MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar in-Niġerja
13.4.2016 - (2016/2649(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
EFDD (B8-0478/2016)
ECR (B8-0479/2016)
Verts/ALE (B8-0481/2016)
S&D (B8-0483/2016)
PPE (B8-0484/2016)
GUE/NGL (B8-0485/2016)
ALDE (B8-0486/2016)
Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Davor Ivo Stier, Andrej Plenković, Lorenzo Cesa, Roberta Metsola, Patricija Šulin, Bogdan Brunon Wenta, Andrey Kovatchev, Joachim Zeller, Tunne Kelam, Ildikó Gáll-Pelcz, Lara Comi, József Nagy, Milan Zver, Marijana Petir, Giovanni La Via, Maurice Ponga, Claude Rolin, Jarosław Wałęsa, Jiří Pospíšil, Ramón Luis Valcárcel Siso, Adam Szejnfeld, Eva Paunova, György Hölvényi, Tomáš Zdechovský, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Stanislav Polčák, Pavel Svoboda, Andrey Novakov, Romana Tomc, Ivan Štefanec, David McAllister, Michaela Šojdrová, Salvatore Cicu, Lefteris Christoforou, Anna Záborská, Therese Comodini Cachia, Ramona Nicole Mănescu, Dubravka Šuica, Csaba Sógor, Ivana Maletić, Luděk Niedermayer, Seán Kelly, Krzysztof Hetman, Thomas Mann, Sven Schulze, László Tőkés, Elisabetta Gardini f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Richard Howitt, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Nicola Caputo, Nessa Childers, Andi Cristea, Nicola Danti, Isabella De Monte, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Elena Gentile, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Michela Giuffrida, Sylvie Guillaume, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Eva Kaili, Miapetra Kumpula-Natri, Kashetu Kyenge, Arne Lietz, Javi López, Krystyna Łybacka, Costas Mavrides, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Tonino Picula, Liliana Rodrigues, Daciana Octavia Sârbu, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Elena Valenciano, Julie Ward f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Jana Žitňanská, Peter van Dalen, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Karol Karski, Tomasz Piotr Poręba, Raffaele Fitto, Geoffrey Van Orden, Angel Dzhambazki, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Ilhan Kyuchyuk, Petras Auštrevičius, Pavel Telička, Marielle de Sarnez, Valentinas Mazuronis, Ivo Vajgl, Filiz Hyusmenova, Martina Dlabajová, Ramon Tremosa i Balcells, Nedzhmi Ali, Dita Charanzová, José Inácio Faria, Fredrick Federley, Nathalie Griesbeck, Antanas Guoga, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Louis Michel, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Hannu Takkula, Carolina Punset, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Javier Nart, Gérard Deprez, Jasenko Selimovic, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Lola Sánchez Caldentey, Marie-Christine Vergiat, Tania González Peñas, Miguel Urbán Crespo, Estefanía Torres Martínez, Xabier Benito Ziluaga, Patrick Le Hyaric, Barbara Spinelli, Stelios Kouloglou f'isem il-Grupp GUE/NGL
Jean Lambert, Maria Heubuch, Judith Sargentini, Michèle Rivasi, Bart Staes, Ernest Urtasun, Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Davor Škrlec, Bodil Valero, Igor Šoltes, Bronis Ropė f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Piernicola Pedicini, Isabella Adinolfi, Laura Agea, Laura Ferrara f'isem il-Grupp EFDD
Barbara Kappel
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-Niġerja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja,
– wara li kkunsidra d-diskors tal-President Muhammadu Buhari lill-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2016,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja, inklużi dawk tad-9 ta' Frar 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-VP/tar-RGħ u tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Federali tan-Niġerja fis-sitt djalogu ministerjali bejn in-Niġerja u l-UE li sar fi Brussell fil-15 ta' Marzu 2016,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill li Boko Haram jiżdied mal-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet identifikati bħala terroristi li daħlet fis-seħħ fid-29 ta' Mejju 2014,
– wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou 2007-2013, irratifikat min-Niġerja fis-27 ta' Settembru 2010,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tal-1979,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-protezzjoni tal-libertà reliġjuża fil-Kapitolu IV tagħha – Id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,
– wara li kkunsidra l-eżitu tal-elezzjonijiet presidenzjali Niġerjani ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-vjolazzjonijiet u l-abbużi mwettqa minn Boko Haram u l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi milquta, tad-29 ta' Settembru 2015,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU adottati f'Settembru 2015,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, irratifikata min-Niġerja fis-16 ta' April 1991,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Amnesty International "Nigeria: Still waiting for justice, still waiting for change. Government must prioritise accountability in the north-east",
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Human Rights Watch ta' Jannar 2016 dwar in-Niġerja,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi bir-riżorsi estensivi tagħha n-Niġerja hija l-akbar ekonomija fl-Afrika u n-nazzjon l-aktar popolat u kulturalment divers tagħha; billi n-Niġerja għandha rwol ewlieni fil-politiki reġjonali u Afrikani u hija mutur għall-integrazzjoni reġjonali permezz tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS); billi, madankollu, hija fost il-pajjiżi fejn hemm l-akbar inugwaljanzi fid-dinja, b'korruzzjoni mifruxa li tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għad-differenzi ekonomiċi u soċjali, u bis-sigurtà tagħha mhedda mill-grupp estremist vjolenti Boko Haram;
B. billi snin ta' dittatorjat militari, korruzzjoni, instabilità politika u governanza fqira wasslu għal investiment insuffiċjenti fl-infrastruttura, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali tal-pajjiż, u billi dan qed ikompli jimmina d-drittijiet soċjali u ekonomiċi fin-Niġerja;
C. billi aktar minn sitta minn kull għaxar Niġerjani jgħixu fuq anqas minn USD 2 kuljum; billi dan il-faqar estrem huwa saħansitra aktar akut fl-istati tat-Tramuntana, li huma l-inqas żviluppati fil-pajjiż; billi dan il-faqar jikkontribwixxi direttament għal qasma soċjali, ostilità reliġjuża u diviżjoni reġjonali; billi l-indiċi Gini tan-Niġerja żdied drammatikament u laħaq 48.8 fl-2010;
D. billi l-organizzazzjoni Transparency International ikklassifikat lin-Niġerja fil-136 post minn 175 pajjiż fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2015 tagħha; billi, skont ċerti stimi, bejn USD 3 biljun u 8 biljun f'żejt Niġerjan jinsterqu annwalment;
E. billi, minkejja t-tranżizzjoni paċifika għall-poter tal-President Buhari f'Marzu 2015, il-paċi u l-istabilità fin-Niġerja ġew mhedda minn mewġa ta' attakki, qtil u ħtif mill-grupp estremista vjolenti Boko Haram, ekonomija li qed tbatti minħabba prezzijiet globalment baxxi taż-żejt, istituzzjonijiet politiċi dgħajfa, in-nuqqas li tiġi indirizzata l-korruzzjoni u kunflitti mhux solvuti fid-Delta tan-Niger u l-Middle Belt;
F. whereas Boko Haram killed at least 8 200 civilians in 2014 and 2015; billi huwa stmat li aktar minn 2.6 miljun ruħ ġew spostati u iktar minn 14.8 miljun ġew affettwati minħabba r-rewwixta ta' Boko Haram;
G. billi t-terroriżmu huwa theddida dinjija, iżda l-kapaċità tal-komunià dinjija li tikkoopera mal-awtoritajiet Niġerjani fil-ġlieda kontra Boko Haram tiddependi fuq il-miżura sħiħa ta' kredibilità, responsabilità u trasparenza tal-amministrazzjoni l-ġdida; billi l-inkapaċità tal-gvern li jeqred l-impunità għad-delitti tal-gwerra fl-ogħla livell tibqa' waħda mill-kwistjonijiet ewlenin f'dan il-pajjiż; billi l-President Buhari wiegħed li jagħti bidu għal investigazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet;
H. billi l-għan ta' Boko Haram hu li jwaqqaf Stat Iżlamiku totali fin-Niġerja, inkluża l-implimentazzjoni tal-qrati kriminali tax-Sharia madwar il-pajjiż, u li jipprojbixxi l-edukazzjoni tal-Punent; billi Boko Haram ħataf nisa u bniet biex jużahom f'attakki suwiċidali; billi attakki suwiċidali bil-bombi riċenti, inklużi dawk tas-16 ta' Marzu, tal-11 ta' Frar u tal-31 ta' Jannar 2016 fil-Grigal tan-Niġerja rriżultaw f'għexieren ta' mwiet;
I. billi l-vjolenza sesswali, il-vjolenza tal-ġeneru u l-vjolenza kontra persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) għadha qawwija fir-reġjuni tal-Grigal tan-Niġerja, fejn hemm l-inkwiet, u billi d-drittijiet fundamentali bħalma huma l-edukazzjoni għall-bniet u n-nisa, il-ġustizzja soċjali u t-tqassim ġust tad-dħul statali fis-soċjetà sejrin għall-agħar b'mod drammatiku, bħalma hija l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
J. billi madwar 270 tifla tal-iskola nħatfu minn Boko Haram fl-14-15 ta' April 2014 minn skola f'Chibok, fil-Grigal tan-Niġerja, u billi l-maġġoranza tagħhom għadhom neqsin; billi d-destin eżatt tagħhom jibqa' misteru, għalkemm hemm il-biża' li ħafna ġew sfurzati jiżżewġu ribelli jew isiru ribelli huma stess, ġew suġġetti għal vjolenza sesswali jew mibjugħa għall-iskjavitù, u bniet mhux Musulmani ġew sfurzati jikkonvertu għall-Iżlam; billi Boko Haram ħataf aktar minn 2 000 mara u tifla mill-2009 sal-lum, inkluż madwar 400 minn Damasak fl-istat ta' Borno fl-24 ta' Novembru 2014;
K. billi l-militar Niġerjan ħabbar fis-6 ta' April 2016 li mill-inqas 800 ġellied kien ċeda fit-tliet ġimgħat ta' qabel; billi t-truppi Niġerjani salvaw 11 595 ostaġġ waqt raids fuq territorju ta' Boko Haram fir-reġjun muntanjuż bejn in-Niġerja, iċ-Chad u l-Kamerun mis-26 ta' Frar 2016 sa issa;
L. billi s-sitwazzjoni drammatika tal-bniet maħtufa esponiet problemi fuq firxa usa', inklużi attakki regolari fuq skejjel, nuqqas ta' għalliema u l-ħtieġa urġenti ta' finanzjament internazzjonali biex jissewwew u jerġgħu jinbnew binjiet imfarrka; billi n-nuqqas ta' opportunitajiet edukattivi jfisser li wħud mit-tfal ma attendewx skola għal bosta snin;
M. billi l-estremiżmu vjolenti ta' Boko Haram ma jagħmilx diskriminazzjoni u jikkawża tbatija immensa lill-popli ta' kull twemmin u etniċità fil-mewġa ta' vjolenza tiegħu; billi matul l-aħħar snin ġiet irrappurtata żieda fl-għadd ta' Nsara maqtula fit-Tramuntana tan-Niġerja;
N. billi r-reġjun tal-Middle Belt sofra snin ta' tensjoni ekonomika u politika bejn komunitajiet etniċi u reliġjużi, bi vjolenza reċenti kkawżata minn kompetizzjoni ħarxa għall-poter u l-aċċess għall-art bejn komunitajiet nomadi u agrikoli;
O. billi s-setturi taż-żejt u tal-gass għadhom is-sorsi ewlenin ta' dħul fin-Niġerja, għalkemm it-tqassim tal-benefiċċji tal-ġid ekonomiku tal-pajjiż huwa inugwali ferm; billi l-livelli ta' faqar u qgħad fit-Tramuntana tan-Niġerja huma konsiderevolment ogħla minn dawk fin-Nofsinhar tal-pajjiż, fejn hemm ħafna żejt; billi, skont il-Bank Dinji, mill-1960 'l hawn in-Niġerja tilfet madwar USD 400 biljun fi dħul miż-żejt b'riżultat tal-korruzzjoni u USD 20 biljun fi flus miż-żejt sparixxew mit-Teżor tan-Niġerja fl-aħħar sentejn;
P. billi nħoloq panel ta' investigazzjoni speċjali mill-uffiċċju tal-President biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tas-sigurtà, inklużi, qtil, tortura u għajbien sfurzat;
Q. billi leġiżlazzjoni proposta bħalissa qiegħda quddiem is-Senat Niġerjan u għandha l-għan li tikkastiga d-disseminazzjoni ta' "dikjarazzjonijiet abbużivi" permezz tal-media soċjali jew il-kritika lill-gvern jew lil persuni oħra permezz tal-media stampata u elettronika;
1. Jilqa' t-tranżizzjoni paċifika tal-poter fin-Niġerja wara l-elezzjonijiet presidenzjali, u huwa inkoraġġut bl-aspettattivi għoljin rigward il-programm ta' riforma ambizzjuż tal-President Buhari u l-gvern tiegħu;
2. Huwa preokkupat ħafna dwar l-isfidi soċjali, ekonomiċi, politiċi u tas-sigurtà sinifikanti li n-Niġerja qed tħabbat wiċċha magħhom, u jiddispjaċih għan-nuqqas ta' progress reali fl-indirizzar tal-korruzzjoni li farrket is-soċjetà Niġerjana għal għexieren ta' snin;
3. Jagħraf il-fatt li n-Niġerja għandha l-potenzjal li tkun qawwa ekonomika u politika kbira ħafna fl-Afrika, iżda li l-iżvilupp tagħha nżamm lura minn governanza ekonomika batuta, istituzzjonijiet demokratiċi dgħajfin u inugwaljanza enormi; jitlob, barra minn hekk, lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jonoraw l-impenn tagħhom li jipprovdu firxa komprensiva ta' għajnuna politika u umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp biex jappoġġjaw programmi fil-livelli kollha tal-gvern li jindirizzaw il-faqar, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u n-nuqqas ta' emanċipazzjoni tan-nisa;
4. Jemmen li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni trid titmexxa mill-awtoritajiet Niġerjani, u jemmen li n-nuqqas li jsir dan ikun ifisser aktar snin ta' faqar, inugwaljanza, ħsara għar-reputazzjoni, tnaqqis fl-investiment estern u mminar tal-opportunitajiet fil-ħajja għaż-żgħażagħ; joffri wkoll l-appoġġ tiegħu biex dan l-objettiv jintlaħaq u biex titkisser ir-rabta bejn il-prattiki korrotti u t-terroriżmu;
5. Ifaħħar l-isforzi li saru mill-Gvern ta' Buhari biex isaħħaħ il-kredenzjali tiegħu kontra l-korruzzjoni kif ukoll il-fatt li ordna li t-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha tal-gvern jgħaddu minn kont bankarju uniku sabiex l-infiq jiġi mmonitorjat; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu miżuri konkreti biex irażżnu b'mod effikaċi l-flussi finanzjarji illeċiti u l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u jagħtu spinta lill-kooperazzjoni internazzjonali demokratika fi kwistjonijiet ta' taxxa;
6. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tan-Niġerja li qed ibati minħabba l-atti terroristiċi mwettqa minn Boko Haram, li wasslu għal eluf ta' mwiet u spostaw lil aktar minn żewġ miljun ruħ; iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura l-protezzjoni taċ-ċivili tiegħu skont l-obbligi reġjonali u internazzjonali tiegħu rigward id-drittijiet tal-bniedem, anke billi jagħti bidu għal investigazzjonijiet komprensivi, indipendenti u effikaċi dwar tali delitti;
7. Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u l-attakki reċenti minn Boko Haram, u jistieden lill-Gvern Federali jipproteġi l-popolazzjoni tiegħu u jindirizza l-kawżi ewlenin tal-vjolenza billi jiżgura drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha, anke billi jindirizza l-kwistjonijiet tal-inugwaljanza, il-kontroll tal-artijiet agrikoli għammiela, il-qgħad u l-faqar; jirrifjuta kwalunkwe ritaljazzjoni vjolenti bi ksur tad-dritt umanitarju mwettqa mill-militar Niġerjan; jilqa', madankollu, il-programm "Safe Corridor" tal-Armata Niġerjana mfassal biex jirriabilita l-ġellieda ta' Boko Haram;
8. Jiddeplora l-massakru ta' nisa, irġiel u tfal innoċenti, l-atti ta' stupru u tortura, u r-reklutaġġ ta' suldati tfal, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tan-Niġerja fid-determinazzjoni tiegħu li jiġġieled kontra l-forom kollha ta' terroriżmu f'pajjiżu;
9. Jistieden lill-Gvern Niġerjan jiżviluppa strateġija komprensiva li tindirizza l-kawżi ewlenin tat-terroriżmu fl-għeruq tagħhom, u jinvestiga, kif imwiegħed, evidenza li l-militar Niġerjan seta' wettaq vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' s-Summit ta' Abuja dwar is-Sigurtà, li għandu jsir f'Mejju 2016, u jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jidentifikaw soluzzjonijiet konkreti u vijabbli għall-ġlieda kontra t-terroriżmu mingħajr ma jiġu ssagrifikati r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jissottolinja wkoll l-importanza ta' kooperazzjoni reġjonali fl-indirizzar tat-theddida minn Boko Haram;
10. Jemmen li t-tieni anniversarju tal-ħtif tal-bniet tal-iskola ta' Chibok fl-14 ta' April għandu jipprovdi impetu ġdid għall-Gvern Niġerjan u l-komunità internazzjonali biex jiżguraw il-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tagħhom, kif ukoll il-ħelsien tal-400 mara u tifel u tifla maħtufa mill-belt ta' Damasak f'Novembru 2014, u tan-nisa u t-tfal l-oħra kollha li nħatfu;
11. Jappella lill-awtoritajiet biex jiżguraw faċilità ta' aċċess għall-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva għan-nisa u l-bniet;
12. Jinnota bi tħassib l-attakki fuq l-iskejjel fit-Tramuntana tan-Niġerja, li qed iċaħħdu lit-tfal minn opportunitajiet edukattivi u li jistgħu jħarrxu r-radikalizzazzjoni li gruppi estremisti vjolenti bħal Boko Haram jiddependu fuqha;
13. Jinnota li Boko Haram attakka lill-Musulmani, lill-Insara, lil segwaċi ta' reliġjonijiet oħra u lil nies ta' ebda fidi mingħajr distinzjoni, u jikkundanna ż-żieda qawwija fil-vjolenza, anke kontra istituzzjonijiet reliġjużi u fidili;
14. Jikkundanna wkoll l-attakki fuq bdiewa u l-kunflitti interetniċi bejn rgħajja u bdiewa fiż-żona tal-Middle Belt, b'mod partikolari fl-istati ta' Plateau u Taraba, li kienu karatterizzati minn vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u wasslu biex mietu eluf ta' persuni mill-2014 'l hawn;
15. Jistieden lill-Gvern Niġerjan u lis-sħab internazzjonali jżidu l-investiment fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' kunflitti interkomunali bejn rgħajja u bdiewa bl-appoġġ tal-kooperazzjoni permezz ta' inizjattivi kondiviżi ekonomiċi u ta' ġestjoni tar-riżorsi naturali;
16. Jistieden lill-President Buhari jiżgura li l-gvern tiegħu jipproteġi d-dritt tan-Niġerjani li jqimu liberament, u d-drittijiet taċ-ċittadini kollha tagħha b'mod aktar wiesa', skont il-liġijiet u l-Kostituzzjoni tal-pajjiż, u jitlob lill-mexxejja reliġjużi tan-Niġerja jgħinu fil-ġlieda kontra l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni;
17. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jibqgħu impenjati favur l-isforzi diplomatiċi tagħhom fin-Niġerja, sabiex jinkisbu l-paċi, is-sigurtà, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġiġhom, b'mod partikolari, ikomplu d-djalogu politiku man-Niġerja skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim rivedut ta' Cotonou u biex, f'dak ir-rigward, jindirizzaw kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem universali, inklużi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin, u n-nondiskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni, kif minquxa fi strumenti universali, reġjonali u nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
18. Jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani jirrifjutaw l-abbozz ta' liġi li jipprojbixxi l-petizzjonijiet frivoli u kwistjonijiet oħra marbuta magħhom, li bħalissa qiegħed quddiem is-Senat Niġerjan, billi jikkomprometti l-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni fin-Niġerja;
19. Jistieden lill-Gvern Niġerjan u lill-awtoritajiet reġjonali ma jibqgħux jikkriminalizzaw il-komunità LGBTI Niġerjana u jiggarantixxu d-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni;
20. Jistieden lill-Gvern Niġerjan jieħu miżuri ta' emerġenza fid-Delta tan-Niger, inklużi azzjonijiet biex itemm l-attivitajiet illegali b'rabta maż-żejt;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, lill-President tal-Unjoni Afrikana, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Parlament Pan-Afrikan u lir-rappreżentanti tal-ECOWAS.