Proċedura : 2015/3018(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-1412/2015

Testi mressqa :

RC-B8-1412/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2015 - 9.4

Testi adottati :

P8_TA(2015)0465

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 164kWORD 92k
16.12.2015
PE574.482v01-00}
PE574.483v01-00}
PE574.485v01-00}
PE574.486v01-00}
PE574.488v01-00}
PE574.492v01-00} RC1
 
B8-1412/2015}
B8-1413/2015}
B8-1415/2015}
B8-1416/2015}
B8-1418/2015}
B8-1422/2015} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

EFDD (B8-1412/2015)

ECR (B8-1413/2015)

Verts/ALE (B8-1415/2015)

ALDE (B8-1416/2015)

PPE (B8-1418/2015)

S&D (B8-1422/2015)


dwar il-Malasja (2015/3018(RSP))


Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Jeroen Lenaers, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Brian Hayes, Roberta Metsola, Patricija Šulin, Lorenzo Cesa, Jarosław Wałęsa, Claude Rolin, József Nagy, Eduard Kukan, Andrey Kovatchev, Luděk Niedermayer, Jaromír Štětina, Ivan Štefanec, Milan Zver, Tomáš Zdechovský, Giovanni La Via, Ildikó Gáll-Pelcz, Csaba Sógor, Pavel Svoboda, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Tunne Kelam, Marijana Petir, Andrej Plenković, Dubravka Šuica, Lefteris Christoforou, Adam Szejnfeld, Seán Kelly, Francesc Gambús, Lara Comi, Therese Comodini Cachia, Romana Tomc, David McAllister, Anna Záborská, Stanislav Polčák, Thomas Mann, Ivana Maletić f'isem il-Grupp PPE
Neena Gill, Richard Howitt, Pier Antonio Panzeri, Josef Weidenholzer, Knut Fleckenstein, Victor Boştinaru, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Miriam Dalli, Isabella De Monte, Monika Flašíková Beňová, Enrico Gasbarra, Elena Gentile, Michela Giuffrida, Viorica Dăncilă, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Kashetu Kyenge, Sorin Moisă, Victor Negrescu, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Daciana Octavia Sârbu, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Marlene Mizzi, Claudia Tapardel, Marc Tarabella, Elena Valenciano, István Ujhelyi, Julie Ward, Carlos Zorrinho f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Angel Dzhambazki, Raffaele Fitto f'isem il-Grupp ECR
Cecilia Wikström, Ivo Vajgl, Ramon Tremosa i Balcells, Pavel Telička, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Marielle de Sarnez, Juan Carlos Girauta Vidal, Izaskun Bilbao Barandica, Beatriz Becerra Basterrechea, Petras Auštrevičius, Marietje Schaake, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, José Inácio Faria, Nathalie Griesbeck, Antanas Guoga, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Kaja Kallas, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Jozo Radoš, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Jean Lambert, Bodil Valero, Heidi Hautala, Ernest Urtasun, Igor Šoltes, Davor Škrlec, Alyn Smith f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Marco Zanni f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Malasja (2015/3018(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Malasja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-SEAE tal-15 ta' April 2015 dwar l-emenda adottata reċentement għall-Att dwar is-Sedizzjoni fil-Malasja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-SEAE tas-17 ta' Marzu 2015 dwar l-arrest ta' Nurul Izzah, Deputat tal-Oppożizzjoni fil-Malasja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-SEAE tal-10 ta' Frar 2015 dwar il-kundanna tal-politiku tal-oppożizzjoni tal-Malasja Anwar Ibrahim,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tad-9 ta' April 2015 dwar abbozzi ta' liġijiet dwar is-sedizzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa konġunta tas-SEAE dwar id-djalogu politiku UE-ASEAN dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-23 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra s-sessjoni tal-Eżami Perjodiku Universali tan-NU ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar it-traffikar tal-bnedmin ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra t-tieni Eżami Perjodiku Universali tal-Malasja quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti (CAT) tal-1984,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE tqis lill-Malasja bħala sieħba politika u ekonomika fundamentali fix-Xlokk tal-Asja; billi l-UE u l-Malasja qed jinnegozjaw Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni u Ftehim ta' Kummerċ Ħieles;

B.  billi l-possibbiltà ta' dibattitu pubbliku u libertà tal-kelma fil-Malasja qed tonqos b'rata mgħaġġla peress li l-gvern qed jirrikorri għal liġijiet kriminali vagi biex isikket lil min jikkritikah u jrażżan l-iskuntentizza pubblika u l-espressjoni paċifika, inklużi d-dibattiti dwar kwistjonijiet ta' interess pubbliku; billi dawn il-liġijiet jinkludu l-Att dwar is-Sedizzjoni, l-Att dwar l-Istamperiji u l-Pubblikazzjonijiet, l-Att dwar il-Komunikazzjoni u l-Multimedia u l-Att dwar l-Għaqda Paċifika, fost oħrajn;

C.  billi fit-3 ta' Diċembru 2015 l-Abbozz ta' Liġi dwar il-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali għadda fil-Parlament tal-Malasja b'maġġoranza tal-voti; billi l-abbozz ta' liġi jagħti lill-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali mmexxi mill-Prim Ministru setgħat sħaħ li jiddikjara stat ta' emerġenza fi kwalunkwe żona meqjusa bħala riskju għas-sigurtà, b'setgħat kbar ta' arrest, tfittxija u sekwestru mingħajr mandat;

D.  billi skont l-Att dwar is-Sedizzjoni biss tal-anqas 78 ruħ ġew investigati jew akkużati mill-bidu tal-2014;

E.  billi l-ex kap tal-oppożizzjoni Anwar Ibrahim ġie kkundannat fuq akkużi ta' sodomija fi Frar 2015 wara prosekuzzjoni politikament motivata li rriżultat fi proċedimenti kriminali li ma ssodisfawx l-istandards internazzjonali ta' proċess ġust; billi ma ngħatax kura medika xierqa;

F.  billi l-persuni LGBTI fil-Malasja huma kriminalizzati skont il-liġi tal-pajjiż kontra s-sodomija u l-liġijiet reġjonali li jipprojbixxu l-cross-dressing, u jaffaċċjaw diskors politiku ta' mibegħda, arrest arbitrarju, attakki fiżiċi u sesswali, priġunerija u abbużi oħra;

G.  billi l-cartoonist Malasjan Zulkiflee Anwar Ulhaque (Zunar) qed jaffaċċja akkużi skont l-Att dwar is-Sedizzjoni wara tweets kritiċi kontra l-gvern fir-rigward tal-kundanna ta' Anwar Ibrahim; billi l-blogger Khalid Ismath u l-akkademiku Azmi Sharom qed jaffaċċjaw akkużi simili;

H.  billi l-Kummissjoni Malasjana Kontra l-Korruzzjoni interrogat lill-Prim Ministru b'rabta ma' allegazzjonijiet ta' abbuż mill-pożizzjoni wara li nstabu aktar minn 600 miljun euro fil-kont tal-bank tiegħu bla ebda ġustifikazzjoni rigward is-sors u r-raġuni, kif ukoll b'rabta ma' allegazzjonijiet separati li mijiet ta' miljuni ta' euro kienu nieqsa minn negozju li kien jinvolvi kumpanija statali li stabbilixxa hu stess, 1Malaysia Development Berhad (1MDB);

I.  billi l-kumpaniji tal-media u tal-pubblikazzjoni ħabbtu wiċċhom ma' restrizzjonijiet skont l-Att dwar l-Istamperiji u l-Pubblikazzjonijiet wara rapportar dwar dawn l-allegazzjonijiet, u billi l-avukat Matthias Chang u l-politiku Khairuddin Abu Hassan ġew arrestati wara l-investigazzjonijiet tagħhom dwar dawn l-allegazzjonijiet;

J.  billi r-Rappreżentant Għoli qajmet tħassib rigward l-użu abbużiv ta' liġijiet kriminali waqt iż-żjara tagħha fil-Malasja fil-5 u s-6 ta' Awwissu 2015;

K.  billi, skont in-NU u l-NGOs, il-forzi tal-pulizija Malasjani qed jirrikorru dejjem aktar għal atti ta' tortura, arresti tard billejl, arresti preventivi inġustifikabbli u prosekuzzjoni selettiva;

L.  billi l-Malasja għadha timplimenta l-piena tal-mewt u attwalment madwar 1 000 priġunier ingħataw il-piena tal-mewt;

M.  billi l-Malasja hija Membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-President attwali tal-ASEAN, u s-27 Summit tal-ASEAN sar fi Kuala Lumpur mit-18 sat-22 ta' Novembru 2015;

1.  Jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tal-UE favur il-poplu Malasjan li miegħu l-UE għandha rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali b'saħħithom u dejjiema;

2.  Jiddeplora s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qed tiddeterjora fil-Malasja u b'mod partikolari t-trażżin ta' attivisti tas-soċjetà ċivili, akkademiċi, il-media u attivisti politiċi; jesprimi tħassib rigward iż-żieda qawwija fl-għadd ta' persuni li qed jaffaċċjaw akkużi jew arrest skont l-Att dwar is-Sedizzjoni;

3.  Huwa partikolarment imħasseb dwar l-adozzjoni tal-Abbozz ta' Liġi dwar il-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali u jħeġġeġ l-irtirar tiegħu; jistieden lill-gvern iżomm bilanċ xieraq bejn il-ħtieġa li titħares is-sigurtà nazzjonali u l-ħtieġa essenzjali li jitħarsu d-drittijiet ċivili u politiċi;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern Malasjan jirrilaxxa minnufih lill-priġunieri politiċi kollha, inkluż l-ex kap tal-oppożizzjoni Anwar Ibrahim, u jagħtihom l-kura medika xierqa, u jwaqqa' l-akkużi politikament motivati, fosthom dawk kontra l-cartoonist Zulkiflee Anwar Haque (Zunar), il-blogger Khalid Ismath, l-akkademiku Azmi Sharom, id-dissidenti politiċi Khairuddin Abu Hassan u Matthias Chang, u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem Lena Hendry u Maria Chin Abdullah;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Malasjani jħassru l-Att dwar is-Sedizzjoni u jagħmlu l-leġiżlazzjoni kollha, inklużi l-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, l-Att dwar l-Istamperiji u l-Pubblikazzjonijiet, l-Att dwar il-Komunikazzjoni u l-Multimedia, l-Att dwar Għaqda Paċifika, u dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-kodiċi penali, konformi mal-istandards internazzjonali dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Malasjani jiffaċilitaw l-għaqda paċifika, u jiggarantixxu s-sikurezza tal-parteċipanti kollha u l-libertà tal-espressjoni tagħhom fil-pajjiż kollu;

6.  Iħeġġeġ l-istabbiliment tal-Kummissjoni Indipendenti tal-Pulizija dwar l-Ilmenti u l-Imġiba Ħażina (IPCMC), kif rakkomandat mill-Kummissjoni ta' Inkjesta tal-Pulizija fl-2005, biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' tortura u mwiet fil-kustodja tal-pulizija;

7.  Jissottolinja l-importanza ta' investigazzjonijiet indipendenti u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet ta' abbuż mill-pożizzjoni, u ta' kooperazzjoni sħiħa mal-investigaturi; iħeġġeġ lill-Gvern Malasjan ma jibqax jagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni Malasjana Kontra l-Korruzzjoni u fuq il-media;

8.  Jiddeplora bil-qawwa l-fatt li l-gruppi suprematisti qed jikbru, billi dawn jikkontribwixxu aktar għall-ħolqien ta' tensjonijiet etniċi;

9.  Jinkoraġġixxi lill-Gvern Malasjan jibda djalogu mal-partiti tal-oppożizzjoni u l-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili;

10.  Jistieden lill-Gvern Malasjan jirratifika konvenzjonijiet internazzjonali fundamentali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-ICCPR, l-ICESCR, is-CAT, l-ICERD, il-Konvenzjoni 169 tal-ILO, l-Istatut ta' Ruma tal-ICC, kif ukoll il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1951 u l-protokoll fakultattiv tiegħu;

11.  Jitlob lill-Gvern Malasjan jestendi stedina permanenti għall-Proċeduri Speċjali kollha tan-NU, biex b'hekk ir-rapporteurs speċjali jkunu jistgħu jżuru l-Malasja mingħajr ma jitolbu stedina;

12.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-piena tal-mewt hija tip ta' trattament krudili, inuman u degradanti, u jistieden lill-Malasja ddaħħal moratorju bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt għar-reati kollha u tbiddel is-sentenzi tal-mewt kollha f'sentenzi ta' ħabs;

13.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkoordinaw il-politiki dwar il-Malasja, b'konformità mal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex iħeġġu riforma dwar il-kwistjonijiet ta' tħassib imsemmija hawn fuq bil-mezzi kollha possibbli, anke fil-kuntest tan-NU fejn il-Malasja hija membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà fl-2015-2016;

14.  Iħeġġeġ lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Malasja żżid l-isforzi biex jiġu ffinanzjati proġetti dwar il-libertà tal-espressjoni u r-riforma ta' liġijiet repressivi, u tuża l-għodod xierqa kollha, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex tipproteġi lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ l-irtirar tal-liġi kontra s-sodomija u jistieden lis-SEAE biex, b'konformità mal-linji gwida tal-UE dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI, iżid il-ħidma tiegħu dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI fil-Malasja li jaffaċċjaw il-vjolenza u l-persekuzzjoni, u biex b'mod partikolari jaħdem għad-dekriminalizzazzjoni tal-omosesswalità u t-transġeneriżmu;

15.  Jafferma mill-ġdid l-importanza tad-djalogu politiku UE-ASEAN dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala għodda utli biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki u biex jiġu promossi attivitajiet ta' bini tal-kapaċitajiet;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem jitqies kif xieraq waqt negozjati futuri dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles u Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Malasja;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvern u lill-parlament tal-Malasja, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0022.

Avviż legali - Politika tal-privatezza