Proċedura : 2015/3032(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0068/2016

Testi mressqa :

RC-B8-0068/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 21/01/2016 - 8.3
CRE 21/01/2016 - 8.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 472kWORD 127k
20.1.2016
PE575.970v01-00}
PE575.971v01-00}
PE575.979v01-00}
PE575.980v01-00}
PE575.981v01-00} RC1
 
B8-0068/2016}
B8-0069/2016}
B8-0077/2016}
B8-0078/2016}
B8-0079/2016} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B8-0068/2016)

PPE (B8-0069/2016)

ALDE (B8-0077/2016)

ECR (B8-0078/2016)

S&D (B8-0079/2016)


dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna (2015/3032(RSP))


Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Jacek Saryusz-Wolski, Andrej Plenković, Sandra Kalniete, Jerzy Buzek, David McAllister, Michael Gahler, Daniel Caspary, Iuliu Winkler, Andrzej Grzyb, Tunne Kelam, Jaromír Štětina, Alojz Peterle, Davor Ivo Stier, László Tőkés, Jarosław Wałęsa, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Mariya Gabriel, Fernando Ruas, Siegfried Mureşan, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Dariusz Rosati, Andrea Bocskor, Anna Maria Corazza Bildt, Roberta Metsola f'isem il-Grupp PPE
Knut Fleckenstein, Victor Boştinaru, Richard Howitt, David Martin, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Nicola Caputo, Andi Cristea, Nicola Danti, Isabella De Monte, Tanja Fajon, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Sylvie Guillaume, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Miapetra Kumpula-Natri, Javi López, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Norbert Neuser, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Emilian Pavel, Vincent Peillon, Pina Picierno, Tonino Picula, Miroslav Poche, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Siôn Simon, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Claudia Tapardel, Marc Tarabella, István Ujhelyi, Julie Ward, Boris Zala, Kati Piri f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Anna Elżbieta Fotyga, Mark Demesmaeker, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Kosma Złotowski, Kazimierz Michał Ujazdowski, Zdzisław Krasnodębski, Angel Dzhambazki, Edward Czesak f'isem il-Grupp ECR
Petras Auštrevičius, Javier Nart, Marietje Schaake, Johannes Cornelis van Baalen, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Martina Dlabajová, José Inácio Faria, Fredrick Federley, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Kaja Kallas, Ilhan Kyuchyuk, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Norica Nicolai, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ivo Vajgl f'isem il-Grupp ALDE
Heidi Hautala, Rebecca Harms, Peter Eriksson, Ulrike Lunacek, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna (2015/3032(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (AA/DCFTAs) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Georgia, il-Moldova, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, kif ukoll ir-riżoluzzjoni reċenti tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Riga fil-21 u t-22 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapporti ta' progress dwar l-implimentazzjoni mill-Georgia u mill-Ukrajna tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża tat-18 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-integrazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika u fil-proċessi ta' riforma,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna lkoll irratifikaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (AAs), li jħaddnu Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs), biex b'hekk għażlu t-triq ta' integrazzjoni politika u ekonomika eqreb mal-Unjoni Ewropea kif ukoll dik tat-twettiq ta' riformi ambizzjużi f'bosta oqsma, inklużi d-demokrazija, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u d-drittijijet tal-bniedem;

B.  billi l-UE tirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet Ewropej tat-tliet pajjiżi u tenfasizza l-valur miżjud tal-AAs fil-proċessi ta' riforma tagħhom;

C.  billi l-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu fil-qalba tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u jirrappreżentaw impenn fundamentali, b'mod partikolari min-naħa tat-tliet pajjiżi li ffirmaw AAs mal-UE;

D.  billi r-Russja għadha involuta, direttament jew indirettament, f'kunflitti u qasmiet interni li jmissu lil kull wieħed minn dawn it-tliet pajjiżi ta' assoċjazzjoni – it-territorji okkupati tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar / ir-Reġjun ta' Tskhinvali fil-Georgia, il-kwistjoni tat-Transnistrija fil-Moldova, u l-annessjoni Russa tal-Krimea u l-involviment Russu fil-kunflitt fil-partijiet tal-Lvant tal-Ukrajna;

E.  billi l-ivvjaġġar mingħajr viża bejn l-UE u l-Moldova ġie introdott f'April 2014, u billi l-aħħar rapporti tal-Kummissjoni f'Diċembru 2015 jindikaw li l-Georgia u l-Ukrajna issa jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Pjanijiet ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża;

