MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA b'appoġġ għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja
19.1.2016 - (2015/3033(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B8-0041/2016)
ECR (B8-0042/2016)
ALDE (B8-0053/2016)
Verts/ALE (B8-0054/2016)
GUE/NGL (B8-0055/2016)
S&D (B8-0061/2016)
EFDD (B8-0062/2016)
Luis de Grandes Pascual, Antonio Tajani, Francisco José Millán Mon, Davor Ivo Stier, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Cristian Dan Preda, Gabriel Mato f'isem il-Grupp PPE
Ramón Jáuregui Atondo, José Blanco López, Nicola Danti, Monika Flašíková Beňová, Karoline Graswander-Hainz, Enrique Guerrero Salom, Richard Howitt, Jude Kirton-Darling, Javi López, Marlene Mizzi, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Carlos Zorrinho, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Simona Bonafè, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Miriam Dalli, Jonás Fernández, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Neena Gill, Michela Giuffrida, Ana Gomes, Sergio Gutiérrez Prieto, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Miroslav Poche, Renato Soru, Tibor Szanyi f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Izaskun Bilbao Barandica, Nedzhmi Ali, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, José Inácio Faria, Fredrick Federley, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Johannes Cornelis van Baalen f'isem il-Grupp ALDE
Javier Couso Permuy, Tania González Peñas, Paloma López Bermejo, Marie-Christine Vergiat, Sofia Sakorafa, Patrick Le Hyaric, Marina Albiol Guzmán, Lidia Senra Rodríguez f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ernest Urtasun, Barbara Lochbihler, Molly Scott Cato, Jordi Sebastià, Josep-Maria Terricabras, Bodil Valero f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew b'appoġġ għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu favur il-paċi u d-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja,
– wara li kkunsidra l-konnessjonijiet speċjali li jorbtu lill-UE mal-Kolombja, u partikolarment il-Ftehim Kummerċjali Plurilaterali bejn il-Kolombja u l-Perù, u l-UE u l-Istati Membri tagħha, li ġie ffirmat fi Brussell fis-26 ta’ Lulju 2012, kif ukoll il-ftehim ta' eżenzjoni mill-viża bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja, iffirmat fit-2 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra l-punt 44 tal-Messaġġ tad-Delegazzjoni tal-PE għall-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana (EuroLat) lit-Tieni Summit CELAC-UE ta' Brussell dwar it-tmiem tal-kunflitt intern bejn il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC, u d-Dikjarazzjoni ta' Brussell adottata fi tmiem it-Tieni Summit UE-CELAC, fil-11 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Federica Mogherini, dwar il-Ftehim ta' Ġustizzja Tranżizzjonali fil-Kolombja, tal-24 ta' Settembru 2015, kif ukoll id-Dikjarazzjoni tagħha tal-1 ta' Ottubru 2015, dwar il-ħatra tas-Sur Eamon Gilmore bħala Mibgħut Speċjali tal-Unjoni għall-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE u l-Kolombja għandhom qafas ta’ kooperazzjoni politika, ekonomika u kummerċjali stabbilit fil-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Novembru 2009 u fil-Ftehim Kummerċjali Plurilaterali bejn il-Kolombja u l-Perù, u l-UE u l-Istati Membri tagħha, li l-ambizzjoni aħħarija tiegħu hi mhux biss li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn il-partijiet, iżda wkoll li jsaħħaħ il-paċi, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u l-benessri taċ-ċittadini;
B. billi din ir-relazzjoni mill-qrib testendi għal oqsma ta’ kollaborazzjoni internazzjonali Plurilaterali dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku bħall-ġlieda favur il-paċi u kontra t-terroriżmu u t-traffikar tad-drogi;
C. billi l-kunflitt armat intern fil-Kolombja ilu għaddej aktar minn ħamsin sena, u kkawża tbatija kbira lill-popolazzjoni, kemm minħabba atti terroristiċi kif ukoll atti min-naħa tal-gruppi paramilitari, u wassal fost l-oħrajn għal qtil, għajbien furzat, ħtif, vjolenza sesswali, abbuż kontra t-tfal, spustar intern u estern tal-popolazzjoni, u splużjonijiet ta' mini kontra l-persunal;
D. billi l-Mejda ta' Konverżazzjonijiet bejn il-Gvern tal-Kolombja u l-Forzi Armati Revoluzzjonarji tal-Kolombja (FARC) ġiet stabbilita f'Havana (Kuba) fid-19 ta' Novembru 2012, wara l-iffirmar tad-dokument "Ftehim Ġenerali biex jintemm il-kunflitt u tinbena paċi stabbli u dejjiema" tas-26 ta' Awwissu 2012, li jwettaq ix-xewqa tal-poplu tal-Kolombja li jgħix fil-paċi, u jirrikonoxxi li l-Istat għandu d-dmir li jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem fit-territorju kollu tiegħu u li l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ekwu hu garanzija tal-paċi u kundizzjoni neċessarja għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli tal-pajjiż;
E. billi f'fażijiet differenti n-negozjaturi f'Havana laħqu ftehimiet dwar kampanja ġdida għall-Kolombja u riforma rurali integrali, parteċipazzjoni politika u ftuħ demokratiku għall-bini tal-paċi, u soluzzjoni għall-problema tad-drogi illegali;
F. billi fit-23 ta’ Settembru 2015 il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC ħabbru l-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-ħolqien ta’ Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi skont id-Dritt Internazzjonali li għandha tissodisfa d-drittijiet tal-vittmi u tgħin biex tinħoloq paċi stabbli u dejjiema, u għal dan l-għan il-partijiet qablu li jniedu Sistema Integrali ta' Verità, Ġustizzja, Riparazzjoni u Nonripetizzjoni, li tkun tinkludi l-ħolqien ta' Kummissjoni għat-Tfittxija tal-Verità, il-Konvivenza u n-Nonripetizzjoni, kif ukoll ftehimiet dwar riparazzjoni lill-vittmi;
G. billi fil-15 ta’ Diċembru 2015, il-gvern tal-Kolombja u l-FARC ħabbru l-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-vittmi tal-kunflitt u l-ħolqien tal-istituzzjonijiet previsti fil-ftehim tat-23 ta’ Settembru 2015;
H. billi l-Gvern tal-Kolombja, il-Kamra Leġiżlattiva tiegħu u l-poplu Kolombjan huma sovrani biex jistabbilixxu l-parametri ta' din il-Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi, li l-funzjoni essenzjali tagħha se tkun li ttemm l-impunità, toħroġ il-verità, tiġġudika u tikkastiga lil dawk li wettqu delitti matul il-kunflitt, b'mod partikolari dawk li huma l-aktar gravi u rappreżentattivi, filwaqt li tiżgura nonrepetizzjoni u tikkontribwixxi għar-riparazzjoni tal-vittmi;
I. billi t-tmiem ta' dan il-kunflitt intern, li tul 50 sena kkawża miljuni ta' vittmi, u t-twettiq ta' paċi stabbli u dejjiema fil-Kolombja hi prijorità ewlenija għal dan il-pajjiż, iżda wkoll għall-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali, kif juru d-diversi dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għall-proċess ta' paċi min-naħa ta' ħafna pajjiżi u entitajiet reġjonali u internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea nfisha;
1. Jilqa’ b'sodisfazzjon, u jappoġġa, il-ftehimiet milħuqa s’issa bejn il-gvern tal-Kolombja u l-FARC għall-kisba tal-paċi fil-Kolombja, u jsemmi l-ftehimiet dwar riforma rurali integrali, parteċipazzjoni politika u ftuħ demokratiku għall-bini tal-paċi, is-soluzzjoni tal-problema ta’ drogi illegali u l-ħolqien ta’ Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi, inkluż l-istabbiliment ta’ Kummissjoni għat-Tfittxija tal-Verità, il-Konvivenza u n-Nonrepetizzjoni, kif ukoll l-Unità Speċjali għat-Tfittxija ta' Persuni li Għebu fil-kuntest tal-kunflitt u minħabba fih, u l-Unità ta' Investigazzjoni u ż-Żarmar ta’ Organizzazzjonijiet Kriminali;
2. Jirrikonoxxi l-isforz politiku, ta' realiżmu u perseveranza li wrew il-Gvern tal-Kolombja kif ukoll il-FARC biex iqarrbu l-pożizzjonijiet opposti tagħhom, filwaqt li ħolqu progressivament spazju ta' kompromess li ta lok ta' progress fit-tfittxija għal paċi stabbli u dejjiema u l-promozzjoni ta' ftehim uniku fl-istorja, ftehim li jpoġġi lill-vittmi fil-qalba tiegħu u jistabbilixxi bħala prijorità l-verità, il-ġustizzja mingħajr l-impunità, ir-riparazzjoni ġenwina għad-dannu subit u n-nonripetizzjoni; jirrikonoxxi wkoll ir-rwol importanti tal-assoċjazzjonijiet tal-vittmi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili fit-twettiq ta’ dawn il-ftehimiet;
3. Jappella lill-Armata għal-Liberazzjoni Nazzjonali (ELN) sabiex, mingħajr aktar dewmien, timpenja ruħha b'mod sod u deċiżiv favur il-paċi fil-Kolombja, u tfittex li tibda, mal-Gvern Kolombjan, proċess ta' negozjati parallel li jkun jista' jwassal għal termini simili;
4. Jesprimi x-xewqa tiegħu li n-negozjati jilħqu l-qofol tagħhom mill-aktar fis possibbli biex jimmarkaw it-tmiem definittiv tal-kunflitt u avveniment verament importanti fl-istorja moderna tal-Kolombja, u għal dak l-għan iħeġġeġ lill-partijiet, lill-forzi politiċi kollha tal-Kolombja u lis-soċjetà Kolombjana kollha kemm hi biex jikkontribwixxu pożittivament biex tintemm il-vjolenza;
5. Jiddikjara għal darba oħra li l-vjolenza mhijiex metodu leġittimu tal-ġlieda politika, u jitlob lil min kellu din il-konvinzjoni biex iħaddan id-demokrazija bil-konsegwenzi u l-eżiġenzi kollha tagħha, li l-ewlenija fosthom hi li jċedu l-armi b'mod definittiv u li jiddefendu l-ideat u l-ambizzjonijiet tagħhom permezz ta' regoli demokratiċi u l-Istat tad-Dritt;
6. Jirrikonoxxi r-rwol importanti li żvolġew s'issa Kuba u n-Norveġja bħala pajjiżi garanti u ċ-Ċilì u l-Venezwela bħala pajjiżi akkumpanjaturi tal-proċess ta' paċi, u japprezza wkoll il-kollaborazzjoni tal-Papa Franġisku f'dan il-kompitu;
7. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2015 min-naħa tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini, li taħtar lis-Sur Eamon Gilmore, ex-Deputat Prim Ministru u ex-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tar-Repubblika tal-Irlanda, bħala Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Proċess ta’ Paċi fil-Kolombja, u jilqa' wkoll ir-rwol ta’ monitoraġġ tal-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fix-xenarju ta’ wara l-ftehimiet ta’ paċi li hu mitlub jiżvolġi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-Kolombja;
8. Itenni d-disponibilità tiegħu li joffri l-assistenza kollha possibbli b'appoġġ għall-implimenzzajoni tal-ftehim definittiv tal-paċi, u jġedded it-talba tiegħu lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex joħolqu fond fiduċjarju biex jakkumpanja l-fażi ta' wara l-kunflitt li fih jistgħu jipparteċipaw il-komunitakjeit u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jqis il-prijoritajiet espressi mill-vittmi fiir-rigward tal-verità, il-ġustizzja, ir-riparazzjoni u l-garanziji ta' nonripetizzjoni;
9. Jissottolinja l-importanza li l-konsolidazzjoni tal-paċi twassal għal sforz determinat fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza u l-faqar, li tinkludi soluzzjonijiet ekwi għall-persuni u għall-komunitajiet spustati mill-artijiet tagħhom, aċċess għal xogħol deċenti u rikonoxximent ta’ drittijiet tax-xogħol u soċjali fil-Kolombja kollha kemm hi, u jikkunsidra li għandu jingħata appoġġ speċjali lil gruppi speċifiċi li ntlaqtu b’mod sproporzjonat mill-kunflitt, bħall-Afrokolombjani u l-persuni indiġeni;
10. Iqis li t-twaqqif ta’ Sottokumitat tal-Ġeneru li jiżgura l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fin-negozjati u l-parteċipazzjoni tal-vittmi ta’ vjolenza sesswali u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fid-djalogi għall-paċi mingħajr preċedent u għandhom inebbħu proċessi ta' paċi oħra madwar id-dinja;
11. Jinnota b'sodisfazzjon l-esklużjoni ta' kwalunkwe amnistija jew maħfra f'każ ta' delitti kontra l-umanità, ġenoċidju, delitti gravi tal-gwerra u ksur tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Dritt Internazzjonali Kriminali u Umanitarju u l-istrumenti u l-istandards internazzjonali applikabbli fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
12. Iqis li hu indispensabbli li l-pieni imposti fuq dawk li wettqu d-delitti jikkontribwixxu għall-għan ta’ riparazzjoni lill-vittmi u r-rikonċiljazzjoni politika u soċjali;
13. Jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-istituzzjonijiet Kolombjani favur garanzija sħiħa u permanenti tad-drittijiet tal-bniedem, u jistedinhom jintensifikaw dawn l-isforzi bil-għan li jeqirdu għalkollox is-subkultura ta' vjolenza f'pajjiż fejn 50 snin ta' kunflitt xi drabi ġġeneraw risponsi extralegali u mġiba kuntrarja għall-Istat tad-Dritt u d-drittijiet tal-bniedem min-naħa ta' ċerti istituzzjonijiet; f'dan is-sens, ifakkar lill-Istat Kolombjan dwar ir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attivisti tal-għaqdiet tal-ħaddiema, u jitlob lil dawn l-organizzazzjonijiet ċiviċi biex jikkollaboraw għar-ristawr ta' konvivenza rikonċiljata fil-Kolombja;
14. Jilqa' pożittivament it-tħabbira min-naħa tal-forzi armati Kolombjani li se tiġi riveduta d-duttrina militari tal-Kolombja bil-għan li l-forzi armati jħejju rwieħhom biex jilqgħu b'mod effettiv u b'ħeffa l-isfidi l-ġodda tal-fażi ta' wara l-kunflitt, filwaqt li jservu ta' garanti tal-ftehimiet ta' paċi; jemmen ukoll li t-tħabbira riċenti mill-FARC li se tissospendi t-taħriġ militari tagħha biex timpenja ruħha f’taħriġ politiku u kulturali bħala parti mill-proċess biex jintemm il-konflitt armat huwa pass fiduċjuż fid-direzzjoni t-tajba;
15. Jitlob lid-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Komunità Andina tiegħu u lid-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana tiegħu biex iwettqu s-segwitu u possibilment l-akkumpanjament tal-ftehimiet ta’ paċi;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza attwali tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lill-Gvern u l-Kungress tar-Repubblika tal-Kolombja.