Proċedura : 2016/2521(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0083/2016

Testi mressqa :

RC-B8-0083/2016

Dibattiti :

PV 21/01/2016 - 12.3
CRE 21/01/2016 - 12.3

Votazzjonijiet :

PV 21/01/2016 - 14.3
CRE 21/01/2016 - 14.3

Testi adottati :

P8_TA(2016)0024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 446kWORD 102k
20.1.2016
PE575.985v01-00}
PE575.990v01-00}
PE575.991v01-00}
PE575.994v01-00}
PE575.996v01-00}
PE576.000v01-00} RC1
 
B8-0083/2016}
B8-0088/2016}
B8-0089/2016}
B8-0092/2016}
B8-0094/2016}
B8-0098/2016} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B8-0083/2016)

EFDD (B8-0088/2016)

ECR (B8-0089/2016)

PPE (B8-0092/2016)

ALDE (B8-0094/2016)

S&D (B8-0098/2016)


dwar il-Korea ta’ Fuq (2016/2521(RSP))


Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Davor Ivo Stier, Andrej Plenković, Lara Comi, Tunne Kelam, Patricija Šulin, Jarosław Wałęsa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Eduard Kukan, Brian Hayes, Bogdan Brunon Wenta, Thomas Mann, Csaba Sógor, Claude Rolin, Andrey Kovatchev, Eva Paunova, Milan Zver, Ildikó Gáll-Pelcz, Pavel Svoboda, Ivan Štefanec, Michaela Šojdrová, Tomáš Zdechovský, Sven Schulze, Jaromír Štětina, Andrey Novakov, Lefteris Christoforou, József Nagy, Dubravka Šuica, Marijana Petir, Anna Záborská, Roberta Metsola, Joachim Zeller, Luděk Niedermayer, Paul Rübig, Kinga Gál, David McAllister, Ivana Maletić, László Tőkés, Elisabetta Gardini, Romana Tomc, Inese Vaidere f'isem il-Grupp PPE
Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Victor Boştinaru, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Isabella De Monte, Monika Flašíková Beňová, Knut Fleckenstein, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Michela Giuffrida, Ana Gomes, Sylvie Guillaume, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Miapetra Kumpula-Natri, Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Costas Mavrides, Marlene Mizzi, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Momchil Nekov, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Pina Picierno, Tonino Picula, Miroslav Poche, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Siôn Simon, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Julie Ward, Josef Weidenholzer, Flavio Zanonato, Damiano Zoffoli f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Raffaele Fitto, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Karol Karski, Angel Dzhambazki, Jana Žitňanská, Branislav Škripek, Monica Macovei f'isem il-Grupp ECR
Hilde Vautmans, Marielle de Sarnez, Urmas Paet, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Petras Auštrevičius, Dita Charanzová, Pavel Telička, Ilhan Kyuchyuk, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová, José Inácio Faria, Fredrick Federley, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Kaja Kallas, Louis Michel, Javier Nart, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Johannes Cornelis van Baalen, Paavo Väyrynen, Valentinas Mazuronis, Norica Nicolai, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic f'isem il-Grupp ALDE
Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Igor Šoltes, Bodil Valero, Davor Škrlec, Ernest Urtasun, Heidi Hautala f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Marco Zanni f'isem il-Grupp EFDD
Helmut Scholz

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Korea ta’ Fuq (2016/2521(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Korea ta' Fuq,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, Federica Mogherini, tas-6 ta' Jannar 2015 dwar l-allegata prova nukleari fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK);

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-6 ta’ Jannar 2016 dwar il-Prova Nukleari mħabbra mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1718(2006), 1874(2009), 2087(2013) u 2094(2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li espliċitament jipprojbixxu l-provi nukleari min-naħa tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-17 ta’ Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-NU bit-titolu 'Democratic People’s Republic of Korea 2015: Needs and Priorities’ (Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea 2015: Ħtiġijiet u Prijoritajiet") ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-27 ta’ Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea tas-7 ta' Frar 2014,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, li fihom kollha r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea hija parti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ikkundannaw dak li r-RDPK allegat li kienet "prova ta' bomba tal-idroġenu li rnexxiet" li saret fis-6 ta' Jannar 2016, li b'mod ċar tikser l-obbligi internazzjonali tagħha skont ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

B.  billi l-proliferazzjoni tal-armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi u l-vetturi tagħhom jirrappreżentaw theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi r-RDPK rtirat mit-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) fl-2003, ilha tmexxi provi nukleari mill-2006 u uffiċjalment iddikjarat fl-2009 li kienet żviluppat arma nukleari, li jfisser li t-theddida tal-avvanz tal-kapaċitajiet nukleari tagħha ċarament amplifikat; billi l-iżvilupp ta' programmi illegali nukleari u ta' missili balistiċi jikkostitwixxi sfida għar-reġim internazzjonali ta' nonproliferazzjoni nukleari u joħloq ir-riskju li t-tensjonijiet reġjonali jaggravaw;

C.  billi r-RDPK, bl-ekonomija tagħha kkonċentrata fuq il-militar, għadha 'l bogħod milli tilħaq l-objettiv mistqarr tagħha li ssir nazzjon b'saħħtu u għani u minflok kompliet tiżola u tfaqqar dejjem aktar lill-poplu tagħha permezz tal-kisba ta' armi ta' qerda massiva u l-vetturi tagħhom;

D.  billi l-UE tappoġġja bil-qawwa l-idea ta' Peniżola Koreana ħielsa min-nuklearizzazzjoni, u tqis li l-issuktar tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet hu essenzjali għall-paċi, is-sigurtà u l-istabilità fir-reġjun;

E.  billi l-konċentrazzjoni tar-RDPK fuq l-investimenti militari jistgħu jitqiesu bħala negliġenza kriminali tal-ħtiġijiet bażiċi taċ-ċittadini tagħha minħabba l-fatt li madwar 70 fil-mija tal-popolazzjoni tal-pajjiż ta' 24.6 miljun ruħ qed ibatu nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u minħabba li kważi 30 fil-mija tat-tfal ta' taħt l-età ta' ħames snin jinsabu neqsin serjament mill-ikel sustanzjuż;

F.  billi r-RDPK ilha għaddejja b'sitwazzjoni estremament problematika tad-drittijiet tal-bniedem għal ħafna snin; billi r-reġim tar-RDPK bil-kemm ikkoopera man-NU u rrifjuta r-riżoluzzjonijiet kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq; billi naqas milli jikkoopera mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u rrifjuta kull għajnuna mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem taħt il-proċeduri speċjali;

G.  billi saret laqgħa wara r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-27 ta' Marzu 2015 bejn diplomatiċi tal-Korea ta' Fuq u Marzuki Darusman, ir-Rapporteur Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-drittijiet tal-bniedem firl-Korea ta' Fuq;

H.  billi l-UE hi difensur u promotur tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja; billi d-djalogu UE-RDPK dwar id-drittijiet tal-bniedem ilu li ġie sospiż mir-RDPK mill-2013; billi l-UE u r-RDPK kellhom rawnd ta' djalogu politiku f'Ġunju 2015;

I.  billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU (KtI) investigat "il-vjolazzjonijiet sistematiċi, mifruxa u gravi tad-drittijiet tal-bniedem" fil-Korea ta' Fuq u ħarġet rapport fis-7 ta' Frar 2014; billi l-KtI kkonkludiet fir-rapport tagħha li l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa ta' Pyongyang huma "mingħajr parallel fid-dinja kontemporanja" u sabet "dik li hija kważi ċaħda totali tad-dritt tal-ħsieb, tal-kuxjenza, u tar-reliġjoni, kif ukoll tad-drittijiet tal-libertà tal-opinjoni, tal-espressjoni, tal-informazzjoni, u ta' assoċjazzjoni"; billi l-KtI sabet bosta każi fejn il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK marret għall-agħar mill-2014 'il hawn;

J.  billi l-Gvern tar-RDPK ma jippermetti l-ebda oppożizzjoni politika, l-anqas ma jippermetti elezzjonijiet liberi u ġusti, midja ħielsa, libertà reliġjuża, libertà ta' assoċjazzjoni, negozjar kollettiv jew moviment liberu;

K.  billi r-RDPK għandha sistema tas-sigurtà estensiva u strutturata tajjeb li tissorvelja mill-qrib il-ħajja ta' kważi kull ċittadin u ma tippermetti l-ebda tip ta' libertà bażika fil-pajjiż;

L.  billi l-awtoritajiet statali tar-RDPK sistematikament iwettqu eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, detenzjonijiet arbitrarji u għejbien ta' persuni, fosthom anke fil-forma ta' ħtif ta' ċittadini barranin, filwaqt li internaw aktar minn 100 000 persuna f'ħabsijiet u f'kampijiet ta' 'riedukazzjoni';

M.  billi l-poplu tar-RDPK ilu espost għal deċennji ta' sottożvilupp, b'sevizz ta' kura tas-saħħa batut u livelli għolja ta' malnutrizzjoni materna u infantili, f'kuntest ta' iżolament politiku u ekonomiku, diżastri naturali rikorrenti u żidiet internazzjonali fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel u tal-karburanti; billi r-RDPK qed tikser id-dritt tal-ikel tan-nies tagħha;