F.  billi l-impenn tal-UE mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant sab reżistenza qawwija u reazzjonijiet aggressivi mill-Federazzjoni Russa, bħal miżuri ta' ritaljazzjoni kontra l-pajjiżi tal-assoċjazzjoni; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha adottaw sensiela ta' sanzjonijiet u miżuri restrittivi kontra l-Federazzjoni Russa u kontra uffiċjali Russi;

1.  Jenfasizza l-importanza tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (AAs), bil-komponenti tagħhom ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA); jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar sal-lum, u jinsisti li l-implimentazzjoni ta' dawn l-AAs/DCFTAs u tal-Aġendi ta' Assoċjazzjoni relatati trid tkun prijorità ewlenija għall-UE u għat-tliet sħab; jenfasizza li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea iffirma l-AAs unanimament;

2.  Jilqa' l-isforzi li għamlu l-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun qrib tal-istandards tal-UE abbażi tal-impenji tal-AA/DCFTA; jirrimarka li s-suċċess f'dan jiddependi fuq ħafna fatturi, fosthom ambjent politiku stabbli, ħsieb strateġiku, pjanijiet konkreti għal riformi, u l-użu tajjeb ta' appoġġ finanzjarju u tekniku internazzjonali;

3.  Jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-assistenza finanzjarja u teknika, impenjata u b'ħafna lati, mogħtija mill-UE u minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra lill-Ukrajna u lill-Georgia, iżda jenfasizza li l-appoġġ finanzjarju tal-UE lis-sħab kollha tagħha huwa kkondizzjonat minn passi konkreti ta' riforma; jenfasizza r-rwol kruċjali l-Kummissjoni għandu jkollha fil-faċilitazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-AAs/DCFTAs u fil-monitoraġġ tal-awtoritajiet rilevanti u fl-assistenza li jingħataw, kemm teknikament kif ukoll finanzjarjament;

4.  Ifakkar li l-fondi li jsiru disponibbli jridu jintefqu sewwa, u li, waħedhom, mhumiex biżżejjed biex jistabbilizzaw l-ekonomija, u lanqas ma jista' jitwettaq kwalunkwe suċċess sostenibbli bla impenn kontinwu mis-sħab biex iġibu 'l quddiem u jimplimentaw riformi strutturali, jiżguraw żieda fid-domanda domestika, u jiksbu l-koeżjoni soċjali;

5.  Jemmen li l-iskrutinju parlamentari huwa kundizzjoni fundamentali għall-appoġġ demokratiku għall-politiki tal-UE; jitlob li l-Kummissjoni, għaldaqstant, tiffaċilita l-monitoraġġ regolari u dettaljat tal-implimentazzjoni tal-AAs/DCFTAs mill-Parlament Ewropew b'mod li jkun f'waqtu; jitlob li l-Assemblea Parlamentari Euronest tingħata spinta ġdida, u li l-attività tagħha tiġi intensifikata, b'tali mod li tkun tista' tiffaċċja sfidi ġodda b'mod effikaċi; jitlob skambju tal-aqwa prattiki u l-konklużjoni ta' memorandum ta' qbil, imfassal fuq dak iffirmat mal-Verkhovna Rada, li jista' jservi bħala eżempju għall-kooperazzjoni parlamentari;

6.  Jenfasizza l-importanza li d-dimensjoni soċjali tas-sħubija tiġi żviluppata, fi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Aġendi ta' Assoċjazzjoni u tal-konvenzjonijiet rilevanti tal-Organizzazjzoni Dinjija tax-Xogħol; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jirrispettaw l-impenji tagħhom dwar standards ċentrali tax-xogħol u tal-ambjent;

7.  Jissottolinja l-appoġġ sod tiegħu għall-integrità territorjali tat-tliet pajjiżi kollha; jistieden lill-Federazzjoni Russa ttemm l-okkupazzjoni tagħha tal-Krimea, u ttemm minnufih kwalunkwe involviment dirett jew indirett fil-kunflitt li għaddej fl-Ukrajna, kif ukoll fil-kunflitti ffriżati fil-Georgia u fil-Moldova; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 2015 li jestendi s-sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-Federazzjoni Russa, wara li l-Ftehimiet ta' Minsk ma twettqux;

8.  Jenfasizza l-fatt li l-pajjiżi tal-assoċjazzjoni għażlu b'mod ħieles li jistabbilixxu relazzjoni iktar profonda mal-UE, u li għażlithom trid tiġi rrispettata bis-sħiħ u tkun ħielsa minn pressjoni minn kwalunkwe parti terza; jikkundanna, f'dan ir-rigward, l-azzjonijiet meħuda mir-Russja biex iddgħajjef jew tfixkel it-triq pro-Ewropea li mexjin fiha t-tliet pajjiżi ta' assoċjazzjoni, u jitlob li jiġu intensifikati l-isforzi kontra d-diżinformazzjoni u li tittejjeb il-komunikazzjoni strateġika tal-politiki u l-attivitajiet tal-UE fil-Viċinat tal-Lvant, flimkien mal-attivitajiet imwettqa mit-Task Force East StratCom tal-UE;

9.  Jilqa' bil-qawwa l-aħħar rapporti ta' progress, ippubblikati mill-Kummissjoni fit-18 ta' Diċembru 2015, dwar l-implimentazzjoni mill-Ġeorġja u l-Ukrajna tal-Pjanijiet ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża rispettivi tagħhom; jistenna li l-Kunsill u l-Istati Membri jipproċedu biex jagħtu liż-żewġ pajjiżi reġim ta' vjaġġar mingħajr viża, u dan bla dewmien; ifaħħar lill-Moldova għall-implimentazzjoni tajba tar-reġim mingħajr viża li ilu implimentat minn April 2014, li jirrappreżenta eżempju tajjeb għar-reġjun kollu;

10.  Jissottolinja l-fatt li l-għanijiet prinċipali tad-DCFTAs huma, fuq skala mikro, li jwettqu titjib tanġibbli u sostenibbli fil-kundizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini ordinarji, billi jiżguraw l-istabbiltà, joħolqu opportunitajiet għall-SMEs u jiġġeneraw l-impjiegi; jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni tad-DCFTA, flimkien mas-sitwazzjoni ekonomika pessma, jista' jkollha impatt fuq l-ekonomija u fuq is-suq tax-xogħol tal-Ukrajna, b'konsegwenzi soċjali li jeħtieġ li ma jiġux ittraskurati; jenfasizza li t-twaqqif ta' DCFTAs bilaterali mal-Ukrajna, mal-Georgia u mal-Moldova huwa strument kruċjali għal kummerċ modern, trasparenti u prevedibbli, għall-approssimazzjoni regolatorja u għall-integrazzjoni ekonomika gradwali tas-sħab fis-suq intern tal-UE, kif ukoll għal investimenti diretti barranin li jwasslu għall-ħolqien tal-impjiegi u għal tkabbir fit-tul, u dan bil-għan aħħari li tinħoloq żona ekonomika usa' bbażata fuq ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u fuq ir-rispett tal-għażliet sovrani;

11.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-aġenda tar-riforma titwettaq b'mod vigoruż, speċjalment fl-oqsma tal-ġudikatura, tal-istat tad-dritt u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, bħala prerekweżit importanti għall-iżvilupp soċjoekonomiku tat-tliet pajjiżi ta' assoċjazzjoni;

12.  Itenni l-importanza tal-integrazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politiki u fil-proċessi ta' riforma; jenfasizza r-rwol li jista' jkolhom f'dan il-proċess il-Pjattaformi tas-Soċjetà Ċivili previsti fl-AAs rigward, b'mod partikolari, is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet; jirrimarka li huwa importanti li l-benefiċċji tal-implimentazzjoni tal-AAs/DCFTAs jiġu spjegati lill-popolazzjonijiet tal-pajjiżi ta' assoċjazzjoni, u li kull mit jinkixef u jitwaqqa';

13.  Jenfasizza l-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-AAs/DCFTAs dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija għas-sigurtà tal-provvista u għall-iżvilupp ta' swieq tal-enerġija kompetittivi, trasparenti u nondiskriminatorji bi qbil mar-regoli u mal-istandards tal-UE, kif ukoll għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika; jappoġġja l-intenzjoni tal-UE li ssaħħaħ l-integrazzjoni sħiħa tas-suq tal-enerġija mal-Moldova, mal-Ukrajna u mal-Georgia permezz tal-Komunità tal-Enerġija;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, minkejja x-xejriet ekonomiċi negattivi fir-reġjun, l-esportazzjonijiet mill-Georgia u mill-Moldova lejn l-UE kibru fl-ewwel 12-il xahar tal-implimentazzjoni tad-DCFTA, b'tali mod li l-importazzjonijiet fl-UE mill-Georgia żdiedu bi 15 % u s-sehem totali tagħha fl-esportazzjonijiet tal-Moldova żdied bi 62 %, u jistenna li fl-Ukrajna jkun hemm l-istess xejriet pożittivi; jitlob li l-Kummissjoni tirrapporta kull sena, fid-dettall, dwar l-implimentazzjoni tad-DCFTAs mal-Georgia, mal-Moldova u mal-Ukrajna, b'mod partikolari dwar il-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni għall-Georgia u dwar il-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni u l-klawżola ta' salvagwardja fil-każ tal-Moldova;

15.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kull stat Ewropew jista' japplika biex isir membru tal-UE, dment li jaderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, jirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittjiet tal-bniedem u tal-minoranzi, u jiżgura l-istat tad-dritt;

16.  Huwa sodisfatt bil-parteċipazzjoni, jew l-assoċjazzjoni, tat-tliet pajjiżi fi programmi tal-UE, bħall-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME), Orizzont 2020, Erasmus +, Marie Sklodowska Curie, u Ewropa Kreattiva; jinnota li din il-kooperazzjoni, filwaqt li hija ta' benefiċċju reċiproku, lill-pajjiżi sħab tagħtihom l-opportunità li jsiru midħla tal-metodi ta' ħidma u tal-politiki tal-UE;

17.  Jilqa' b'sodisafzzjon il-fokus il-ġdid tal-PEV riveduta, kif ukoll l-intenzjoni tal-UE li tintensifika l-kooperazzjoni ma' sħabna fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-kunflitti, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, tal-antiradikalizzazzjoni, u tar-riforma tas-settur tas-sigurtà; iqis li din il-kooperazzjoni jeħtieġ li tkun sostanzjali u mmirata lejn l-indirizzar ta' theddidiet komuni għas-sigurtà u lejn l-iżvilupp ta' sforzi konġunti għas-soluzzjoni vijabbli tal-kunflitti, inkluż permezz ta' parteċipazzjoni msaħħa f'missjonijiet u f'attivitajiet ta' taħriġ tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) kif ukoll f'azzjonijiet intiżi biex jiżguraw in-nonproliferazzjoni ta' armi tal-qerda tal-massa u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW); itenni l-appoġġ tiegħu għall-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Moldova u l-Ukrajna (EUBAM), għall-Missjoni ta' Konsulenza tal-UE għal Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine), u għall-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE fil-Georgia (EUMM), kif ukoll għall-isforzi favur ir-riżoluzzjoni paċifika ta' kunflitti li jaffettwaw lit-tliet pajjiżi;

 

Il-Georgia

18.  Jilqa' l-progress li l-Georgia għamlet matul dawn l-aħħar tliet snin fl-oqsma kollha koperti mill-erba' moduli tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża, u jfaħħar l-impenn li ntewra f'dan ir-rigward mill-awtoritajiet Georgjani;

19.  Jenfasizza li l-libertà tal-midja, il-libertà tal-espressjoni u l-pluralità tal-informazzjoni huma l-valuri fundamentali ta' soċjetà demokratika; jinsab imħasseb dwar l-effetti negattivi fuq il-pluralità tal-midja li jħallu każijiet bħal dak tal-kumpanija tax-xandir Rustavi 2; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Georgjani jiggarantixxu l-pluraliżmu tal-midja, l-indipendenza editorjali u sjieda trasparenti tal-midja, b'mod speċjali lejlet l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016; japprova l-idea mressqa mill-awtoritajiet Georgjani li jibagħtu missjoni esperta ta' konsulenti ta' livell għoli, li tinkludi imħallfin irtirati tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, biex jissorveljaw il-każ li għaddej dwar Rustavi 2;

