjoni mill-ħabs tal-priġunieri politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u attivisti oħra tas-soċjetà ċivili kollha, inklużi Khadija Ismayilova, Leyla Yunus u Arif Yunus, Anar Mammadli, Rasul Jafarov, Intigam Aliyev, Rauf Mirkadirov, Ömar Mammadov, Tofiq Yaqublu, Nijat Aliyev, Araz Guliyev, Parviz Hashimli, Seymur Hezi, Hilal Mammadov, Taleh Khasmammadov u Ilgar Mammadov, f'konformità mas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), u jitlob li jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom, u li jiġu restawrati totalment id-drittijiet politiċi u ċivili tagħhom kif ukoll l-immaġni pubblika tagħhom;

3.  Jikkundanna bil-qawwa r-ripressjoni bla preċedent kontra s-soċjetà ċivili fl-Ażerbajġan; itenni t-tħassib serju tiegħu għad-destin tal-kollegi ta' dawk arrestati li għadhom ħielsa iżda jinsabu taħt investigazzjoni kriminali, fid-dawl ta’ rapporti minn difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u NGOs nazzjonali u internazzjonali dwar l-użu allegat ta’ akkużi vvintati kontra persuni politiċi, attivisti u ġurnalisti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex itemmu l-prattiki ta' prosekuzzjoni kriminali selettiva u ta' priġunerija ta' ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u oħrajn li jikkritikaw il-gvern, u biex jiżguraw li l-persuni kollha arrestati, inklużi ġurnalisti, attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili, igawdu d-drittijiet kollha ta' proċess ġust, b'mod partikolari aċċess għal avukat tal-għażla tagħhom u aċċess għall-familji tagħhom, u jkunu koperti minn normi oħra ta' proċess ġust;

4.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-possibilità mogħtija mill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan biex tim mediku Ewropew iżur lil Leyla u Arif Yunus, u jappella għar-rilaxx tagħhom, anke għal raġunijiet umanitarji; jiġbed l-attenzjoni għall-kundizzjonijiet ta’ priġunerija ta’ Leyla u Arif Yunus kif ukoll ta' Intigam Aliyev li wasslu għal deterjorament serju tas-saħħa tagħhom b'konsegwenzi li potenzjalment jipperikolawlhom ħajjithom; jistieden lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex jippermettu li tim mediku Ewropew jeżamina lil Intigam Aliyev u biex jiżguraw li fejn meħtieġ il-priġunieri kollha jirċievu l-kura tas-saħħa xierqa;

5.  Jitlob għal investigazzjoni rapida dwar il-mewt tal-ġurnalist u president tal-IRFS, Rasim Aliyev; jinnota bi tħassib l-allegazzjonijiet imressqa minn grupp ta' ġurnalisti li s-Sur Aliyev miet għaliex ma rċeviex għajnuna xierqa mit-tobba allokati lilu l-isptar;

6.  Ifakkar lill-awtoritajiet fl-Ażerbajġan li l-benesseri tal-popolazzjoni, li jinkludi r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet, huwa komponent essenzjali ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli;

7.  Jistieden lill-Ażerbajġan biex jirrispetta u jimplimenta l-impenji tiegħu meħuda bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex jikkonformaw mas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDK) rigward l-Ażerbajġan; jappella biex jiġu rrispettati s-sentenza tas-16 ta' Ġunju 2015 u s-sentenzi l-oħra kollha tal-QEDB;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Ażerbajġan biex jikkoopera bis-sħiħ u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll il-proċeduri speċjali tan-NU fir-rigward tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u għaqda paċifika, il-libertà ta’ espressjoni u l-arrest arbitrarju, bil-għan li jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu u jadatta l-prattiki tiegħu f’konformità sħiħa mal-konklużjonijiet tal-esperti;

9.  Jistieden lill-gvern tal-Ażerbajġan biex immedjatament itemm it-trażżin tiegħu fuq is-soċjetà ċivili u l-ħidma marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jiżgura li gruppi u attivisti tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu joperaw mingħajr tfixkil mhux meħtieġ jew biża' ta' persekuzzjoni, inkluż billi jitħassru liġijiet li jirrestrinġu severament is-soċjetà ċivili, ma jibqgħux iffriżati l-kontijiet bankarji ta' gruppi mhux governattivi u tal-mexxejja tagħhom u jippermettu aċċess għal finanzjament barrani;

10. Jiddeplora l-azzjonijiet kontinwi meħuda mill-gvern Ażerbajġani biex jaqta' l-kuntatti bejn gruppi tas-soċjetà ċivili, attivisti żgħażagħ u intellettwali fl-Armenja u l-Ażerbajġan, li huma ta' importanza kbira biex titnaqqas l-ostilità twila bejn iż-żewġ pajjiżi; f' dan ir-rigward, ifakkar għal darb'oħra fil-ħidma importanti li saret f'dan il-qasam minn Leyla u Arif Yunus;

11. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan biex jirrispettaw il-libertà tal-istampa u tal-midja, kemm fil-leġiżlazzjoni kif ukoll fil-prattika u kemm online kif ukoll offline, sabiex jiggarantixxu l-libertà ta’ espressjoni f'konformità mal-istandards internazzjonali u biex itemmu ċ-ċensura ta' kritika dwar il-gvern permezz ta' entitajiet ta' informazzjoni;

12. Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fl-Ażerbajġan; jikkundanna bil-qawwa d-diskors ta’ mibegħda kontra l-persuni LGBTI li jiġi mill-ogħla livelli; jistieden lill-gvern Ażerbajġani biex jieqaf jostakola u jintimida d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu għad-drittijiet ta’ persuni LGBTI;

13. Jenfasizza l-importanza ta’ djalogu serju u reċiprokament rispettuż bejn l-UE u l-gvern tal-Ażerbajġan, il-forzi tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili;

14. Itenni li n-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija Strateġika mal-Ażerbajġan għandhom jitwaqqfu immedjatament sakemm il-gvern jonqos milli jieħu passi konkreti li bihom imexxi 'l quddiem ir-rispett għad-drittijiet universali tal-bniedem;

15. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex japplikaw b'mod strett il-prinċipju "aktar għal aktar", b'iffukar speċifiku fuq is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-indipendenza tal-ġudikatura, ir-riformi demokratiċi u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kif ukoll biex jistipulaw b'mod ċar il-konsegwenzi jekk jaqgħu lura fir-riformi; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid u tissospendi temporanjament, jekk meħtieġ, il-fondi kollha mhux relatati mad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili u l-kooperazzjoni bejn il-persuni fil-livell bażiku mogħtija lill-Ażerbajġan permezz tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, fid-dawl tal-inċidenti msemmija hawn fuq tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li sfaw fil-mira talli ddokumentaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżommu l-finanzjament għal kuntatti bejn il-persuni u l-kooperazzjoni f'ċerti oqsma bħas-soċjetà ċivili, l-edukazzjoni u l-akkedemja, kif ukoll iż-żgħażagħ u l-iskambji tal-istudenti;

16. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ biex joħolqu rispons qawwi u unifikat għat-trażżin li għaddej fl-Ażerbajġan, sabiex jagħmluha ċara li s-sitwazzjoni prevalenti hija totalment inaċċettabbli u li ma jistax ikun li wieħed jaġixxi qisu xejn mhu xejn sakemm il-gvern jillibera lil dawk kollha arrestati fuq akkużi motivati politikament u jtemm it-trażżin li għaddej kontra gruppi tas-soċjetà ċivili indipendenti;

17. Jiddispjaċih li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem l-UE u l-Ażerbajġan ma għamel ebda progress sostanzjali fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jistieden lis-SEAE jtejjeb dan id-djalogu bil-ħsieb li jagħmlu effikaċi u orjentat lejn ir-riżultati, u jirrapporta regolarment lill-Parlament;

18. Jistieden lill-awtoritajiet tal-UE biex iwettqu investigazzoni profonda tal-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni kontra l-President Aliyev u membri tal-familja tiegħu li nkixfet mil-ħidma tal-ġurnalista investigattiva Khadija Ismaylova;

19. Jistieden lill-Kunsill biex jevita standards doppji fir-rigward tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, u biex jikkunsidra f’dan ir-rigward, sanzjonijiet immirati u projbizzjonijiet tal-viża kontra l-politiċi, l-uffiċjali u l-imħallfin kollha involuti fil-persekuzzjonijiet politiċi;

20. Jistieden lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex jikkooperaw u jiffaċilitaw żjarat minn rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet reġjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE; jiddeplora bis-saħħa d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ażerbajġani li jagħlqu l-uffiċċji tal-OSKE f'Baku;

21. Jinnota li osservaturi elettorali indipendenti, inklużi l-missjoni ta’ osservazzjoni fit-tul tal-OSKE u oħrajn nazzjonali, iddokumentaw ksur serju tal-istandards elettorali fl-Ażerbajġan għall-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari kollha mill-elezzjoni presidenzjali 'l hawn ta’ Ottubru 2003 u inkluża dik l-elezzjoni; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar jekk hemmx il-kundizzjonijiet fis-seħħ għal votazzjoni ħielsa u ġusta fl-1 ta’ Novembru 2015, minħabba li l-mexxejja tal-partiti tal-oppożizzjoni ġew arrestati, il-midja u l-ġurnalisti mhumiex permessi li joperaw liberament u mingħajr intimidazzjoni, u klima ta’ biża’ hija prevalenti;

22. Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri biex jiddeżistu minn attivitajiet ta' osservazzjoni elettorali, peress li kull missjoni ta' osservazzjoni taħt il-kundizzjonijiet preżenti se tkun futili u se sservi biss biex ikun leġittimizzat ambjent elettorali b'nuqqasijiet serji;

23. Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu li jibgħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fl-Ażerbajġan u jenfasizza l-importanza li jibgħat din id-delegazzjoni kemm jista' jkun malajr sabiex jibda djalogu mal-awtoritajiet Ażerbajġani dwar kwistjonijiet urġenti bħad-drittijiet tal-bniedem u l-kunflitt f'Nagorno-Karabakh;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Ażerbajġan, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

 

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza