Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-1258/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-1258/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-Afganistan, b'mod partikolari l-każijiet ta' qtil fil-provinċja ta' Zabul

25.11.2015 - (2015/2968(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B8‑1258/2015)
EFDD (B8‑1261/2015)
ECR (B8‑1264/2015)
PPE (B8‑1265/2015)
ALDE (B8‑1270/2015)
S&D (B8‑1272/2015)

Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Andrzej Grzyb, Davor Ivo Stier, Andrej Plenković, Patricija Šulin, József Nagy, Eduard Kukan, Bogdan Brunon Wenta, Milan Zver, Jarosław Wałęsa, Giovanni La Via, Jiří Pospíšil, Joachim Zeller, Ivan Štefanec, Pavel Svoboda, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Ildikó Gáll-Pelcz, Andrey Kovatchev, Tunne Kelam, Michaela Šojdrová, Tadeusz Zwiefka, Jaromír Štětina, Lefteris Christoforou, Jeroen Lenaers, Luděk Niedermayer, Marijana Petir, Dubravka Šuica, Adam Szejnfeld, Therese Comodini Cachia, Inese Vaidere, Brian Hayes, Stanislav Polčák, Claude Rolin, Ivana Maletić, Ramón Luis Valcárcel Siso, László Tőkés, Roberta Metsola, Thomas Mann f'isem il-Grupp PPE
Pier Antonio Panzeri, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Richard Howitt, Elena Valenciano, Maria Arena, Eric Andrieu, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Biljana Borzan, Nicola Caputo, Caterina Chinnici, Miriam Dalli, Viorica Dăncilă, Isabella De Monte, Damian Drăghici, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Enrico Gasbarra, Neena Gill, Maria Grapini, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Miapetra Kumpula-Natri, Javi López, Krystyna Łybacka, Andrejs Mamikins, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Tonino Picula, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Daciana Octavia Sârbu, Monika Smolková, Renato Soru, Tibor Szanyi, Claudia Tapardel, Marc Tarabella, Patrizia Toia, István Ujhelyi, Julie Ward, Pina Picierno f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Raffaele Fitto, Beatrix von Storch, Angel Dzhambazki, Karol Karski, Ryszard Antoni Legutko, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Geoffrey Van Orden, Branislav Škripek, Jana Žitňanská f'isem il-Grupp ECR
Petras Auštrevičius, Marietje Schaake, Dita Charanzová, Izaskun Bilbao Barandica, Filiz Hyusmenova, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Ramon Tremosa i Balcells, Juan Carlos Girauta Vidal, Ilhan Kyuchyuk, Beatriz Becerra Basterrechea, Nedzhmi Ali, Philippe De Backer, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Pavel Telička, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp ALDE
Bodil Valero, Eva Joly, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Igor Šoltes, Davor Škrlec, Jean Lambert f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Piernicola Pedicini f'isem il-Grupp EFDD

Proċedura : 2015/2968(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-1258/2015
Testi mressqa :
RC-B8-1258/2015
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Afganistan, b'mod partikolari l-każijiet ta' qtil fil-provinċja ta' Zabul

(2015/2968(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fl-Afganistan u fil-Pakistan[1], u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar in-negozjati għal ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan dwar sħubija u żvilupp[2],

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Lokali tal-UE għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Afganistan fl-2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2210 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tal-20 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza dwar l-Implimentazzjoni u s-Sostenn tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali (UNSCR 1325) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà fl-20 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' nofs is-sena tal-UNAMA OHCHR ta' Awwissu 2015 dwar il-Protezzjoni tal-Persuni Ċivili fil-Kunflitt Armat fl-Afganistan għall-2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tas-26 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Novembru 2015 mill-missjoni tan-NU li tikkundanna "l-qtil bla sens" ta' seba' ostaġġi ċivili f'Zabul,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi qed jikber it-tħassib dwar il-persekuzzjoni etnika u settarja fl-Afganistan, minħabba li l-inċidenti ta' ħtif u attakki li ilhom iseħħu għal xhur sħaħ huma mmirati fuq il-Hazara, grupp etniku li jitqies bħala t-tielet l-akbar fil-pajjiż, u l-uniku wieħed li huwa kompost b'mod predominanti minn Xiiti;