20.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-proċedimenti ġudizzjarji għandhom ikunu trasparenti, imparzjali u ħielsa mill-motivazzjoni politika; jistieden lill-Georgia tkompli r-riforma tal-ġudikatura u timplimentaha bis-sħiħ, inkluż billi ssaħħaħ l-indipendenza tagħha u tiddepolitiċizza l-Uffiċċju tal-Prosekutur; jibqa' mħasseb dwar in-nuqqas ta' obbligu ta' rendikont tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-kriterji vagi li jirregolaw il-ħatra tal-prosekuturi u l-investigaturi; jappella biex ikomplu jsiru sforzi favur l-indipendenza sħiħa, l-effiċjenza, l-imparzjalità u l-professjonaliżmu fil-ġudikatura, fl-Uffiċċju tal-Prosekutur, fil-Ministeru tal-Intern, kif ukoll fis-Servizz tas-Sigurtà li għadu kif ġie stabbilit, inkluż permezz ta' skrutinju parlamentari tal-attivitajiet tal-aħħar tnejn imsemmija; jinsab imħasseb dwar l-użu estensiv tad-detenzjoni ta' qabel il-proċess, b'mod speċjali tal-figuri politiċi u tal-attivisti, meta din għandha tkun miżura eċċezzjonali li tiġi applikata biss f'ċirkustanzi urġenti u ċari;

21.  Ifakkar fid-dikjarazzjoni tat-22 ta' Settembru 2015 tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa dwar pressjoni barra minn lokha eżerċitata fuq l-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Georgia, u jistieden lill-gvern tal-Georgia jieħu l-azzjoni xierqa, inklużi miżuri adegwati li jipproteġu l-membri tal-qorti u l-familji tagħhom, jinvestiga bis-sħiħ l-atti kollha ta' intimidazzjoni u jagħmel mod li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

22.  Jissottolinja l-fatt li l-eżistenza ta' oppożizzjoni politika hija kruċjali għal sistema politika bilanċjata u matura, u jenfasizza li kwalunkwe att ta' vjolenza kontra membri ta' kwalunkwe partit politiku għandu jiġi investigat fil-pront u bir-reqqa; jistieden lill-forzi politiċi kollha fil-Georgia jtejbu l-klima politika billi jevitaw il-konfrontazzjoni u l-polarizzazzjoni u jiżguraw djalogu bejn il-partiti fl-interess tat-tisħiħ tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

23.  Jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet imniżżla fir-rapport fundamentali "Georgia in Transition" (Il-Georgia fi Tranżizzjoni) ippreżentat minn Thomas Hammarberg, il-Konsulent Speċjali tal-UE dwar riformi kostituzzjonali u legali u d-drittijiet tal-bniedem;

24.  Jifraħ lill-Georgia għas-sistema innovattiva tagħha ta' akkwist pubbliku elettroniku, li żiedet b'mod sostanzjali t-trasparenza, l-effiċjenza u l-obbligu ta' rendikont – li huma fatturi ewlenin għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

Il-Moldova

25.  Jesprimi tħassib serju dwar l-instabbiltà politika sistemika de facto li effettivament kompliet għaddejja mill-aħħar elezzjonijiet parlamentari tat-30 ta' Novembru 2014 'l hawn, u jqis li l-imblokk politiku attwali fil-Moldova laħaq punt kritiku tant li hemm riskju li dan jiddestabbilizza l-istituzzjonijiet tal-pajjiż u jagħmel ħsara lill-ekonomija, b'impatt qawwi fuq l-influss tal-investiment dirett barrani (IDB);

26.  Iħeġġeġ lill-forzi politiċi fil-Moldova jħaffu l-pass tan-negozjati li għaddejjin u jiffurmaw koalizzjoni governanti li tista' tmexxi 'l quddiem bla dewmien il-proċess ta' riforma għall ġid tal-Moldovani kollha, inkluż sabiex il-Moldova tkun konformi mat-talbiet tal-Bank Dinji u tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI); jinnota t-tentattivi mingħajr suċċess biex jiġi ffurmat gvern ġdid fl-4 u fit-13 ta' Jannar 2016; jitlob lill-partiti Moldovani jirrikonoxxu l-konsegwenzi ġeopolitiċi terribbli jekk l-isforzi tagħhom biex jiffurmaw gvern ġdid ifallu sal-iskadenza tad-29 ta’ Jannar 2016, kif stabbilit bid-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, u jinnota l-aħħar żviluppi, li hemm probabbiltà tajba li jwasslu għall-ħolqien ta' gvern ġdid;

27.  Jissottolinja li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fil-ħolqien ta' ġudikatura indipendenti u depolitiċizzata, fit-tneħħija tal-manipulazzjoni tal-istat għal interessi privati u fl-istabbilizzazzjoni tal-ekonomija tal-Moldova; jiddispjaċih dwar il-fatt li, minħabba l-instabbiltà politika tal-istituzzjonijet tal-Moldova u l-inabbiltà tagħhom li jwettqu dak li hu mistenni minnhom, il-pagamenti ta' appoġġ baġitarju tal-UE ġew sospiżi fl-2015;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jestendu l-kompetenza teknika kollha meħtieġa u l-appoġġ finanzjarju lill-Gvern futur tal-Moldova, fuq l-eżempju tal-Grupp ta' Appoġġ tal-UE għall-Ukrajna, inkluż billi jissekondaw uffiċjali u esperti minn Brussell u mill-bliet kapitali ta' Stati Membri biex jiġu inkorporati fl-amministrazzjoni Moldovana sabiex ikunu jistgħu jgħinu u jissorveljaw l-implimentazzjoni ta' riformi fil-post u fuq bażi ta' kuljum;

29.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinvestigaw bis-sħiħ u bir-reqqa l-iskandlu ta' korruzzjoni u s-serq ta' EUR 1 biljun mis-sistema bankarja, iressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja u jiżguraw li l-fondi misruqa jintraddu; iqis li l-kriżi bankarja li għaddejja bħalissa turi l-ħtieġa serja ta' titjib sistematiku fil-qafas legali sabiex jissaħħu l-kontroll u t-trasparenza tal-attivitajiet tas-settur bankarju; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-investigazzjonijiet ġudizzjarji li għaddejjin u tipprovdi lill-awtoritajiet Moldovani l-għarfien espert u l-assistenza meħtieġa biex iwettqu u jtemmu l-inkjesta jekk ikun hemm bżonn;

30.  Jappella għal riforma komprensiva tas-settur tal-midja u għal trasparenza sħiħa tas-sjieda tal-midja; jesprimi t-tħassib, f'dan ir-rigward, dwar in-nuqqas ta' kompetizzjoni ġenwina u jappella għall-adozzjoni ta' liġi rigoruża dwar il-kunflitti ta' interess;

L-Ukrajna

31.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2016 tad-DCFTA bejn l-UE u l-Ukrajna; jikkundanna, madankollu, il-fatt li l-Federazzjoni Russa b'mod unilaterali ssospendiet il-ftehim ta' kummerċ ħieles tagħha mal-Ukrajna, introduċiet restrizzjonijiet kummerċjali ħarxa fuq l-esportazzjonijiet tal-Ukrajna lejn ir-Russja u qiegħda xxekkel it-trasport tal-merkanzija lejn pajjiżi terzi, fi ksur ta' ftehimiet tad-WTO u ftehimiet bilaterali oħra ta' kummerċ; iħeġġeġ lill-UE tappoġġa lill-Ukrajna f'tilwim attwali u futuri mar-Russja fil-qafas tad-WTO billi tintervjeni bħala parti terza;

32.  Jenfasizza l-ftuħ bla preċedent u l-isforzi tal-Kummissjoni ta' iktar minn sena u nofs biex tindirizza kull dubju fuq in-naħa Russa dwar il-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tad-DCFTA u biex jinstabu soluzzjonijiet prattiċi; jiddispjaċih li n-naħa Russa ma setgħetx tagħti eżempji konkreti dwar kif is-suq u l-kummerċ tagħha kienu se jiġu affettwati bid-dħul fis-seħħ tad-DCFTA; itenni l-benefiċċji potenzjali għar-Russja li għandhom jirrizultaw mill-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA, permezz ta' żieda fl-attivitajiet kummerċjali u ekonomiċi u viċinat iktar stabbli; jappella, f'dan ir-rigward, li jiġu esplorati possibbiltajiet ulterjuri għal djalogu ta' livell għoli;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-missjoni tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) bil-persunal kollu meħtieġ biex tiffunzjona u jżommuha kompletament operattiva; jinnota l-appelli min-naħa tal-Gvern Ukren għal forza internazzjonali għaż-żamma tal-paċi estiża tul il-fruntiera bejn l-Ukrajna u r-Russja u fid-distretti ta' Luhansk u Donetsk; jaqbel li, meta s-sitwazzjoni tkun tippermetti u bħala parti mill-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Minsk, għandha tiġi offruta missjoni tal-PSDK immexxija mill-UE biex tintbagħat lill-partijiet fil-kunflitt, biex tgħin f'kompiti bħat-tneħħija tal-mini, tgħin fit-tħejjijiet għall-elezzjonijiet lokali u tiżgura l-aċċess liberu għall-organizzazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja;

