MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi
16.12.2015 - (2015/3017(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
EFDD (B8-1409/2015)
Verts/ALE (B8-1410/2015)
ALDE (B8-1411/2015)
ECR (B8-1414/2015)
PPE (B8-1417/2015)
GUE/NGL (B8-1419/2015)
S&D (B8-1421/2015)
Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Eduard Kukan, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Brian Hayes, Roberta Metsola, Patricija Šulin, Lorenzo Cesa, Claude Rolin, József Nagy, Andrey Kovatchev, Luděk Niedermayer, Jaromír Štětina, Ivan Štefanec, Milan Zver, Tomáš Zdechovský, Giovanni La Via, Jeroen Lenaers, Ildikó Gáll-Pelcz, Csaba Sógor, Pavel Svoboda, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Tunne Kelam, Marijana Petir, Andrej Plenković, Dubravka Šuica, Lefteris Christoforou, Adam Szejnfeld, Seán Kelly, Francesc Gambús, Lara Comi, Therese Comodini Cachia, Romana Tomc, David McAllister, Anna Záborská, Stanislav Polčák, Thomas Mann, Ivana Maletić f'isem il-Grupp PPE
Pier Antonio Panzeri, Neena Gill, Richard Howitt, Josef Weidenholzer, Knut Fleckenstein, Victor Boştinaru, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Isabella De Monte, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Enrico Gasbarra, Elena Gentile, Michela Giuffrida, Viorica Dăncilă, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Kashetu Kyenge, Sorin Moisă, Victor Negrescu, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Liliana Rodrigues, Daciana Octavia Sârbu, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, István Ujhelyi, Elena Valenciano, Julie Ward, Carlos Zorrinho, Damiano Zoffoli, Miroslav Poche f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Angel Dzhambazki, Raffaele Fitto f'isem il-Grupp ECR
Javier Nart, Ivo Vajgl, Ramon Tremosa i Balcells, Pavel Telička, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Filiz Hyusmenova, Izaskun Bilbao Barandica, Juan Carlos Girauta Vidal, Beatriz Becerra Basterrechea, Marielle de Sarnez, Petras Auštrevičius, Marietje Schaake, Nedzhmi Ali, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, José Inácio Faria, Nathalie Griesbeck, Antanas Guoga, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Urmas Paet, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström, Jozo Radoš, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Lola Sánchez Caldentey, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Kostas Chrysogonos, Stelios Kouloglou f'isem il-Grupp GUE/NGL
Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Michèle Rivasi, Bodil Valero, Heidi Hautala, Igor Šoltes, Davor Škrlec, Ernest Urtasun, Alyn Smith f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Maldivi, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Settembru 2004[1] u dik tat-30 ta' April 2015[2],
− wara li kkunsidra r-rapport finali tat-22 ta’ Marzu 2014 tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet Parlamentari fir-Repubblika tal-Maldivi,
− wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali Konġunta tat-30 ta' Settembru 2014 dwar Theddid għas-Soċjetà Ċivili u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-Maldivi, maħruġa mid-Delegazzjoni tal-UE bi qbil mal-Ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE u mal-Ambaxxati tan-Norveġja u tal-Isvizzera f'Colombo akkreditati għall-Maldivi,
− wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Marzu 2015 mill-President tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Asja t’Isfel dwar l-arrest tal-ekx-President Mohamed Nasheed fil-Maldivi, u l-ittra tal-10 ta' April 2015 mill-President tal-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Barranin lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Maldivi,
− wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-14 ta' Marzu 2015 tal-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-kundanna tal-ex-President, Mohamed Nasheed,
− wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Novembru 2015 mill-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar id-dikjarazzjoni ta' stat ta' emerġenza mill-President tal-Maldivi,
− wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Maldive hija stat parti tiegħu,
− wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2015 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra’ad Al Hussein dwar il-proċess tal-ex-President Mohamed Nasheed,
− wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 33/2015 (Maldivi) tal-4 ta' Settembru 2015 tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja,
− wara li kkunsidra d-dokumentazzjoni relatata mal-aħħar Eżami Perjodiku Universali (EPU) quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU rigward il-Maldivi, tas-6 ta' Mejju 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-proċess tal-elezzjonijiet presidenzjali fl-2013, li ġab fis-setgħa lil Abdulla Yameen Abdul Gayoom, kien mgħarraq b'irregolaritajiet;
B. billi fit-13 ta' Marzu 2015, Mohamed Nasheed, l-ewwel president tal-Maldivi elett demokratikament, ingħata sentenza ta' 13-il sena ħabs fuq akkużi politikament immotivati, u billi dan il-każ ġie kkundannat mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja; billi l-proċess tiegħu kien mgħarraq b'irregolaritajiet; billi ex-uffiċjali oħra, inklużi l-ex-Viċi President Ahmed Adeeb u l-ex-Ministri tad-Difiża Mohamed Nazim u Tholhath Ibrahim, ukoll ġew arrestati u mitfugħa l-ħabs;
C. billi tqajjem tħassib dwar il-ġudikatura politiċizzata ħafna tal-Maldivi, li tul is-snin abbużat il-poteri tagħha u aġixxiet favur il-partit li hu attwalment fis-setgħa u kontra politikanti tal-oppożizzjoni;
D. billi fl-4 ta' Novembru 2015 il-Gvern tal-Maldivi ddikjara stat ta' emerġenza, li ġie rrevokat sitt ijiem wara, ħaġa li dehret li kienet mezz kif jiġu pprevenuti l-protesti kontra l-gvern mill-massa, u billi l-gvern ġie kkundannat minn għadd kbir ta' nies kullimkien talli ssospenda d-drittijiet bażiċi taċ-ċittadini u talli ta lill-militar u lill-pulizija s-setgħa li jfittxu u jarrestaw b'mod arbitrarju;
E. billi fis-27 u t-28 ta' Novembru 2015 il-pulizija fil-Maldivi xerrdu dimostranti tal-oppożizzjoni, billi użaw il-gass tad-dmugħ u l-isprej tal-bżar u arrestaw aktar minn tużżana dimostranti li kienu qed jitolbu l-ħelsien tal-ex-President u mexxejja politiċi oħra li jinsabu l-ħabs;
F. billi Mahfooz Saeed, avukat tad-drittijiet tal-bniedem u membru tat-tim ġuridiku tal-ex-President Mohamed Nasheed, ġie attakkat fl-4 ta' Settembru 2015;
G. billi moratorju fuq il-piena tal-mewt fil-Maldivi (inklużi sentenzi imposti fuq minorenni li ġew posposti) li kien ġie adottat fl-1953 ġie maqlub f'April 2014;
H. billi l-parlament għadda leġiżlazzjoni li tagħmilha offiża ta' tradiment li dak li jkun jitlob għal miżuri restrittivi u pieni assoċjati oħra kontra l-Gvern tal-Maldivi u l-membri tiegħu;
I. billi l-Maldivi ġie identifikat mill-Kumitat tal-Unjoni Interparlamentari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Membri Parlamentari bħala wieħed mill-agħar pajjiżi fid-dinja għall-attakki kontra membri parlamentari tal-oppożizzjoni, fejn politikanti tal-oppożizzjoni jiġu intimidati, arrestati u mitfugħa l-ħabs fuq bażi regolari; billi l-libertà tal-espressjoni (inkluża l-libertà tal-midja), il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-pluraliżmu demokratiku kulma jmur kienu qed jiġu mhedda aktar u aktar, bl-arrest u l-akkuza ta' mijiet ta' dimostranti ta' kontra l-Gvern;
J. billi hemm ukoll preokkupazzjonijiet dwar spirtu militanti Iżlamista radikali li qed jiżdied u dwar il-għadd ta' żgħażagħ irġiel u nisa radikalizzati li allegatament ingħaqdu mal-ISIS; billi l-Maldivi hija stmata li, għal kull ras, għandha l-ikbar għadd ta' rekluti tal-ISIS minn kwalunkwe pajjiż ieħor;
K. billi Ahmed Rilwan, ġurnalist li hu kritiku mill-gvern li "għeb" f'Awwissu 2014, għadu nieqes u hemm il-biża' li x'aktarx jinsab mejjet;
L. billi l-gajjijiet u l-gruppi Iżlamisti radikali – allegatament f'kooperazzjoni mal-pulizija – spiss jattakkaw istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u individwi li jikkritikaw l-azzjonijiet tal-Gvern jew li huma akkużati li jippromwovu l-ateiżmu, u billi dan joħloq klima ta' intimidazzjoni;
M. billi kulma jmur hemm aktar fastidju lil, u theddidiet u attakki kontra, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-ex-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Maldivi (HRCM), li l-Qorti Suprema kkritikat talli ressqet rapport għall-Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
1. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-deterjorament gradwali tal-istandards demokratiċi u t-tendenzi awtoritarji li qed jiżdiedu fil-Maldivi, li qed joħolqu klima ta' biża' u ta' tensjoni politika li tista' tipperikola kwalunkwe gwadann li sar f'dawn l-aħħar snin fl-istabbiliment tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiż;