B.  billi seba' persuni ċivili nħatfu f'Ottubru 2015 u ġew ġustizzjati bejn is-6 u t-8 ta' Novembru fid-distrett ta' Arghandab, u billi ġie rrappurtat li hemmhekk seħħew skontri armati bejn żewġ gruppi rivali ta' persuni li huma kontra l-gvern;

C.  billi x-Xiiti tal-komunità Hazara huma fost il-minoranzi etniċi rikonoxxuti mill-Kostituzzjoni l-ġdida tal-Afganistan;

D.  billi, fil-21 ta' Novembru 2015, sa 30 persuna Hazara ġew attakkati bl-armi tan-nar waqt li kienu qed jivvjaġġaw fi grupp f'awtostrada fin-Nofsinhar; billi tal-anqas ħames persuni Hazara oħra li kienu rekbin fuq karozz tal-linja sejra lejn Kabul ġew salvati minn vjaġġaturi oħra li għenuhom jaħbu min kienu wara li militanti waqqfu l-kowċ fi triqtha;

E.  billi l-każijiet ta' qtil f'Zabul jissottolinjaw il-perikli partikolari li l-Hazara qed jiffaċċjaw; billi passiġġieri Hazara rekbin fuq karozzi tal-linja sfaw separati mill-passiġġieri l-oħra, maħtufa, u f'xi każijiet, maqtula f'għadd ta' inċidenti tul dawn l-aħħar sentejn;

F.  billi l-każijiet ta' qtil jenfasizzaw it-theddida terroristika kontinwa li t-Taliban u l-gruppi sussidjarji tagħhom, li wħud minnhom, skont rapporti, wegħdu l-lealtà tagħhom lid-Da'esh/ISIL;

G.  billi l-Unjoni Ewropea ilha sa mill-2002 tappoġġja r-rikostruzzjoni u l-iżvilupp tal-Afganistan u hija impenjata favur Afganistan paċifiku, stabbli u sigur;

H.  billi l-missjoni EUPOL, imnedija fl-2007 biex tappoġġja t-taħriġ tal-forzi tal-pulizija Afgani, tgħin biex tiġi stabbilita sistema penali / ġudizzjarja taħt amministrazzjoni Afgana; billi l-Kunsill f'Diċembru 2014 iddeċieda li jestendi l-missjoni sal-31 ta'Diċembru 2016;

I.  billi l-missjoni tal-Forza Internazzjonali ta' Assistenza tas-Sigurtà (ISAF) ġiet ikkompletata fi tmiem l-2014; billi l-missjoni l-ġdida "Resolute Support Mission" (Missjoni ta' Appoġġ Deċiż) tnediet f'Jannar 2015 bil-għan li tagħti aktar taħriġ, pariri u assistenza lill-forzi tas-sigurtà u lill-istituzzjonijiet Afgani;

J.  billi l-qtil ta' persuni ċivili, kif ukoll il-ħtif ta' ostaġġi ċivili, huma vjolazzjonijet tad-dritt umanitarju internazzjonali, li l-partijiet kollha fil-kunflitti armati – inklużi l-elementi kollha kontra l-gvern – għandhom l-obbligu li jirrispettawh;

K.  billi s-sigurtà fl-Afganistan kollu kemm hu għadha tikkawża tħassib serju minħabba l-attivitajiet terroristiċi tat-Taliban;

L.  billi għadhom iseħħu danni kollaterali li jwasslu għal għadd drammatiku ta' mwiet u ferimenti ta' persuni ċivili innoċenti, ta' membri tal-persunal umanitarju u saħansitra ta' suldati li jkunu qed iwettqu missjonijiet taż-żamma tal-paċi;

