Proċedura : 2016/2515(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0151/2016

Testi mressqa :

RC-B8-0151/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/02/2016 - 8.9
CRE 04/02/2016 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 25/02/2016 - 7.15
CRE 25/02/2016 - 7.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0066

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 164kWORD 95k
3.2.2016
PE576.512v01-00}
PE576.513v01-00}
PE576.514v01-00}
PE576.516v01-00}
PE576.519v01-00}
PE576.521v01-00} RC1
 
B8-0151/2016}
B8-0152/2016}
B8-0153/2016}
B8-0155/2016}
B8-0158/2016}
B8-0160/2016} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

GUE/NGL (B8-0151/2016)

Verts/ALE (B8-0152/2016)

ALDE (B8-0153/2016)

S&D (B8-0155/2016)

PPE (B8-0158/2016)

EFDD (B8-0160/2016)


dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (2016/2515(RSP))


Mariya Gabriel, Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Andrej Plenković, David McAllister, Michael Gahler, Lorenzo Cesa, Tunne Kelam, Adam Szejnfeld, Davor Ivo Stier, Therese Comodini Cachia, Roberta Metsola, Kinga Gál, Barbara Matera, Milan Zver, Marijana Petir f'isem il-Grupp PPE
Victor Boştinaru, Enrique Guerrero Salom, Richard Howitt, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Miriam Dalli, Viorica Dăncilă, Isabella De Monte, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Elena Gentile, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Michela Giuffrida, Ana Gomes, Maria Grapini, Theresa Griffin, Sylvie Guillaume, Sergio Gutiérrez Prieto, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Jeppe Kofod, Javi López, Costas Mavrides, Marlene Mizzi, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Demetris Papadakis, Emilian Pavel, Pina Picierno, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Daciana Octavia Sârbu, Olga Sehnalová, Monika Smolková, Renato Soru, Tibor Szanyi, Claudia Tapardel, Marc Tarabella, István Ujhelyi, Elena Valenciano, Josef Weidenholzer f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, José Inácio Faria, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Javier Nart, Norica Nicolai, Urmas Paet, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Renate Weber f'isem il-Grupp ALDE
Javier Couso Permuy, Paloma López Bermejo, Barbara Spinelli, Tania González Peñas, Miguel Urbán Crespo, Lola Sánchez Caldentey, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez f'isem il-Grupp GUE/NGL
Alyn Smith, Bodil Valero, Barbara Lochbihler f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD
Arne Gericke

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (2016/2515(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dik tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Jannar 2016 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar l-attakk fuq ċentru tas-saħħa tal-Médecins Sans Frontières (Tobba Mingħajr Fruntieri) (MSF) fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2015 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar it-tkomplija tat-taħditiet iffaċilitati min-NU dwar il-Jemen, u d-dikjarazzjoni konġunta tat-2 ta' Ottubru 2015 mill-VP/RGħ, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2216 (2015), 2201 (2015) u 2140 (2014),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-10 ta' Jannar 2016 u tat-8 ta' Jannar 2016 attribwibbli għall-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kriżi attwali fil-Jemen hija konsegwenza tal-fatt li gvern wieħed wara l-ieħor naqas milli jissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Jemenit għad-demokrazija, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-istabbiltà u s-sigurtà; billi dan in-nuqqas ħoloq il-kondizzjonijiet ideali biex ifaqqa' kunflitt vjolenti, minħabba l-ineżistenza ta' gvern inklużiv u ta' kondiviżjoni ġusta tal-poter u minħabba l-fatt li t-tensjonijiet numerużi bejn it-tribujiet, l-insigurtà mifruxa u l-paraliżi ekonomika tal-pajjiż ġew injorati b'mod sistematiku;

B.  billi l-intervent militari mmexxi mill-Arabja Sawdija fil-Jemen, inkluż l-użu ta' cluster bombs, li huma pprojbiti internazzjonalment, wassal għal sitwazzjoni umanitarja diżastruża li taffettwa l-popolazzjoni madwar il-pajjiż, għandu implikazzjonijiet serji għar-reġjun u jikkostitwixxi theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi membri tal-popolazzjoni ċivili tal-Jemen, li diġà huma affettwati minn kondizzjonijiet ta' ħajja terribbli, huma l-ewwel vittmi tal-eskalazzjoni militari attwali;