1.  Jikkundanna bil-qawwa r-raba' prova nukleari tas-6 ta' Jannar 2016 bħala provokazzjoni bla bżonn u perikoluża kif ukoll bħala ksur tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u theddida serja għall-paċi u l-istabilità fil-Peniżola Koreana u r-reġjun tal-Asja tal-Grigal; jappoġġja sanzjonijiet li fihom sinifikat u li huma effettivi wara l-prova nukleari li saret dan l-aħħar liema sanzjonijiet għandhom jiġu deċiżi mill-komunità internazzjonali;

2.  Iħeġġeġ lir-RDPK żżomm lura minn azzjonijiet provokattivi ulterjuri billi tabbanduna l-programmi nukleari u tal-missili ballistiċi tagħha b'mod komplet, verifikabbli u irreversibbli, twaqqaf l-attivitajiet relatati kollha u tikkonforma immedjatament mal-obbligi internazzjonali tagħha kollha, inklużi r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-Bord ta' Gvernaturi tal-IAEA kif ukoll normi oħra internazzjonali tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni; jistieden lir-RDPK tiffirma u tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari mingħajr dewmien u tirrispetta l-impenji tagħha skont id-Dikjarazzjonijiet Konġunti tat-Taħdidiet bejn Sitt Partijiet fid-19 ta' Settembru 2005;

3.  Jafferma x-xewqa tiegħu għal soluzzjoni diplomatika u politika għall-kwistjoni nukleari tar-RDPK; itenni l-appoġġ tiegħu għat-Taħdidiet bejn Sitt Partijiet u jitlob li dawn jissuktaw; iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet jintensifikaw l-isforzi tagħhom; jistieden lir-RDPK terġa' timpenja ruħha b'mod kostruttiv mal-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari mal-membri tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet, sabiex taħdem favur paċi u siġurtà dejjiema f'peniżola Koreana ħielsa min-nukleari u bħala l-aħjar mezz kif jiġi żgurat ġejjieni aktar għani u stabbli għar-RDPK;

4.  Jinsab konvint li wasal iż-żmien biex il-komunità internazzjonali tieħu azzjoni konkreta biex ittemm l-impunità ta' dawk li jwettqu d-delitti; jitlob b'insistenza li dawk l-iktar responsabbli għad-delitti kontra l-umanità mwettqa fir-RDPK jinżammu responsabbli, jiġu mixlija quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali u jiġu soġġetti għal sanzjonijiet immirati;

5.  Jenfasizza l-fatt li l-vjolazzjonijiet deskritti fir-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta, li ħafna minnhom jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità, ilhom iseħħu wisq żmien taħt l-għajnejn osservanti tal-komunità internazzjonali;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDPK jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Inkjesta mingħajr dewmien;

7.  Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jeżerċita l-influwenza u s-saħħa politika u ekonomika akbar tiegħu fuq ir-RDPK biex jiġi żgurat li s-sitwazzjoni ma tkomplix teskala aktar; jistieden lir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tieħu l-passi kollha meħtieġa, b'kooperazzjoni mal-komunità internazzjonali, bil-għan li jerġa' jkun hemm il-paċi u l-istabilità fuq il-Peniżola Koreana; jinnota l-appoġġ tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għar-riżoluzzjoni 2094(2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jinnota l-kunsens fost il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fir-reazzjoni tagħhom għall-prova nukleari reċenti tar-RDPK;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex, bi qbil mal-obbligi tiegħu bħala stat firmatarju tal-Konvenzjoni tar-Rifuġjati tan-NU, la jiċħad id-dritt lir-rifuġjati mill-Korea ta' Fuq li jaqsmu l-fruntiera għal ġoċ-Ċina biex ifittxu ażil u lanqas ma jġegħilhom jirritornaw lejn il-Korea ta' Fuq, imma jħares id-drittijiet tal-bniedem fundamentali tagħhom; jistieden lill-UE teżerċita pressjoni diplomatika għal dak il-għan; itenni l-istedina tiegħu lill-pajjiżi kollha li jaslu għandhom rifuġjati mir-RDPK biex jirrispettaw il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 billi ma jreġġgħu l-ebda rifuġjat mill-Korea ta' Fuq lura r-RDPK;

9.  Jilqa' r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-17 ta’ Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, li ġiet appoġġjata mill-Istati Membri kollha tal-UE; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jindirizzaw is-sitwazzjoni gravi tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK;