34.  Jesprimi tħassib serju dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Minsk sal-iskadenza inizjalment maqbula tal-31 ta' Diċembru 2015; ifakkar li l-awtoritajiet Russi għandhom responsabbiltà partikolari f'dan ir-rigward; itenni li każijijet ta' ksur tal-waqfien mill-ġlied ilhom jiżdiedu minn nofs Ottubru, li persunal ta' sorveljanza tal-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ (SMM) tal-OSCE għadhom iħabbtu wiċċhom ma' restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment tagħhom, li l-Ukrajna għadha ma reġgħetx ħadet lura l-kontroll fuq il-fruntiera kollha tagħha mar-Russja, li ma ntlaħaq ebda qbil dwar il-modalitajiet tal-elezzjonijiet lokali fit-territorji temporanjament okkupati ta' Luhansk u Donetsk, u li għadhom ma nħelsux il-priġunieri kollha u persuni oħra miżmuma b'mod illegali, bħal Nadiya Savchenko u Oleg Sentsov;

35.  Jilqa' l-ħruġ tar-rapport mill-Bord tas-Sikurezza Netherlandiż dwar it-twaqqigħ tat-Titjira 17 tal-Malaysia Airlines (MH 17), fejn inqatlu 298 persuna ċivili innoċenti; jappoġġja l-istabbiliment ta' Tribunal Kriminali Internazzjonali, u jistieden lill-Federazzjoni Russa tikkoopera bis-sħiħ mal-komunità internazzjonali biex titwettaq investigazzjoni kriminali komprensiva u imparzjali, u biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja; jiddeplora d-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa li timblokka r-riżoluzzjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-ħolqien ta' qorti internazzjonali għall-investigazzjoni ta' dan id-delitt;

36.  Jiddeplora l-fatt li l-aggressjoni Russa li għadha għaddejja ħolqot sitwazzjoni umanitarja mwiegħra f'Donbas u li organizzazzjonijiet umanitarji Ukreni u internazzjonali mhumiex qed jingħataw aċċess għar-reġjuni okkupati; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-kundizzjonijiet umanitarji li huma ta' sfida għal aktar minn 1,5 miljun persuna spustata internament; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea okkupata mir-Russja, b'mod speċjali s-sitwazzjoni mwiegħra tat-Tatari tal-Krimea, u jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tagħti aktar assistenza finanzjarja lill-Ukrajna;

37.  Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-awtoritajiet Ukreni biex jissodisfaw il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża, u jifirħilhom għar-rapport finali ta' progress pożittiv dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan; jesprimi sodisfazzjon dwar l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni u ta' politiki ġodda li saħħew il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni; jistenna li t-tmexxija Ukrena tissodisfa l-impenji tagħha kontra l-korruzzjoni fl-ewwel tliet xhur tal-2016;

38.  Jenfasizza li l-korruzzjoni endemika hija l-akbar sfida unika għall-isforzi ta' riforma; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjonijiet meħuda s'issa, bħal-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni, l-istabbiliment ta' istituzzjonijiet (l-Uffiċċju Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni, l-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni, u l-prosekutur speċjali kontra l-korruzzjoni) u mekkaniżmi, u l-Aġenzija Nazzjonali għall-Irkupru ta' Rikavati mill-Korruzzjoni; jilqa', barra minn hekk, l-adozzjoni reċenti tal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi, li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016, u tal-liġi dwar l-akkwist pubbliku;

39.  Jesprimi l-fehma tiegħu li s-sitwazzjoni ta' gwerra fil-Lvant tal-Ukrajna hija impediment serju għal dan l-isforz ta' riforma; jagħmilha ċara, madankollu, li s-suċċess u r-reżiljenza tal-Ukrajna fil-konfront ta' kwalunkwe għadu estern jiddependu strettament fuq is-saħħa tal-ekonomija u tal-qafas legali tagħha, fuq demokrazija ħajja u prosperità dejjem akbar;

40.  Jilqa' l-proċess ta' riforma kostituzzjonali li għaddej bħalissa fl-oqsma ta' deċentralizzazzjoni u tal-ġudikatura; ifakkar li l-Kummissjoni ta' Venezja ħarġet rakkomandazzjonijiet pożittivi dwar iż-żewġ settijiet ta' emendi kostituzzjonali; jissottolinja l-ħtieġa li jsir aktar progress f'dawk l-oqsma kif ukoll f'oħrajn, b'mod speċjali fl-ekonomija, fejn ir-regolamentazzjoni aħjar u d-demonopolizzazzjoni għandhom jibqgħu ta' prijorità, flimkien mar-riformi fiskali, biex tissaħħaħ it-trasparenza u tinħoloq klima favorevoli għall-investiment; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-qagħda tal-ekonomija Ukrena u s-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tal-pajjiż; jieħu nota tal-progress moderat irrappurtat dwar l-istabbilizzazzjoni tal-prestazzjoni ekonomika; ifaħħar il-ftehim storiku ta' tnaqqis tad-dejn li l-Ukrajna laħqet mal-kredituri tagħha f'Settembru 2015; ifakkar li l-komunità internazzjonali, b'mod partikulari l-UE, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bbażati fl-Ewropa, l-FMI u pajjiżi donaturi individwali, wiegħdu ammont bla preċedent ta' madwar EUR 20 biljun;

41.  Jilqa' l-appoġġ attiv u s-solidarjetà tal-UE fil-qasam tal-enerġija, li ppermettew li terġa' tibda l-kunsinna tal-gass Russu lejn l-Ukrajna għax-xitwa 2015-2016; jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal ta' tranżitu tal-Ukrajna u jsaħħu l-kooperazzjoni sabiex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija kemm lill-UE kif ukoll lill-Ukrajna, u jiġi evitat il-bini ta' pipelines ġodda li jevitaw lill-Ukrajna, b'mod partikolari l-iżvilupp tal-proġett Nord Stream II għall-kunsinna tal-gass Russu lejn l-Ewropa, li jista' jkun ta' detriment għall-istrateġija tal-UE għad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u għad-dritt tal-UE; jappoġġja l-intenzjoni tal-UE li ssaħħaħ l-integrazzjoni sħiħa tas-suq tal-enerġija mal-Ukrajna permezz tal-Komunità tal-Enerġija u li tnaqqas id-dipendenza fl-enerġija, bla ma timponi piż żejjed fuq djar privati; jistieden lill-UE u lill-Gvern Ukren ifasslu miżuri biex jilqgħu kontra l-għawġ soċjali;

42.  Japprezza l-ħidma effikaċi u dinamika tal-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna li qiegħed jissorvelja s-sitwazzjoni politika, ta' sigurtà u ekonomika fl-Ukrajna, kif ukoll l-impenn u l-appoġġ tiegħu biex jittejbu l-proċessi ġenerali ta' riforma orjentati lejn l-UE li qegħdin iwettqu l-awtoritajiet Ukreni; ifakkar fil-Memorandum ta' Fehim iffirmat mill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna u mill-Parlament Ewropew fl-2015, li jistabbilixxi qafas konġunt ta' appoġġ parlamentari u ta' bini ta’ kapaċitajiet bejn iż-żewġ parlamenti;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-soċjetà ċivili Ukrena tissaħħaħ sabiex tkun tista' tipprovdi konsulenza u appoġġ lill-awtoritajiet fit-twettiq tar-riformi mwiegħda u taġixxi bħala għassies u whistleblower effikaċi; jilqa' l-kooperazzjoni effikaċi bejn il-komunità esperta u l-Verkhovna Rada fil-proċess ta' riforma u fl-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA; ifaħħar il-fatt li l-prijoritajiet tal-Verkhovna Rada huma kkaratterizzati minn djalogu komprensiv mas-soċjetà ċivili;

44.  Jesprimi tħassib serju dwar il-kuntest tar-referendum konsultattiv Netherlandiż li ġej dwar l-AA/DCFTA bejn l-UE u l-Ukrajna; jittama li d-deċiżjoni tal-poplu Netherlandiż se tittieħed fuq il-bażi tal-merti tal-ftehim, fir-rikonoxximent tal-effetti tanġibbli fuq l-UE u fuq in-Netherlands b'mod partikolari;

o

o  o

 

45.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Federazzjoni Russa, lill-Assemblea Parlamentari Euronest, u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0272.

Avviż legali - Politika tal-privatezza