C.  billi r-ribelli Houthi bdew assedju fuq il-belt ta' Taiz, it-tielet l-akbar belt tal-Jemen, b'tali mod li xekklu t-twassil tal-għajnuna umanitarja; billi, skont Stephen O'Brien, is-Sottosegretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji u l-Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza, madwar 200 000 ċivili maqbuda hemm kienu fi bżonn serju ta' ilma tax-xorb, ikel, trattament mediku, u assistenza u protezzjoni oħrajn li jsalvaw il-ħajja;

D.  billi sa mill-bidu tal-kunflitt mill-inqas 5 979 persuna ġew maqtula, kważi nofshom ċivili, u 28 208 ġew midruba; billi hemm mijiet ta' nisa u tfal fost il-vittmi; billi l-impatt umanitarju fuq il-popolazzjoni ċivili tal-ġlied kontinwu bejn il-milizzji differenti, il-bumbardamenti u l-interruzzjoni ta' servizzi essenzjali qed jilħaq livelli allarmanti;

E.  billi, skont il-Humanitarian Needs Overview (HNO) tal-2016 maħruġ f'Novembru 2015, bħalissa hemm 21.2 miljun ruħ (82 % tal-popolazzjoni) li jeħtieġu xi forma ta' assistenza umanitarja; billi, bl-istess mod, huwa stmat li kważi 2.1 miljun ruħ bħalissa qegħdin fi stat ta' malnutrizzjoni, inkluż aktar minn 1.3 miljun tifel u tifla jsofru minn malnutrizzjoni severa;

F.  billi l-UE pprovdiet EUR 52 miljun f'għajnuna umanitarja ġdida għall-kriżi fil-Jemen u l-impatt tagħha fil-Qarn tal-Afrika fl-2015; billi l-UE se tipprovdi sa EUR 2 miljun għall-istabbiliment ta' Mekkaniżmu ta' Verifika u Spezzjoni tan-NU (UNVIM) għat-tbaħħir kummerċjali lejn il-Jemen, b'tali mod li jiġi ffaċilitat il-fluss mingħajr xkiel ta' beni kummerċjali u għajnuna umanitarja lill-Jemen;

G.  billi hemm diversi rapporti li attakki mill-ajru mill-koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija fil-Jemen laqtu miri ċivili, inklużi sptarijiet, skejjel, swieq, imħażen tal-qamħ, portijiet u kamp għal persuni spostati, fejn għamlu ħsara kbira lill-infrastruttura essenzjali għat-twassil tal-għajnuna u kkontribwew għall-iskarsezzi gravi tal-ikel u tal-fjuwil fil-pajjiż; billi sptar fit-Tramuntana tal-Jemen appoġġjat mill-Médecins Sans Frontières (Tobba Mingħajr Fruntieri) (MSF) ġie bbumbardjat fl-10 ta' Jannar 2016, li wassal biex inqatlu mill-inqas sitt persuni, indarbu tnax, fosthom persunal tal-MSF, u saret ħsara serja lill-faċilitajiet mediċi; billi dan huwa l-aħħar wieħed f'sensiela ta' attakki fuq faċilitajiet tas-saħħa; billi ħafna monumenti storiċi u siti arkeoloġiċi wkoll saritilhom ħsara irreparabbli jew inqerdu, inklużi partijiet mill-Belt qadima ta' Sanaa, sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO;

H.  billi, minħabba kapaċità mnaqqsa tal-port u l-konġestjoni li tirriżulta mill-ħsara fl-infrastruttura u fil-faċilitajiet, fil-pajjiż qed jidħol biss 15 % tal-volum tal-importazzjonijiet tal-fjuwil ta' qabel il-kriżi; billi, skont il-Klassifikazzjoni Integrata tal-Fażi tas-Sigurtà tal-Ikel (IPC) tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, bħalissa hemm tmien gvernaturati li huma kklassifikati fil-livell ta' emerġenza fejn għandha x'taqsam is-sigurtà tal-ikel, jiġifieri Sa'ada, Hajjah, Hodeida, Taiz, Al-Dhale, Lahj, Abyan u Hadramaut;

I.  billi, skont Save the Children, sptarijiet f'mill-inqas 18 mit-22 gvernaturat tal-pajjiż ingħalqu bħala riżultat tal-ġlied jew tan-nuqqas ta' fjuwil, jew ġew affettwati b'mod gravi minnhom; billi, b'mod partikolari, 153 ċentru tas-saħħa li preċedentement kienu jfornu nutrizzjoni lil aktar minn 450 000 tifel u tifla f'riskju issa ngħalqu, flimkien ma' 158 klinika outpatient responsabbli milli jipprovdu kura tas-saħħa bażika lil kważi nofs miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin;

J.  billi, skont l-UNICEF, il-kunflitt fil-Jemen kellu wkoll impatt iebes fuq l-aċċess tat-tfal għall-edukazzjoni, li waqfet għal kważi 2 miljun tifel u tifla, bi 3 584 skola – jew waħda minn kull erbgħa – jingħalqu; billi 860 minn dawn l-iskejjel saritilhom ħsara jew qed jilqgħu lill-persuni spostati;

K.  billi fil-15 ta' Diċembru 2015 ġie ddikjarat waqfien mill-ġlied man-nazzjon kollu iżda sussegwentement dan ġie miksur diversi drabi; billi taħditiet ta' paċi, li saru fl-Iżvizzera f'nofs Diċembru 2015 bejn il-partijiet fil-ġlied, naqsu milli jagħmlu xi progress sinifikanti bil-ħsieb li jtemmu l-kunflitt; billi t-tkomplija ta' taħditiet ta' paċi mmexxija min-NU taħt l-awspiċi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, li kienet skedata għall-14 ta' Jannar 2016, ġiet posposta temporanjament fost vjolenza kontinwa;

L.  billi s-sitwazzjoni fil-Jemen iġġorr magħha riskji serji għall-istabbiltà tar-reġjun, b'mod partikolari dik tal-Qarn tal-Afrika, tal-Baħar l-Aħmar u tar-reġjun usa' tal-Lvant Nofsani; billi l-Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) approfittat mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Jemen, u qiegħda tespandi l-preżenza tagħha u tkabbar l-għadd u l-iskala tal-attakki terroristiċi tagħha; billi l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (ISIS) / Daesh stabbilixxa l-preżenza tiegħu fil-Jemen u wettaq attakki terroristiċi kontra l-moskej Xiiti, bil-qtil ta' mijiet ta' persuni;

M.  billi Jemen stabbli u sikur, bi gvern li jiffunzjona sew, hu kruċjali għall-isforzi internazzjonali biex jiġu miġġielda l-estremiżmu u l-vjolenza fir-reġjun u lil hinn minnu, kif ukoll għall-paċi u l-istabbiltà fil-Jemen stess;

N.  billi xi Stati Membri tal-UE komplew jawtorizzaw trasferimenti ta' armi u oġġetti relatati lejn l-Arabja Sawdija minn mindu bdiet il-gwerra; billi dawn it-trasferimenti huma bi vjolazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet tal-armi, li teskludi b'mod espliċitu l-awtorizzazzjoni ta' liċenzji tal-armi mill-Istati Membri jekk ikun hemm riskju ċar li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari li ser jiġi esportat jista' jintuża biex jitwettqu vjolazzjonijiet serji tad-dritt umanitarju internazzjonali u biex ixekklu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar id-deterjorament allarmanti tas-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, li hija kkaratterizzata minn insigurtà tal-ikel mifruxa u malnutrizzjoni gravi, l-attakki indiskriminati kontra ċ-ċivili u l-ħaddiema mediċi u umanitarji, il-qerda ta' infrastruttura ċivili u medika bħala riżultat tal-kunflitt domestiku li kien jeżisti qabel, l-intensifikazzjoni tal-attakki mill-ajru mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, il-ġlied fuq l-art u l-bumbardamenti, minkejja appelli ripetuti għal waqfien imġedded tal-ostilitajiet; jiddispjaċih ħafna għat-telf ta' ħajja kkawżat mill-kunflitt u s-sofferenza ta' dawk maqbuda fil-ġlied, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; ittenni mill-ġdid l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lill-Jemen u l-poplu Jemenit;

2.  Jesprimi tħassib kbir dwar l-attakki mill-ajru mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u l-imblokk navali li hija imponiet fuq il-Jemen, li wasslu għal eluf ta' mwiet, komplew jiddestabbilizzaw lill-Jemen, qed jeqirdu l-infrastruttura fiżika tal-pajjiż, ħolqu instabbiltà li ġiet sfruttata minn organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti bħall-ISIS/Daesh u l-AQAP, u qegħdin jaggravaw sitwazzjoni umanitarja diġà kritika; jikkundanna bil-qawwa, barra minn hekk, l-azzjonijiet ta' destabbilizzazzjoni u vjolenti meħuda mill-Houthis, inkluż l-assedju tal-belt ta' Taiz, li kellu wkoll konsegwenzi umanitarji diżastrużi għall-abitanti tagħha;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja kkoordinata taħt it-tmexxija tan-NU, u jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jippermettu d-dħul u t-twassil ta' ikel, mediċini, fjuwil u assistenza oħra meħtieġa b'mod urġenti permezz ta' kanali tan-NU u internazzjonali umanitarji sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti taċ-ċivili milquta mill-kriżi, b'konformità mal-prinċipji ta' imparzjalità, newtralità u indipendenza; jappella għal pawża umanitarja sabiex għajnuna li tista' ssalva l-ħajjiet tiġi permessa tilħaq lill-poplu Jemenit b'mod urġenti; ifakkar għalhekk li huwa essenzjali li l-aċċess tat-tbaħħir kummerċjali lejn il-Jemen jiġi ffaċilitat aktar;

4.  Jappella lin-naħat kollha biex jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċivili u biex iżommu lura milli jimmiraw direttament lejn infrastruttura ċivili, b'mod partikolari l-faċilitajiet mediċi u s-sistemi tal-ilma; jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' abbuż, tortura, qtil immirat ta' ċivili u vjolazzjonijiet oħra tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;

5.  Ifakkar lill-partijiet kollha li l-isptarijiet u l-persunal mediku huma espliċitament protetti taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u li t-tqegħid fil-mira intenzjonat ta' ċivili u infrastruttura ċivili jammonta għal delitt tal-gwerra; jappella għal investigazzjoni imparzjali u indipendenti dwar il-vjolazzjonijiet allegati tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi l-aħħar attakki mmirati fuq infrastruttura u persunal umanitarji; jappella lill-partijiet kollha jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet taċ-ċittadini Jemeniti kollha, u jenfasizza l-importanza li titjieb is-sigurtà ta' dawk kollha li jaħdmu f'missjonijiet ta' paċi u umanitarji fil-pajjiż, inklużi ħaddiema umanitarji, tobba u ġurnalisti;

6.  Jistieden lill-UE tippromwovi b'mod effikaċi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif previst fil-linji gwida rilevanti tal-UE; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-UE tqajjem, fid-djalogu politiku tagħha mal-Arabja Sawdija, il-ħtieġa ta' konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, u, f'każ li dan id-djalogu ma jagħti ebda riżultati, biex tikkunsidra miżuri oħra f'konformità mal-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;

7.  Jemmen li l-Arabja Sawdija u l-Iran huma strumentali biex tiġi solvuta l-kriżi, u jħeġġeġ liż-żewġ naħat jaħdmu b'mod pragmatiku u b'rieda tajba sabiex jintemm il-ġlied fil-Jemen;

8.  Jenfasizza li hija biss soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt li tista' ġġib lura l-paċi u żżomm l-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex, b'rieda tajba u mingħajr prekondizzjonijiet, jimpenjaw ruħhom f'ċiklu ġdid ta' negozjati ta' paċi mmexxija min-NU malajr kemm jista' jkun, inkluż billi jsolvu d-differenzi tagħhom permezz ta' djalogu u konsultazzjonijiet, jirrifjutaw atti ta' vjolenza biex jintlaħqu għanijiet politiċi, u jżommu lura minn provokazzjoni u mill-azzjonijiet kollha li jxekklu s-soluzzjoni politika; jappoġġja l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU, Ismail Ould Cheikh Ahmed, biex isiru taħditiet ta' paċi ffaċilitati min-NU f'konformità mal-inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, l-eżiti tal-Konferenza Nazzjonali għad-Djalogu, u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2140 (2014) u 2216 (2015);

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Gvern tal-Jemen.

 

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0270.

Avviż legali - Politika tal-privatezza