M.  billi s-sejħa li għamel dan l-aħħar il-mexxej ta' al-Qaeda, al- Zawahiri, biex il-ġellieda tal-ISIL jagħmlu gwerra kontra l-koalizzjoni internazzjonali hija theddida oħra kontra l-forzi tan-NATO li jinsabu fl-Afganistan, u kontra s-sigurtà tal-pajjiż;

1.   Jikkundanna bil-qawwa l-qtil u d-dekapitazzjoni barbara ta' seba' persuni Hazara (żewġ nisa, erba' rġiel u tifla żgħira) fil-provinċja ta' Zabul, li tinsab fix-Xlokk tal-Afganistan fuq il-fruntiera mal-Pakistan;

2.  Jikkundanna l-attakki mit-Taliban, minn al-Qaeda, mill-ISIL u minn gruppi terroristiċi oħra fuq persuni ċivili Afgani, fuq il-Forzi Nazzjonali Afgani ta' Difiża u ta' Sigurtà, fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi u fuq is-soċjetà ċivili, attakki li qed jikkawżaw għadd rekord ta' mwiet u ferimenti; jenfasizza li l-protezzjoni tal-komunità Hazara, bħala grupp partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza terroristika tat-Taliban u ta' Da'esh / ISIL, għandha tkun prijorità għall-Gvern Afgan;

3.  Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji milquta, partikolarment lil dawk tal-vittmi reċenti tal-każijijet terribbli ta' qtil fil-komunità Hazara;

4.  Jitlob li l-awtoritajiet Afgani jingħataw appoġġ ħalli jkunu jistgħu jieħdu azzjoni rapida u xierqa bil-għan li jiżguraw li l-qattiela ta' persuni ċivili innoċenti jinġiebu quddiem il-ġustizzja, u jerġgħu jaffermaw l-istat tad-dritt fil-pajjiż;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Afgani jiżguraw li l-membri tal-forzi tas-sigurtà li jkunu implikati f'każijiiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li għandhom responsabbiltà ta' kmand fuq forzi li jwettqu abbużi, jiġu investigati b'mod kredibbli u imparzjali, u jiġu dixxiplinati jew jittellgħu quddiem il-qrati, skont ma jkun f'loku;

6.  Jemmen li l-każijiet ta' qtil ta' ostaġġi ċivili, inklużi n-nisa u t-tfal, iridu jiġu ttrattati bħala delitti tal-gwerra; jenfasizza li l-qtil ta' persuni ċivili innoċenti huwa projbit mid-Dritt Umanitarju Internazzjonali; itenni li dan id-Dritt irid jiġi rrispettat mill-partijiet kollha fil-kunflitt, inklużi l-gruppi sekondarji;

7.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu rigward is-sitwazzjoni gravi tas-sigurtà, iż-żieda kostanti tal-vjolenza, l-atti terroristiċi li qed iwasslu għal qabża fl-għadd ta' vittmi u t-theddidet kostanti kontra popolazzjoni li qed tinġiegħel tgħix fi klima ta' tkattir tal-biża' u tal-intimidazzjoni;

8.  Iqis li s-sigurtà nazzjonali hija bażi essenzjali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku, għall-istabbiltà politika u għall-ġejjieni tal-Afganistan;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Afganistan jintensifika l-kooperazzjoni mal-Gvern tal-Pakistan; jenfasizza li kollaborazzjoni aktar stretta fuq kwistjonijiet ta' sigurtà u governanza tkun ta' vantaġġ reċiproku, u tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-paċi u tal-istabbiltà fir-reġjun;

10.  Jitlob li l-Istati Membri u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jibqgħu involuti bis-sħiħ, u jappoġġjaw lill-Gvern Afgan fil-ġlieda kontra r-ribelli;

11.  Iġedded l-impenn tiegħu favur kull sforz intiż biex jeħles lill-Afganistan mit-terroriżmu u mill-estremiżmu, u jemmen li dawn l-isforzi huma ta' importanza vitali għas-sigurtà reġjonali u dinjija, biex jinbena pajjiż inklussiv, stabbli, demokratiku u aktar ta' risq;

12.  Jibqa' kommess li jappoġġja lill-Gvern Afgan fl-isforzi tiegħu biex iwettaq riformi ewlenin, itejjeb aktar il-governanza u l-istat tad-dritt, jippromwovi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom id-drittijiet tan-nisa, jikkumbatti l-korruzzjoni, irażżan in-narkotiċi, itejjeb is-sostenibbiltà fiskali u jrawwem tkabbir ekonomiku inklussiv; jieħu nota tal-intenzjoni tal-President Ashraf Ghani li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jagħmilha waħda mill-prijoritajiet tiegħu;

13.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-gvern Afgan u għall-poplu tiegħu f'din il-fażi kritika; jiġbed l-attenzjoni lejn l-għadd ta' vittmi fost il-Forzi Afgani ta' Difiża u ta' Sigurtà mindu spiċċat il-missjoni tal-ISAF fi tmiem fl-2014; jinkoraġġixxi lill-Gvern ikompli l-isforzi biex ikattar l-effiċjenza u l-effikaċja operazzjonali tal-forzi ta' difiża u ta' sigurtà, bil-għan li l-popolazzjoni ġenerali tgawdi s-sigurtà u l-istabbiltà;

14.  Għad għandu tħassib profond quddiem id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fl-Afganistan, u b'mod partikolari l-implikazzjonijiet li dan jista' jkollu għad-drittijiet tan-nisa, għall-minoranzi reliġjużi u etniċi, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-ġurnalisti;

15.  Ifakkar li l-Liġi tal-2009 dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza Fuq in-Nisa kienet pass importanti ferm, u jitlob li l-awtoritajiet jikkonċentraw aktar attenzjoni u fondi fuq il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jiġu mhedda jew attakkati;

16.  Jitlob li l-Gvern tal-Afganistan jadotta pjan ta' implimentazzjoni għall-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali 1325, li jinkludi rekwiżit li n-nisa jkunu parteċipanti sħaħ f'kull stadju tan-negozjati tal-paċi;

17.  Ifakkar fl-impenn li l-Gvern Afgan għamel lill-komunità internazzjonali f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-minoranzi etniċi, lingwistiċ, reliġjużi jew ta' tip ieħor, u l-protezzjoni ta' dawn il-minoranzi;

18.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki reċenti tat-Taliban f'Kunduz, u l-imwiet u l-ferimenti li kkawżaw fost il-popolazzjoni ċivili u fost il-Forzi Nazzjonali Afgani ta' Difiża u ta' Sigurtà; jappoġġja investigazzjoni indipendenti dwar l-attakk fuq l-isptar tal-Médecins Sans Frontières f'Kunduz, u jitlob li n-newtralità tal-isptarijiet u tal-faċilitajiet mediċi tiġi rrispettata;

19.  Itenni li hija ħaġa mill-aktar urġenti li l-Gvern tal-Afganistan u s-sħab kollha fir-reġjun jinvolvu ruħhom b'mod kredibbli biex itemmu l-kunflitt u jiżguraw ambjent stabbli; itenni li proċess tal-paċi mmexxi mill-Afgani u ta' sjieda tagħhom għadu prerekwiżit għal kwalunkwe soluzzjoni sostenibbli u dejjiema;

20.  Jilqa' d-deċiżjoni li fl-2016 titlaqqa' fi Brussell Konferenza Ministerjali komprensiva dwar l-Afganistan bħala turija tal-impenn kontinwu tal-komunità internazzjonali favur l-istabbilizzazzjoni u l-iżvilupp tal-pajjiż; jistenna li l-Konferenza tistabbilixxi l-qafas għall-Gvern tal-Afganistan u għad-donaturi sal-2020, mirfud minn impenji konkreti sew mill-Gvern tal-Afganistan kif ukoll mill-komunità internazzjonali;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan.