Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-1075/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-1075/2015

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku

    23.10.2015 - (2015/2865(RSP))

    imressqa skont l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
    li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
    Verts/ALE (B8‑1075/2015)
    PPE (B8‑1076/2015)
    S&D (B8‑1078/2015)
    ALDE (B8‑1080/2015)

    Françoise Grossetête f'isem il-Grupp PPE
    Matthias Groote f'isem il-Grupp S&D
    Gerben-Jan Gerbrandy, Dita Charanzová f'isem il-Grupp ALDE
    Bas Eickhout f'isem il-Grupp Verts/ALE


    Proċedura : 2015/2865(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    RC-B8-1075/2015
    Testi mressqa :
    RC-B8-1075/2015
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku

    (2015/2865(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur tal-karozzi (O-000113/2015 – B8-0764/2015),

    –  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi[1],

    –  wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi[2],

    –  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi[3],

    –  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa[4],

    –  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 333/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 443/2009 bl-għan li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi ġodda tal-passiġġieri[5],

    –  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.  billi fit-18 ta' Settembru 2015, l-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Istati Uniti (United States Environmental Protection Agency, EPA) u l-Bord għar-Riżorsi tal-Ajru tal-Kalifornja (California Air Resources Board, CARB) it-tnejn ħarġu avviż ta' ksur tar-regoli dwar it- tniġġis applikabbli fir-rigward tal-Volkswagen AG, Audi AG u l-Volkswagen Group of America (kollettivament, VW); billi l-investigazzjoni bdiet wara li kienet saret riċerka fuq l-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx) minn vetturi diesel, imwettqa minn organizzazzjoni mhux governattiva f'kooperazzjoni ma' riċerkaturi universitarji, u r-riżultati ta' din ir-riċerka kienu tressqu lill-EPA u lill-CARB f'Mejju 2014;

    B.  billi t-tniġġis tal-arja jikkawża iktar minn 430 000 mewta bikrija fl-UE kull sena, flimkien ma' spejjeż stmati għal EUR 940 biljun fis-sena minħabba l-effetti tiegħu fuq is-saħħa; billi l-NOx huwa sustanza niġġiesa ewlenija li tikkawża, inter alia, il-kanċer tal-pulmun, l-ażma u ħafna mard respiratorju ieħor, kif ukoll degradazzjoni ambjentali bħall-ewtrofikazzjoni u l-aċidifikazzjoni; billi l-emmissjonijiet tal-vetturi diesel huma sors ewlieni tal-NOx f'żoni urbani fl-Ewropa; billi sa terz tal-popolazzjoni urbana tal-UE għadha esposta għal livelli ogħla mill-valuri ta' limitu jew ta' mira stabbiliti mill-UE; billi t-trasport għadu wieħed mill-kawżi prinċipali tal-kwalità ħażina tal-arja fl-ibliet, kif ukoll tal-problemi tas-saħħa relatati; billi aktar minn 20 Stat Membru bħalissa mhux qed jirnexxilhom jirrispettaw il-limiti tal-kwalità tal-arja tal-UE, b'mod partikolari minħabba t-tniġġis urban;

    C.  billi l-industrija awtomobilistika hija waħda mill-kontributuri ewlenin għat-tkabbir u l-innovazzjoni, u tikkontribwixxi għall-impjiegi f'għadd sinifikanti ta' Stati Membri; billi, sakemm ma titteħidx azzjoni deċiżiva, hemm ir-riskju li l-iskandlu preżenti jdgħajjef ir-reputazzjoni u l-kompetittività tas-settur kollu;

    D.  billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jiddominaw l-industrija tal-forniment tas-settur awtomobilistiku u jikkontribwixxu 50 % għar-riċerka u l-iżvilupp speċifiċi għas-settur; billi s-saħħa ekonomika ta' ħafna reġjuni tal-Ewropa hija derivata mill-industrija awtomobilistika u mill-industrija tal-forniment tas-settur awtomobilistiku;

    E.  billi l-kompetizzjoni ġusta, inkluża dik fost il-manifatturi tal-vetturi, timplika li l-konsumatur ikun jista' jagħżel il-prodott u jibbaża l-għażla tiegħu fuq il-karatteristiċi tekniċi komprensivi u imparzjali li jingħatawlu;

    F.  billi l-UE għamlet għadd ta' sforzi biex tirmedja l-effetti tal-kriżi ekonomika fuq l-industrija awtomobilistika, bl-użu tal-għodda disponibbli dwar għajnuna mill-istat;

    G.  billi r-Regolament dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward ta' emissjonijiet minn vetturi ħfief (ir-Regolament 715/2007/KE, maqbul mill-Parlament u l-Kunsill f'Diċembru 2006), li jistabbilixxi l-istandards tal-emissjonijiet Euro 5/6, jesiġi li l-manifatturi jarmaw il-vetturi tagħhom sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-emissjonijiet 'fl-użu normali' (l-Artikolu 5(1));

    H.  billi r-Regolament 715/2007/KE (l-Artikolu 5(2)) jipprojbixxi speċifikament l-użu ta' tagħmir ta' riduzzjoni definit bħala 'kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta' xi parti mis-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa' magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta' vettura'; billi l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jinfurzaw din il-projbizzjoni; billi r-Regolament ukoll jistieden lill-Kummissjoni espliċitament biex tintroduċi testijiet u tadotta miżuri rigward l-użu ta' mekkaniżmi ta' riduzzjoni;

    I.  billi, skont id-Direttiva dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (1999/44/KE), il-konsumaturi għandhom d-dritt għal tal-anqas sentejn garanzija wara x-xiri ta' prodott, u billi l-bejjiegħ hu obbligat jgħaddi lill-konsumatur oġġetti li jkunu f'konformità mal-kuntratt ta' bejgħ; billi fin-nuqqas ta' tali konformità, il-konsumatur huwa intitolat għal tiswija jew sostituzzjoni bla ħlas, jew għal tnaqqis fil-prezz;

    J.  billi d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (2011/83/UE) tesiġi li l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin ta' prodott tingħata qabel il-konklużjoni ta' kuntratti fil-post tan-negozju jew lil hinn minnu jew mill-bogħod, u tirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom regoli dwar pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi f'każ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma jiġux issodisfati;

    K.  billi d-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali (2005/29/KE) tipprojbixxi, b'mod partikolari, kull prattika li "toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista' toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġiba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata", tipprovdi li prattiki kummerċjali li jitqiesu żleali f'kull ċirkostanza jinkludu każijiet fejn "il-kummerċjant isostni li huwa (inklużi l-prattiki kummerċjali tiegħu) jew xi prodott ġie approvat, appoġġat jew awtorizzat minn korp pubbliku jew privat ieħor meta huwa/dan ma kienx jew isostni hekk mingħajr ma jikkonforma ruħu mat-termini tal-approvazzjoni, appoġġ jew awtorizzazzjoni", u tesiġi li l-Istati Membri jadottaw pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi;

    L.  billi l-valur ta' limitu tal-Euro 5 għall-emissjonijiet tal-NOx minn vetturi tad-diesel huwa 180 mg/km, applikabbli għal vetturi li ngħataw l-approvazzjoni tat-tip bejn l-1 ta' Settembru 2009 u l-1 ta' Settembru 2014 u għall-vetturi kollha mibjugħa bejn l-1 ta' Jannar 2011 u l-1 ta' Settembru 2015, u billi l-valur ta' limitu korrispondenti tal-Euro 6 huwa 80 mg/km, applikabbli għat-tipi ġodda mill-1 ta' Settembru 2014 u għall-vetturi kollha mibjugħa sa mill-1 ta' Settembru 2015; billi l-vetturi Euro 6 rreġistrati qabel ma l-istandard ġie introdott bħala limitu legali ibbenefikaw minn rifużjonijiet tat-taxxa f'ħafna Stati Membri; billi r-riżultati indipendenti tat-testijiet jikkonfermaw diskrepanzi sinifikanti bejn il-limiti u l-emissjonijiet reali tal-vetturi fl-użu normali għaż-żewġ standards;

    M.  billi analiżi taċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka tal-Kummissjoni[6] fl-2011 waslet għall-konklużjoni li l-emissjonijiet ta' NOx minn vetturi diesel imkejla b'sistemi li jinġarru tal-kejl tal-emissjonijiet (PEMS) qabżu sostanzjalment il-valuri ta' limitu rispettivi tal-Euro 3-5, b'firxa ta' bejn darbtejn sa erba' darbiet aktar mill-medja tal-emissjonijiet tal-NOx fuq ir-rotot sħaħ tat-testijiet, u sa 14-il darba aktar f'partijiet individwali tat-testijiet; billi rapport ieħor tal-JRC[7] ppubblikat fl-2013 irrefera għal konklużjonijiet li l-vetturi Euro 6 jistgħu saħansitra jaqbżu l-livelli ta' emissjonijiet tal-vetturi Euro 5; billi analiżijiet indipendenti li saru fl-2014 iddokumentaw, bħala medja, emissjonijiet tal-NOx fit-triq mill-vetturi diesel ittestjati madwar seba' darbiet ogħla mil-limiti stabbiliti mill-istandard Euro 6;

    N.  billi din id-differenza dokumentata ta' emissjonijiet tista' tkun dovuta kemm għall-inadegwatezza tal-proċedura preżenti ta' ttestjar użata fl-UE, li ma tirrappreżentax kundizzjonijiet normali ta' sewqan, u kemm għall-użu ta' tagħmir ta' riduzzjoni; billi l-affidabbiltà u r-robustezza tal-proċedura tal-ittestjar għall-vetturi huma ta' importanza kruċjali biex jintlaħqu l-limiti tal-emissjonijiet, u b'hekk għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ambjent fl-UE;

    O.  billi l-Artikolu 14(3) tar-Regolament 715/2007/KE jobbliga lill-Kummissjoni żżomm taħt analiżi regolari ċ-ċikli ta' ttestjar użati biex jitkejlu l-emissjonijiet u, jekk jirriżulta li t-testijiet ma jkunux għadhom adegwati, tadattahom sabiex jirriflettu adegwatament l-emissjonijiet iġġenerati mis-sewqan reali fit-toroq; billi għadu ma sar l-ebda adattament ta' dan it-tip; billi l-Kummissjoni madankollu bħalissa qed tħejji l-adozzjoni ta' ċiklu ġdid ta' testijiet ibbażat fuq l-Emissjonijiet Reali waqt is-Sewqan (RDE);

    P.  billi t-testijiet għall-konformità tal-produzzjoni u għall-konformità waqt is-servizz ma kinux soġġetti għal standards komuni fil-livell tal-UE, minkejja l-mandat mogħti lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għal tali proċeduri permezz tal-komitoloġija; billi, bħala riżultat ta' dan, ir-rekwiżiti għall-konformità tal-produzzjoni u għall-konformità waqt is-servizz ġeneralment mhumiex infurzati b'mod adegwat; billi m'hemm l-ebda rekwiżit ta' żvelar ta' informazzjoni lill-Kummissjoni, lil Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip oħra tal-Istati Membri jew lil kwalunkwe parti oħra interessata rigward kwalunkwe test applikat mill-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip kompetenti, jew rigward ir-riżultati ta' tali testijiet;

    Q.  billi s-sistema tal-UE tal-lum għall-approvazzjoni tat-tip ma tippermettix lill-Kummissjoni jew lil awtoritajiet oħra tal-Istati Membri jirrivvalutaw l-approvazzjonijiet tat-tip jew iċ-ċertifikati ta' konformità tal-vetturi, isejħu lura vetturi mis-suq jew jissospendu t-tqegħid tagħhom fis-suq, dment li jkunu ġew approvati minn Stat Membru ieħor; billi, fis-sistema preżenti, m'hemm l-ebda superviżjoni tat-testijiet imwettqa minn Awtoritajiet Nazzjonali tal-Approvazzjoni tat-Tip biex tiżgura li l-awtoritajiet kollha jirrispettaw ir-regoli komuni tal-UE u ma jinvolvux ruħhom f'kompetizzjoni żleali billi jbaxxu l-istandards;

    R.  billi l-Kummissjoni qiegħda twettaq rieżami tal-qafas tal-approvazzjoni tat-tip; billi dan ir-rieżami huwa tal-akbar importanza biex terġa' tinkiseb il-fiduċja tal-konsumatur fit-testijiet tal-emissjonijiet u tal-konsum tal-fjuwil;

    S.  billi s-sistemi tal-lum għall-ivverifikar tal-emissjonijiet tal-NOx minn karozzi diesel tal-passiġġieri jserrħu fuq tliet teknoloġiji ewlenin: modifiki tal-ġewwieni tal-magna flimkien mar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost (exhaust gas recirculation, EGR), assorbituri tal-NOx minn magni b'użu ta' fjuwil baxx (lean NOx traps, LNTs), u tnaqqis katalitiku selettiv (selective catalytic reduction, SCR); billi, sabiex jintlaħqu l-valuri ta' limitu Euro 6, il-biċċa l-kbira tal-vetturi huma mgħammra b'tal-anqas tnejn minn dawn it-tliet teknoloġiji; billi dawn it-teknoloġiji t-tlieta li huma jistgħu jiġu diżattivati b'tagħmir ta' riduzzjoni fil-forma ta' softwer;

    T.  billi, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards dwar l-emissjonijiet, se jkun jeħtieġ li l-vetturi mgħammra b'tagħmir ta' riduzzjoni jitneħħilhom dan it-tagħmir, issirilhom modifika tas-softwer tas-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet u, skont it-teknoloġija tal-magna, isirulhom interventi fuq l-apparat fiżiku; billi huwa possibbli li l-prestazzjoni tas-sistemi ta' kontroll tal-emissjonijiet diġà installati fil-vetturi tiġi mtejba permezz tat-tneħħija tat-tagħmir ta' riduzzjoni, l-ipprogrammar mill-ġdid u l-kalibrazzjoni mill-ġdid;

    U.  billi d-diskrepanzi bejn ir-riżultati tat-testijiet u l-prestazzjoni tal-vettura waqt l-użu normali mhumiex limitati għall-NOx, iżda jeżistu wkoll għal sustanzi niġġiesa oħra u għas-CO2; billi, skont studji indipendenti, id-diverġenza bejn l-emissjonijiet uffiċjali u dawk reali tas-CO2 minn vetturi tal-passiġġieri fl-Ewropa kienet 40 % fl-2014;

    V.  billi l-bidla għall-Proċedura ta' Ttestjar Armonizzata fil-Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP) tirrikjedi li l-miri tal-medja tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-flotta eżistenti għall-manifatturi tiġi adattata għat-test il-ġdid;

    1.  Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe frodi minn manifatturi awtomobilistiċi u jħeġġieġ lill-kumpaniji jassumu r-responsabbiltà sħiħa għal azzjonijiethom u jikkooperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet fi kwalunkwe investigazzjoni; jiddeplora l-fatt li miljuni ta' konsumaturi sfaw imqarrqa u żgwidati b'informazzjoni falza dwar l-emissjonijiet mill-vetturi tagħhom;

    2.  Iqis li huwa deplorevoli li dawn l-emissjonijiet żejda jikkawżaw imwiet prematuri, effetti ta' ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem, u ħsara ambjentali;

    3.  Iqis li huwa essenzjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jerġgħu jiksbu malajr il-fiduċja tal-konsumaturi permezz ta' azzjonijiet konkreti u jagħmlu kull sforz possibbli biex is-sitwazzjoni ma tkomplix tiggrava; jenfasizza s-solidarjetà tiegħu mal-impjegati kkonċernati, u huwa mħasseb dwar l-impatt tul il-katina ta' forniment, speċjalment fuq l-SMEs, li bla ma jaħtu llum qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi enormi kkawżati mill-frodi;

    4.  Huwa mħasseb ħafna dwar id-dewmien, min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, li jaġixxu fuq l-evidenza ta' eċċessi serji u persistenti tal-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet preskritti fil-liġi tal-UE għal vetturi fl-użu normali;

    5.  Jilqa' l-investigazzjonijiet li qed isiru f'diversi Stati Membri u f'pajjiżi oħra madwar id-dinja rigward il-manipulazzjoni tar-riżultati tat-testijiet tal-emissjonijiet tal-vetturi; jappoġġja l-appell tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza biex iwettqu kontrolli estensivi fuq varjetà wiesgħa ta' marki u mudelli ta' vetturi; iqis li l-Kummissjoni għandha tkun involuta fi kwalunkwe investigazzjoni ta' dan it-tip; jinsisti li l-investigazzjonijiet jitwettqu b'mod trasparenti u effikaċi, bil-qies debitu tal-ħtieġa li l-konsumaturi milquta direttament minn kwalunkwe nuqqas ta' konformità li jinkixef jinżammu informati sewwa;

    6.  Jesiġi li l-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Parlament dwar ir-riżultati ta' dawn l-investigazzjonijiet, bil-miktub, sal-31 ta' Marzu 2016;

    7.  Jesiġi li, fejn jinstab tagħmir ta' riduzzjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jieħdu kull azzjoni meħtieġa biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni u japplikaw is-sanzjonijiet xierqa bi qbil mal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2007/46/KE u mal-Artikolu 10 tar-Regolament 715/2007/KE;

    8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta u timplimenta mingħajr aktar dewmien iċ-ċiklu ġdid ta' ttestjar tal-Emissjonijiet tas-Sewqan Reali, u daħħlu fis-seħħ għal finijiet regolatorji; jilqa' r-rapport dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq (ir-rapport Deß, A8-0270/2015) adottat mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parliament fit-23 ta' Settembru 2015, u b'mod partikolari l-esiġenza li l-Kummissjoni 'tintroduċi test tal-emissjonijiet tas-sewqan reali għall-vetturi kollha bl-approvazzoni tat-tip jew li ġew irreġistrati mill-2015 biex tiġi żgurata l-effikaċja tas-sistemi ta' kontroll tal-emissjonijiet u jingħata lok biex il-vettura tikkonforma ma' dan ir-Regolament u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu, b'fattur ta' konformità li jirrifletti biss it-tolleranzi possibbli tal-proċedura tal-kejl tal-emissjonijiet fis-seħħ, sal-2017'; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaqblu bil-ħeffa fuq qafas għaċ-ċiklu ta' testijiet fuq dik il-bażi;

    9.  Jinnota li, skont il-pjanijiet preżenti tal-Kummissjoni, it-testijiet tal-emissjonijiet tas-sewqan reali jintużaw biss għall-emissjonijiet tal-NOx; jitlob li t-testijiet RDE jiġu implimentati għas-sustanzi niġġiesa kollha;

    10.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-sistema preżenti tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE tissaħħaħ b'mod sinifikanti, fost l-oħrajn permezz ta' sorveljanza akbar min-naħa tal-UE, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda s-sistema ta' sorveljanza, koordinazzjoni u segwitu għall-vetturi li jinbigħu fl-Unjoni, is-setgħa li tirrikjedi li l-Istati Membri jibdew proċeduri ta' kontroll fuq il-bażi ta' evidenza, u l-kapaċità li tadotta miżuri xierqa f'każijiet ta' ksur tad-dritt tal-Unjoni;

    11.  Jitlob li l-Kummissjoni tfassal mill-ġdid is-sistema preżenti tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE bil-għan li tiggarantixxi li l-approvazzjoni tat-tip u ċ-ċertifikati tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jkunu jistgħu jiġu vverifikati b'mod indipendenti u jiġu vvalutati mill-ġdid mill-Kummissjoni, jekk dan ikun f'loku, u biex tiżgura li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi madwar l-UE kollha kemm hi, li l-implimentazzjoni tar-regolamenti tal-UE tkun tista' tiġi infurzata b'mod effikaċi, u li jiġu kkoreġuti n-nuqqasijiet tal-miżuri ta' implimentazzjoni, mingħajr ma jiżdied bla bżonn il-piż amministrattiv;

    12.  Iqis li huwa importanti għall-aħħar li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri jkollhom id-dritt li jivvalutaw mill-ġdid l-approvazzjoni tat-tip u ċ-ċertifikati tal-konformità, li jesiġu li vetturi jissejħu lura mis-suq u li jwaqqfu t-tqegħid fis-suq ta' vetturi meta jkollhom evidenza ta' nuqqas ta' konformità mal-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet tal-UE taħt ir-Regolament Euro 5 u 6 jew ma' kwalunkwe rekwiżit ieħor previst mis-sistema tal-approvazzjoni tat-tip;

    13.  Iqis li r-rieżami tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Approvazzjoni tat-Tip jeħtieġ li jespandi u jispeċifika r-rekwiżiti tal-konformità tal-produzzjoni biex ikun żgurat li kampjun suffiċjenti u rappreżentattiv ta' mudell ġodda magħżula b'mod aleatorju mil-linji tal-produzzjoni jiġu ttestjati fuq bażi annwali, bl-użu ta' testijiet RDE biex tiġi vverifikata l-konformità tagħhom mal-valuri ta' limitu tal-UE għal sustanzi niġġiesa u għas-CO2; jitlob, barra minn hekk, li l-ittestjar waqt is-servizz ta' vetturi li diġà qed jintużaw fit-toroq jittejjeb, ukoll abbażi ta' proċedura RDE, biex tiġi verifikata l-konformità waqt is-servizz ta' vetturi b'kilometraġġi differenti kif jirrikjedi r-Regolament; jitlob li tittejjeb is-sorveljanza fit-toroq permezz ta' spezzjonijiet tekniċi perjodiċi intiżi biex jidentifikaw u jsewwu vetturi li jinstab li ma jkunux konformi mad-dritt tal-UE;

    14.  Jitlob li l-awtoritajiet nazzjonali ma juru l-ebda tolleranza lejn l-hekk imsejħa 'ottimizzazzjoni tal-ittestjar tal-vetturi', fejn huma komuni prattiki bħall-infiħ tat-tajers bi pressjonijiet ogħla min-normal, it-tneħħija tal-mirja tal-ġnub, il-kisi tal-ispazji ta' bejn il-panewijiet bit-tejp biex titnaqqas ir-reżistenza ajrudinamika, l-użu fil-magna u fil-gerboks ta' lubrikanti speċjali li ma jintużawx f'sitwazzjonijiet oħra, it-tneħħija ta' tagħmir awżiljarju bħall-isterjo, u l-ittestjar fit-temperatura ambjentali massima permessa, li lkoll ikomplu jaċċentwaw b'mod inaċċettabbli d-differenza bejn l-ittestjar fil-laboratorju u l-esperjenza tal-konsumatur fit-triq;

    15.  Jenfasizza li jeħtieġ li l-konsumaturi jkunu jistgħu jeżerċitaw drittijiethom faċilment, kif hemm dispost fid-Direttivi 1999/44/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE;

    16.  Jistieden lill-Kummissjoni, li hija responsabbli għall-kompetizzjoni fis-suq intern tal-UE, biex b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza, tiżgura kundizzjonijiet ekwi fost il-kompetituri li jaqdu s-suq;

    17.  Ifakkar fil-ħtieġa li r-regoli Ewropej dwar il-funzjonament tas-Suq Intern jiġu trasposti u implimentati bis-sħiħ u b'mod eżawrjenti fl-Istati Membri kollha, u barra minn hekk jitlob li l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq Ewropej u nazzjonali jinvestigaw kwalunkwe pretiża ta' frodi b'mod vigoruż;

    18.  Jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi taħt id-Direttiva tal-UE dwar it-tikkettar tal-karozzi (1999/94/KE) tkun korretta, rilevanti u paragunabbli; iqis li t-tikketta għandha tkun ibbażata fuq il-valuri tal-emissjonijiet u fuq l-effiċjenza tal-fjuwil li tikkorrispondi għas-sewqan fil-ħajja reali;

    19.  Huwa mħasseb dwar id-diskrepanza tal-emissjonijiet ta' CO2 iddikjarati fir-riżultati tat-testijiet uffiċjali u dawk imkejla fis-sewqan fil-ħajja reali; jitlob, għalhekk, li jintlaħaq qbil rapidu dwar il-korrelazzjoni tad-WLTP għall-miri ta' medja ta' CO2 għall-flotot tal-vetturi, bir-rispett debitu għall-prinċipju ta' 'strettezza komparabbli', imma bla ma jingħata kredtu għall-flessibilitajiet żleali fil-proċedura ta' ttestjar tal-lum, biex ma tiddgħajjifx il-mira tal-2021;

    20.  Jitlob li l-Kummissjoni tikkunsidra r-rivelazzjonijiet preżenti meta tfassal politiki ġodda fil-qasam tat-trasport sostenibbli; jitlob li l-Kummissjoni tieħu azzjoni ulterjuri biex issaħħaħ l-istrateġija tal-UE għal sistemi sostenibbli li jużaw ir-riżorsi b'mod effiċjenti għal mezzi ta' trasport bit-triq u mezzi oħra; jirreferi għall-approċċ stabbilit fil-White Paper tal-2011 tal-Kummissjoni 'Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti' u jirrimarka li potenzjalment tagħti kontribut kbir għat-tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet reali tat-trasport u għat-titjib tal-mobbiltà fl-ibliet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqawwi l-isforzi tagħha biex iġib 'il quddiem il-miżuri ssuġġeriti koperti mill-White Paper, u jinkoraġixxi lill-Istati Membri jappoġġjaw dan;

    21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.