2. Jiddeplora t-trażżin li twettaq fuq l-opponenti politiċi; jistieden lill-Gvern tal-Maldivi jeħles, b'mod immedjat u mingħajr kundizzjonijiet, lill-ex-President Mohamed Nasheed, lill-ex-Viċi President Ahmed Adeeb u lill-ex-Ministri tad-Difiża Tholhath Ibrahim u Mohamed Nazim, flimkien max-Sheikh Imran Abdulla u priġunieri politiċi oħra, u jwaqqgħalhom l-akkużi kollha; jinsab imħasseb ukoll dwar is-saħħa tal-ex-President li sejra lura;
3. Itenni n-nuqqas kbir ta' sodisfazzjon tiegħu bl-irregolaritajiet serji fil-proċess tal-ex-President Mohamed Nasheed;
4. Jistieden lill-Gvern Maldivjan jiggarantixxi l-imparzjalità sħiħa tal-ġudikatura u jirrispetta l-proċess korrett tal-liġi u d-dritt għal proċess ġust, imparzjali u indipendenti; jenfasizza l-ħtieġa li l-ġudikatura u s-servizzi tas-sigurtà tal-pajjiż jiġu depolitiċizzati;
5. Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu, f'dan il-kuntest, dwar it-tkeċċija tal-Prosekutur Ġenerali, u jfakkar lill-Gvern li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali huwa korp kostituzzjonali indipendenti taħt il-kostituzzjoni tal-Maldivi u li l-Prosekutur Ġenerali għandu jingħata l-kapaċità li jwettaq il-mandat konstituzzjonali leġittimu tiegħu mingħajr indħil politiku arbitrarju jew intimidazzjoni minn fergħat oħra tal-Gvern;
6. Jinsab serjament inkwetat minħabba t-tnaqqir kostanti tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-użu ħażin tal-istat ta' emerġenza minn setgħat eżekuttivi fil-Maldivi, u minħabba r-riskju ta' deterjorament ulterjuri; ifakkar lir-Repubblika tal-Maldivi fl-impenji internazzjonali tagħha fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tat-tfal;
7. Jitlob għall-istabbiliment ta' djalogu ġenwin fost il-partijiet politiċi kollha dwar il-ġejjieni ta' dan l-istat ġżira fraġli;
8. Jistieden lill-Gvern tal-Maldivi jirrispetta u jappoġġja bis-sħiħ id-dritt tal-protesta u d-dritt tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda, u ma jfittixx li jirrestrinġi dawk id-drittijiet; jistieden ukoll lill-Gvern tal-Maldivi jtemm l-impunità għall-vigilanti li jkunu użaw il-vjolenza kontra n-nies li jippromwovu t-tolleranza reliġjuża, id-dimostranti paċifiċi, il-midja kritika u s-soċjetà ċivili; jistieden lill-Maldivi tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi internazzjonali;
9. Jistieden lill-Gvern Maldivjan isalvagwardja d-drittijiet ta' dawk li jmexxu kampanji favur id-demokrazija, tal-Musulmani moderati, ta' dawk li jappoġġjaw is-sekulariżmu, u ta' dawk li jopponu l-promozzjoni tal-ideoloġija Waħħabija-Salafista fil-Maldivi, u jiżgura d-dritt tagħhom li jipparteċipaw fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika fil-Maldivi;
10. Ifakkar li l-libertà medjatikà hija l-ġebla tax-xewka li fuqha tinbena demokrazija funzjonanti; jistieden lill-Gvern u lill-awtoritajiet Maldivjani jiżguraw protezzjoni adegwata tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li qed jiffaċċjaw theddidiet u attakki minħabba x-xogħol leġittimu tagħhom, u, f'dan il-kuntest, jistedinhom jippermettu li ssir investigazzjoni xierqa dwar l-għajbien ta' Ahmed Rilwan, l-assalt fuq Mahfooz Saeed u l-attakki u t-theddidiet kontra ġurnalisti, membri tas-soċjetà ċivili, u istituzzjonijiet indipendenti;
11. Jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, li jiġi stabbilit mill-ġdid il-moratorju fuq il-piena tal-mewt bil-ħsieb li tiġi abolita, u li ssir reviżjoni tal-kodiċi penali bil-għan li jitwaqqaf l-użu tal-piena korporali;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħorġu twissijiet komprensivi dwar ir-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tal-Maldivi lit-turisti li jippjanaw li jmorru fil-pajjiż; jistieden ukoll lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jimmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dik politika fil-Maldivi;
13. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, quddiem dan id-deterjorament demokratiku u d-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qed ikomplu għaddejja fil-Maldivi, idaħħlu miżuri restrittivi fis-sura ta' sanzjonijiet immirati biex jiġu ffriżati l-assi li jinsabu barra ta' ċerti membri tal-Gvern Maldivjan u ta' dawk il-persuni ewlenin li jappoġġjawhom fil-komunità tan-negozji Maldivjana, u jimponu fuqhom projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Maldivi.
- [1] Testi adottati, P6_TA(2004)0017.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2015)0180.