10.  Jistieden lir-RGħ/VP Federica Mogherini tuża l-kapaċità esperta tar-Repubblika tal-Koera fl-ifformular tal-istrateġija tal-UE lejn ir-RDPK; jistieden lir-RGħ/VP timmonitorja żviluppi ulterjuri fir-RDPK u tirrapporta lura lill-Parlament ħalli l-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK tibqa' prijorità fl-aġenda politika tal-UE; jemmen li l-UE għandha rwol kostruttiv xi twettaq permezz tal-impenn kritiku tagħha mal-Gvern tar-RDPK;

11.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorazzjoni persistenti tas-sitwazzjoni tad-drittjiet tal-bniedem fir-RDPK; jistieden lill-Gvern tar-RDPK jwettaq l-obbligi tiegħu fl-ambitu tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem li hu parti fihom, u jistiednu jiżgura li l-organizzazzjonijiet umanitarji, l-osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK jkollhom aċċess għall-pajjiż u jingħataw il-kooperazzjoni meħtieġa;

12.  Jistieden lill-Gvern tar-RDPK jieqaf immedjatament milli juża t-trażżin sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem bħala għodda politika biex jikkontrolla u jissorvelja lill-popolazzjoni tiegħu stess;

13.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu sistematiku u fuq skala kbira tal-piena kapitali fir-RDPK; jistieden lill-Gvern tar-RDPK jiddikjara moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet kollha, bil-għan li l-piena kapitali tiġi abolita fil-ġejjieni qrib; jistieden lir-RDPK ttemm il-qtil extraġudizzjarju u l-għejbien imġiegħel, teħles lill-priġunieri politiċi u tippermetti liċ-ċittadini tagħha jivvjaġġaw liberament, kemm fil-pajjiż kif ukoll barra minnu; jistieden lill-RDPK tippermetti l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa għall-midja nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll aċċess għall-internet mingħajr ċensura liċ-ċittadini kollha tagħha;

14.  Iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDPK jwaqqaf milli jkompli bil-programm tax-xogħol sfurzat sponsojat mill-Istat li taħtu pajjiżi barranin ħaddmu għaxriet ta' eluf ta' ħaddiema mill-Korea ta' Fuq taħt kundizzjonijiet illegali, prinċipalment fil-minjieri, fil-qtugħ tas-siġar għall-injam, fit-tessuti u fi proġetti tal-bini, li ġġenera flus kontanti biex ikun jista' jiġi sostnut ir-reġim; jirrimarka li f'dan il-każ ir-responsabilità għall-ħarsien tad-drittijiet tax-xogħol testendi għall-istati ospitanti li għandhom jiżguraw il-ħarsien tal-istandards tax-xogħol u tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jikkundanna r-restrizzjonijiet ħarxa fuq il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew it-twemmin, tal-opinjoni u tal-espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, kif ukoll id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sistema songbun li tikklassifika lin-nies abbażi ta' klassi soċjali u twelid assenjati mill-Istat, u tinkludi wkoll konsiderazzjoni tal-opinjonijiet politiċi u tar-reliġjon;

16.  Jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu dwar il-gravità tas-sitwazzjoni tal-ikel li l-pajjiż qiegħed iħabbat wiċċu magħha u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-popolazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bil-programmi ta' għajnuna umanitarja eżistenti u bil-linji ta' komunikazzjoni eżistenti mar-RDPK, u tiżgura li jaslu b'mod sikur għand il-partijiet tal-popolazzjoni li huma mmirati lilhom; jistieden lill-awtoritajiet tal-RDPK jiżguraw l-aċċess liċ-ċittadini kollha għall-ikel u l-għajnuna umanitarja abbażi tal-ħtieġa, skont il-prinċipji umanitarji;

17.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDPK jirriżolvu b'mod urġenti l-kwistjoni tal-ħtif sistematiku ta' persuni, jgħaddu l-informazzjoni kollha dwar iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, inklużi dawk tal-Ġappun u tar-Repubblika tal-Korea, issuspettati li nħatfu minn aġenti tal-istat tal-Korea ta' Fuq matul dawn l-aħħar deċennji, u lil dawk maħtufa li għadhom qed jinżammu jirritornawhom lejn pajjiżhom immedjatament;

18.  Jistieden lir-RDPK tkompli timpenja ruħha b'mod kostruttiv mal-interlokuturi internazzjonali bil-ħsieb li jiġu promossi titjibiet konkreti fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-prattika, inkluż permezz ta' djalogi, żjarat uffiċjali lejn il-pajjiż u aktar kuntatt bejn il-persuni;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Korea, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Istati Uniti, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ġappun, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK, u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

 

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza