MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Honduras: is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem
13.4.2016 - (2016/2648(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B8-0469/2016)
EFDD (B8-0470/2016)
Verts/ALE (B8-0472/2016)
S&D (B8-0473/2016)
PPE (B8-0477/2016)
GUE/NGL (B8-0480/2016)
ALDE (B8-0482/2016)
Cristian Dan Preda, Gabriel Mato, Davor Ivo Stier, Andrej Plenković, Roberta Metsola, Patricija Šulin, Bogdan Brunon Wenta, Andrey Kovatchev, Joachim Zeller, Tunne Kelam, Ildikó Gáll-Pelcz, Lara Comi, József Nagy, Milan Zver, Marijana Petir, Giovanni La Via, Claude Rolin, Jarosław Wałęsa, Jiří Pospíšil, Ramón Luis Valcárcel Siso, Adam Szejnfeld, Eva Paunova, Tomáš Zdechovský, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Stanislav Polčák, Pavel Svoboda, Andrey Novakov, Romana Tomc, Ivan Štefanec, David McAllister, Salvatore Cicu, Lefteris Christoforou, Anna Záborská, Therese Comodini Cachia, Ramona Nicole Mănescu, Dubravka Šuica, Csaba Sógor, Ivana Maletić, Luděk Niedermayer, Seán Kelly, Krzysztof Hetman, Thomas Mann, Sven Schulze, László Tőkés f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Richard Howitt, Elena Valenciano, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Nicola Caputo, Nessa Childers, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Elena Gentile, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Michela Giuffrida, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Eva Kaili, Miapetra Kumpula-Natri, Kashetu Kyenge, Arne Lietz, Javi López, Krystyna Łybacka, Costas Mavrides, Alessia Maria Mosca, Sorin Moisă, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Tonino Picula, Liliana Rodrigues, Daciana Octavia Sârbu, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Julie Ward f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Monica Macovei, Raffaele Fitto, Angel Dzhambazki, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR
Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Ilhan Kyuchyuk, Enrique Calvet Chambon, Petras Auštrevičius, Pavel Telička, Marielle de Sarnez, Marietje Schaake, Valentinas Mazuronis, Ivo Vajgl, Filiz Hyusmenova, Martina Dlabajová, Ramon Tremosa i Balcells, Nedzhmi Ali, Dita Charanzová, José Inácio Faria, Fredrick Federley, Nathalie Griesbeck, Antanas Guoga, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Louis Michel, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Hannu Takkula, Carolina Punset, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Kaja Kallas, Javier Nart, Gérard Deprez, Jasenko Selimovic, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Lola Sánchez Caldentey, Xabier Benito Ziluaga, Marina Albiol Guzmán, Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Barbara Spinelli, Sofia Sakorafa, Stelios Kouloglou f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ulrike Lunacek, Bodil Valero, Heidi Hautala, Barbara Lochbihler, Terry Reintke, Molly Scott Cato, Ernest Urtasun, Josep-Maria Terricabras f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD
Barbara Kappel
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Honduras: is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneru u Intersesswali (LGBTI),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra[1],
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali (MOE) tal-Unjoni Ewropea għall-Elezzjonijiet Ġenerali tal-2013 fil-Honduras, u l-missjoni ta' segwitu tagħha fl-2015 fir-rigward tal-impunità,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) min-naħa tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Honduras tat-8 ta' Mejju 2015,
– wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-theddid globali li qed iħabbtu wiċċhom miegħu d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u dwar is-sitwazzjoni tan-nisa li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Honduras, maħruġa f'Ġinevra fit-18 ta' Marzu 2016,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kummissjoni Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward il-miżuri ta' prekawzjoni,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal-1989 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali f'Pajjiżi Indipendenti (Konvenzjoni tal-ILO 169),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret mill-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-UE fis-17 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni diffiċli li l-komunità LGBTI qed tħabbat wiċċha magħha fil-Honduras,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet tal-UE, inkluża d-dikjarazzjoni tad-Delegazzjoni tal-UE fil-Honduras tat-3 ta' Marzu 2016 u d-dikjarazzjoni tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tas-16 ta' Marzu 2016,
– wara li kkunsidra l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali u l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) UE-Amerika Ċentrali, fis-seħħ mill-2013;
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, skont bosta rapporti tan-NU dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti ambjentali, id-difensuri tad-drittijiet tal-popli indiġeni, il-ġurnalisti, il-professjonisti legali, is-sindakalisti, ir-raħħala, l-attivisti favur id-drittijiet tan-nisa u l-persuni LGBTI, fost attivisti oħrajn, qed ikomplu jkunu soġġetti għal abbużi, vjolenza, detenzjoni arbitrarja, theddidiet u qtil fil-Honduras;
B. billi l-Gvern tal-Honduras ħa impenji pożittivi u beda leġiżlazzjoni biex jipproteġi lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-professjonisti legali, li tinkludi l-ftuħ ta' uffiċċju tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, id-disponibilità min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali biex jippermettu li jsiru missjonijiet ta' monitoraġġ internazzjonali fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem, u l-adozzjoni tal-Liġi tal-2015 għall-Protezzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;
C. billi, minkejja dak li ntqal hawn fuq, il-Honduras issa sar wieħed mill-aktar pajjiżi perikolużi fir-reġjun għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Honduras huwa wieħed mill-aktar pajjiżi vjolenti fil-konfront tal-attivisti ambjentali, li minnhom inqatlu minn tal-inqas 109 bejn l-2010 u l-2015;
D. billi, skont l-informazzjoni disponibbli, fit-3 ta' Marzu 2016 Berta Cáceres, ambjentalista magħrufa ħafna u mexxejja tad-drittijiet tal-popli indiġeni kif ukoll fondatriċi ta' Civic Council of Popular and Indigenous Organisations of Honduras (il-Kunsill Ċiviku tal-Organizzazzjonijiet Popolari u Indiġeni tal-Honduras) (COPINH), inqatlet f'darha minn irġiel mhux identifikati; billi mewtha qajmet rabja kbira fuq livell internazzjonali u tħassib pubbliku dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-popli indiġeni, l-ambjent u l-art fil-Honduras;
E. billi biss ġimagħtejn wara, fis-16 ta' Marzu 2016, inqatel Nelson García, li wkoll kien membru tal-COPINH; billi l-intervent rapidu tal-awtoritajiet tal-Honduras wassal għad-detenzjoni ta' dak li allegatament qatlu;
F. billi l-Messikan Gustavo Castro Soto, li kien l-uniku xhud għall-qtil tas-Sa Cáceres u li sofra ġrieħi ta' arma tan-nar huwa stess, ma tħalliex jitlaq mill-pajjiż għal kważi xahar minħabba raġunijiet marbuta mal-investigazzjoni; billi fis-6 ta' April 2016 ġie awtorizzat biex jitlaq mill-pajjiż;
G. billi l-Gvern tal-Honduras ikkundanna fil-pront id-delitt abominabbli, iddikjara l-investigazzjoni tal-qtil tas-Sa Cáceres bħala priorità nazzjonali u informa lill-pubbliku dwar il-progress li sar; billi l-Gvern uffiċjalment talab il-kooperazzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) fl-investigazzjoni ta' dan il-qtil;
H. billi s-Sa Cáceres, li kienet taħt theddida kontinwa, kienet qed tibbenefika minn miżuri ta' prekawzjoni maħruġa mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR), li skont rapporti ma ġewx implimentati b'mod effikaċi min-naħa tal-istat Hondurjan; billi s-Sa Cáceres hija waħda mill-15-il difensur tad-drittijiet tal-bniedem li nqatlu bejn 2010 u 2016 fil-Honduras minkejja li kienu benefiċjarji ta' dawn il-miżuri ta' prekawzjoni;
I. billi dan il-qtil reċenti għandu jitqies fil-kuntest tar-reżistenza li l-COPINH u attivisti oħra ilhom imexxu b'mod paċifiku għal dawn l-aħħar għaxar snin kontra d-diga idroelettrika Agua Zarca fuq ix-Xmara Gualcarque, proġett enormi li jiddependi ħafna fuq investituri u teknoloġija Ewropej u li mir-rapporti jidher li qed tinbena mingħajr konsultazzjoni libera u informata minn qabel mal-komunitajiet indiġeni milquta sabiex jinkiseb il-kunsens tagħhom, kif rikjest mill-Konvenzjoni tal-ILO 169; billi l-bank għall-iżvilupp Netherlandiż FMO u Finnfund issospendew il-pagamenti relatati mal-proġett tad-diga f'Agua Zarca, li s-Sa Cáceres kienet l-avversarju ewlieni tiegħu;
J. billi l-qtil fl-24 ta' Jannar 2016 ta' Paola Barraza, difensur tad-drittijier LGBTI, mara transesswali u membru tal-assoċjazzjoni Arcoíris, jitfa' l-attenzjon fuq il-periklu dejjem akbar li l-komunità LGBTI qed tħabbat wiċċha miegħu fil-Honduras; billi l-qtil tagħha huwa l-aħħar f'sensiela ta' mwiet vjolenti ta' membri attivi tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem tal-LGBTI f'dawn l-aħħar 11-il xahar, inkluż il-qtil ta' Angy Ferreira, Violeta Rivas, Gloria Carolina Hernández Vásquez (magħrufa wkoll bħala Génesis Hernández), Jorge Alberto Castillo, Estefanía Zúñiga, Henry Matamoros u Josselin Janet Aceituno Suazo; billi 235 persuna LGBTI ġew irrappurtati maqtula fil-Honduras mill-1994, li minnhom 48 każ biss tressqu l-qorti; billi l-kummissarju nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem allega li 92 % tad-delitti għadhom ma ġewx investigati tajjeb u għaldaqstant għadhom ma ġewx solvuti;
K. billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, Michel Forst, fit-18 ta' Marzu 2016 iddikjara li "dan iċ-ċiklu ta' vjolenza ser jintemm biss meta tiġi indirizzata l-impunità u dawk responsabbli għal attakki bħal dawn jitressqu quddiem il-ġustizzja", u saħaq fuq il-passi konkreti li għandhom jittieħdu biex tiġi żgurata s-sigurtà tad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u l-familji tagħhom;
L. billi l-Honduras attwalment jinsab fi proċess ta' riforma tal-kodiċi penali tiegħu, li għandha tkun ibbażata fuq il-konvenzjonijiet internazzjonali u ssir għodda importanti li tiżgura d-drittijiet ta' gruppi vulnerabbli;
M. billi l-EU u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw it-tisħiħ tas-settur ġudizzjarju u tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' diversi programmi u proġetti ta' kooperazzjoni, partikolarment il-Programm ta' Appoġġ għad-Drittijiet tal-Bniedem (PADH) u l-Eurojusticia;
N. billi diversi Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali, li jfisser li l-pilastru tad-'djalogu politiku' għadu ma daħalx fis-seħħ; billi r-rispett lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, ċivili u politiċi tal-popli taż-żewġ reġjuni huma elementi fundamentali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali;
1. Jikkundanna bil-qawwa kollha l-qtil reċenti ta' Berta Cáceres, Nelson Garcia u Paola Barraza, kif ukoll kull qtil preċedenti ieħor ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Honduras; jestendi l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-familji u l-ħbieb tad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem;
2. Ifaħħar lis-Sa Cáceres, attivista ambjentali Hondurjana u mexxejja indiġena tal-poplu Lenca, u kofundatriċi u koordinatriċi tal-COPINH, li ddedikat ħajjitha għat-tiftix ta'iġġieled għal soċjetà aktar demokratika f'pajjiżha; jenfasizza li l-qtil tagħha jservi bħala każ emblematiku f'pajjiż b'għadd eċċessivament għoli ta' omiċidji u ta' impunità ġeneralizzata;
3. Jesprimi tħassib serju li, minkejja l-miżuri ta' prekawzjoni maħruġa mill-IACHR, l-awtoritajiet Hondurjani naqsu milli jagħtu protezzjoni adegwata lis-Sa Cáceres ; jistieden lill-Gvern Hondurjan jimmobilizza l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jimplimenta b'mod effikaċi t-92 miżura ta' prekawzjoni tal-IACHR attwalment attivi fil-pajjiż u biex jimpedixxi t-tkomplija ta' atti simili kontra attivisti ambjentalisti u indiġeni oħra li jinsabu mhedda;
4. Jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, li jittieħdu azzjonijiet immedjati, indipendenti, oġġettivi u li jsiru investigazzjonijiet fil-fond ta' dawn il-każijiet ta' qtil u ta' oħrajn preċedenti sabiex l-awturi materjali u intellettwali tagħhom jitressqu quddiem il-ġustizzja u tintemm l-impunità; Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fuq talba tal-gvern tal-Honduras, l-investigazzjoni dwar il-qtil tas-Sa Cáceres tinkludi rappreżentanti tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-OAS; huwa tal-fehma li l-istrumenti disponibbli fi ħdan il-qafas tan-NU u tal-IACHR, bħal investigazzjoni internazzjonali indipendenti, kif mitlub mill-vittmi, jistgħu jgħinu biex jiżguraw investigazzjoni imparzjali u ġusta ta' dawn id-delitti;
5. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-klima ta' vjolenza estrema, partikolarment kontra l-persuni LGBTI u dawk li jiddefendu d-drittijiet tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu minnufih investigazzjonijiet bir-reqqa u imparzjali dwar il-qtil ta' membri attivi ta' diversi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI;
6. Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u r-reati ta' mibegħda abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u biex jiġu żviluppati linji gwida dwar prattika tajba f'kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili; jappella għall-inklużjoni ta' miżuri ġodda rilevanti għall-prevenzjoni ta' atti ta' diskriminazzjoni u reati ta' mibegħda, u għall-protezzjoni tal-komunità LGBTI bħala parti minn kwalunkwe reviżjoni tal-kodiċi penali;
7. Jilqa', filwaqt li jinsab ferm imħasseb dwar is-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fil-Honduras, l-aħħar riformi ġuridiċi u l-isforzi tal-gvern tal-Honduras biex itaffi s-sitwazzjoni attwali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet tal-Honduras idaħħlu fis-seħħ u jiżviluppaw b'mod sħiħ il-liġi eżistenti tal-2015 għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jiżguraw, f'kooperazzjoni xierqa mas-soċjetà ċivili, li s-sistema ta' protezzjoni nazzjonali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti u tal-professjonisti legali tkun kompletament operattiva u ffinanzjata b'mod adegwat; jistieden lill-Gvern tal-Honduras biex jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet li rċieva bħala parti mill-aħħar Eżami Perjodiku Universali (EPU);
8. Japprezza l-ħidma tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE fil-Honduras, Ketil Karlsen, u t-tim tiegħu b'appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Honduras; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-ambaxxati u l-konsulati tal-Istati Membri fil-pajjiż, biex jakkumpanjaw u jimmonitorjaw b'mod attiv il-proċessi assoċjati mal-investigazzjoni tal-qtil ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jintensifikaw aktar l-isforzi lejn impenn ma' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li attwalment jinsabu f'periklu;
9. Iqis li l-attivitajiet tal-investituri Ewropej iridu jkunu integrati f'sett b'saħħtu ta' politiki ta' salvagwardja ambjentali u soċjali; jappoġġa bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, b'rekwiżiti ċari ta' diliġenza dovuta, ta' salvagwardji għall-ġestjoni tar-riskju u l-għoti ta' rimedji effettivi meta jkun meħtieġ; jilqa' l-fatt li kemm l-FMO kif ukoll il-Finnfund pubblikament ikkundannaw il-qtil ta' Berta Cáceres u talbu li ssir investigazzjoni bir-reqqa, u jilqa' wkoll il-fatt li fis-16 ta' Marzu 2016, wara rapporti tal-qtil ta' Nelson García, il-FMO ssospenda l-attivitajiet kollha tiegħu;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jiżguraw li l-għajnuna Ewropea ma tippromwovix u lanqas tippermetti l-iżvilupp ta' proġetti jekk dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta' konsultazzjoni minn qabel, libera u infurmata mal-komunitajiet indiġeni, jiżguraw konsultazzjoni sinifikanti mal-komunitajiet affettwati kollha kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol u salvagwardji ambjentali;
11. Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jirratifikaw il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali; iħeġġeġ lill-Kunsill jiżviluppa politika unifikata għall-Honduras li timpenja lit-28 Stat Membru u lill-istituzzjonijiet tal-UE favur messaġġ komuni b'saħħtu dwar ir-rwol tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Honduras u fir-reġjun kollu kemm hu;
12 Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlament nazzjonali tat-28 Stat Membru, lill-President, lill-Gvern u l-Parlament tal-Honduras, lis-Segretarjat għall-Integrazzjoni Ekonomika Ċentru Amerikana, lill-Parlacen, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, u lill-Komunità tal-Istati tal-Amerika Latina u tal-Karibew.
- [1] ĠU C 434, 23.12.2015, p. 181.