Proċedura : 2016/2692(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0582/2016

Testi mressqa :

RC-B8-0582/2016

Dibattiti :

PV 12/05/2016 - 8.1

Votazzjonijiet :

PV 12/05/2016 - 9.1

Testi adottati :

P8_TA(2016)0218

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 165kWORD 105k
11.5.2016
PE582.600v01-00}
PE582.604v01-00}
PE582.606v01-00}
PE582.608v01-00}
PE582.610v01-00} RC1
 
B8-0582/2016}
B8-0586/2016}
B8-0588/2016}
B8-0590/2016}
B8-0592/2016} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B8-0582/2016)

ECR (B8-0586/2016)

S&D (B8-0588/2016)

PPE (B8-0590/2016)

ALDE (B8-0592/2016)


dwar it-Tartari tal-Krimea (2016/2692(RSP))


Cristian Dan Preda, Andrej Plenković, Davor Ivo Stier, Eva Paunova, Milan Zver, Ildikó Gáll-Pelcz, David McAllister, Brian Hayes, Bogdan Brunon Wenta, Anna Maria Corazza Bildt, Adam Szejnfeld, Marijana Petir, Giovanni La Via, Tunne Kelam, Patricija Šulin, Ivan Štefanec, Dubravka Šuica, Ivana Maletić, Jaromír Štětina, Therese Comodini Cachia, Sven Schulze, Luděk Niedermayer, Eduard Kukan, Pavel Svoboda, Romana Tomc, Lefteris Christoforou, Csaba Sógor, Roberta Metsola, Tomáš Zdechovský, Inese Vaidere, Michaela Šojdrová, Claude Rolin, József Nagy, Krzysztof Hetman, Stanislav Polčák, László Tőkés, Ramona Nicole Mănescu, Andrea Bocskor, Kinga Gál f'isem il-Grupp PPE
Eric Andrieu, Francisco Assis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Victor Boştinaru, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Elena Gentile, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Michela Giuffrida, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Richard Howitt, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Jude Kirton-Darling, Miapetra Kumpula-Natri, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Krystyna Łybacka, David Martin, Marlene Mizzi, Sorin Moisă, Victor Negrescu, Pier Antonio Panzeri, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Daciana Octavia Sârbu, Siôn Simon, Tibor Szanyi, Claudia Tapardel, Marc Tarabella, Elena Valenciano, Julie Ward, Josef Weidenholzer, Damiano Zoffoli, Carlos Zorrinho, Alessia Maria Mosca f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Anna Elżbieta Fotyga, Tomasz Piotr Poręba, Kazimierz Michał Ujazdowski, Raffaele Fitto, Angel Dzhambazki, Zdzisław Krasnodębski, Geoffrey Van Orden, Ruža Tomašić, Jana Žitňanská f'isem il-Grupp ECR
Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Antanas Guoga, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Kaja Kallas, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Johannes Cornelis van Baalen, Valentinas Mazuronis, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Heidi Hautala, Bronis Ropė f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-Tartari tal-Krimea (2016/2692(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sħubija tal-Lvant, dwar l-Ukrajna u dwar il-Federazzjoni Russa,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Missjoni ta' Valutazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Krimea mwettqa mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-Kummissarju Għoli tal-OSKE għall-Minoranzi Nazzjonali (HCNM),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta' Marzu, tas-27 ta' Ġunju u tas-16 ta' Lulju 2014 li permezz tagħhom ġew imposti sanzjonijiet fuq il-Federazzjoni Russa b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Marzu 2014 dwar l-integrità territorjali tal-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Freedom House dwar il-libertà fid-dinja fl-2016 ("Freedom in the World 2016") li jivvaluta s-sitwazzjoni tal-libertajiet politiċi u ċiviċi fil-Krimea annessa illegalment bħala "mhux libera",

–  wara li kkunsidra s-sentenza tas-26 ta' April 2016 tal-hekk imsejħa Qorti Suprema tal-Krimea li ddikjarat li l-Mejlis tal-Poplu Tartar tal-Krimea hija organizzazzjoni estremista u ordnat projbizzjoni fuq l-attivitajiet tagħha fil-peniżola tal-Krimea,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-14 ta' April 2016 dwar is-sospensjoni tal-attivitajiet tal-Mejlis tat-Tartari tal-Krimea u tas-26 ta' April 2016 dwar id-deċiżjoni tal-"Qorti Suprema" tal-Krimea li tipprojbixxi l-attivitajiet tal-Mejlis,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta' April 2016 li fiha ħeġġeġ ir-revoka tal-projbizzjoni fuq il-Mejlis, u d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta' April 2016 dwar ir-riskju li l-projbizzjoni tal-Mejlis tolqot lill-komunità Tartara tal-Krimea kollha kemm hi,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Minsk tal-5 ta' Settembru 2014 u l-Memorandum ta' Minsk tad-19 ta' Settembru 2014 dwar l-implimentazzjoni ta' pjan ta' paċi fi 12-il punt,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Federazzjoni Russa żiedet illegalment lill-Krimea u lil Sevastopol mat-territorju tagħha, u għalhekk tikkostitwixxi Stat okkupanti li kiser id-dritt internazzjonali, inklużi l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki, il-Memorandum ta' Budapest tal-1994 u t-Trattat ta' Ħbiberija, Kooperazzjoni u Sħubija bejn il-Federazzjoni Russa u l-Ukrajna tal-1997;

B.  billi l-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali esprimew ripetutament it-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorji okkupati u l-persekuzzjoni sistematika ta' dawk li ma jirrikonoxxux lill-awtoritajiet il-ġodda; billi dawn l-hekk imsejħa awtoritajiet qiegħdu fil-mira tagħhom lill-komunità indiġena tat-Tartari tal-Krimea, li l-maġġoranza tagħhom jopponu l-okkupazzjoni tal-peniżola min-naħa tar-Russja u bbojkottjaw l-hekk imsejjaħ referendum tas-16 ta' Marzu 2014; billi l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet Tartari tal-Krimea qed jingħataw dejjem aktar spiss it-tikketta ta' "estremisti" u membri prominenti tal-komunità Tartara tal-Krimea qed jiġu arrestati bħala "terroristi" jew qegħdin f'riskju li jiġrilhom hekk; billi l-abbużi kontra t-Tartari jinkludu ħtif, għajbien furzat, vjolenza, tortura u eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji li l-awtoritajiet de facto naqsu milli jinvestigaw u jipproċedu kontrihom, kif ukoll problemi ġuridiċi sistemiċi fir-rigward tad-drittijiet u r-reġistrazzjoni tal-proprjetà;

C.  billi diversi mexxejja tat-Tartari tal-Krimea, fosthom Mustafa Dzhemilev u Rafat Chubarov, kienu twaqqfu milli jidħlu fil-Krimea iżda issa jistgħu jidħlu, għalkemm huma mhedda bl-arrest – u għalhekk jikkondividu l-istess destin bħal bosta membri oħra tal-Mejlis u diversi attivisti u persuni spostati mill-komunità Tartara tal-Krimea; billi, skont data pprovduta mill-Gvern tal-Ukrajna, aktar minn 20 000 membru tal-komunità Tartara tal-Krimea kellhom iħallu lill-Krimea okkupata u jmorru fl-Ukrajna kontinentali;

D.  billi l-mexxej tal-poplu Tartar tal-Krimea, Mustafa Dzhemilev, li qatta' 15-il sena fil-ħabsijiet Sovjetiċi, ippubblika lista ta' 14-il membru tal-komunità Tartara tal-Krimea li huma priġunieri politiċi tal-hekk imsejħa awtoritajiet Russi tal-Krimea, inkluż Ahtem Çiygoz, l-Ewwel Viċi President tal-Mejlis, li qed jinżamm arrestat f'Simferopol sakemm jinfetaħ il-proċess kontrih; jitlob attenzjoni partikolari fir-rigward tal-istat ta' saħħtu u jenfasizza l-importanza li l-proċess fil-konfront tiegħu ikun pubbliku u ssorveljat mill-Kunsill tal-Ewropa u minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra;

E.  billi l-Federazzjoni Russa qed tillimita l-aċċess għall-Krimea mhux biss min-naħa tal-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti indipendenti, iżda anke tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), in-NU u l-Kunsill tal-Ewropa; billi n-nuqqas ta' aċċess irendi l-monitoraġġ u r-rappurtar fil-Krimea diffiċli ħafna;

F.  billi l-popolazzjoni kollha tat-Tartari tal-Krimea, poplu indiġenu ta' dan it-territorju, fl-1944 sfat deportata bil-forza lejn partijiet oħra ta' dik li kienet l-Unjoni Sovjetika, mingħajr il-possibbiltà li tirritorna sal-1989; billi fit-12 ta' Novembru 2015 il-Verkhovna Rada tal-Ukrajna adotta riżoluzzjoni li fiha rrikonoxxa d-deportazzjoni tat-Tartari tal-Krimea fl-1944 bħala ġenoċidju u stabbilixxa t-18 ta' Mejju bħala Jum ta' Tifkira;

G.  billi, fis-26 ta' April 2016, l-hekk imsejħa Qorti Suprema tal-Krimea ddeċidiet favur talba min-naħa tal-hekk imsejħa Prosekutur Ġenerali tal-Krimea, Natalia Poklonskaya, li akkużat lill-Mejlis – il-korp rappreżentattiv tat-Tartari tal-Krimea sa mit-twaqqif tiegħu fl-1991 u bi status ġuridiku sħiħ minn Mejju 1999 – b'estremiżmu, terroriżmu, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, azzjonijiet illegali u atti ta' sabutaġġ kontra l-awtoritajiet;

H.  billi l-Mejlis issa ġie ddikjarat bħala organizzazzjoni estremista u ddaħħal mill-Ministeru tal-Ġustizzja Russu fil-lista ta' NGOs li l-attivitajiet tagħhom jeħtieġ jiġu sospiżi; billi, konsegwentement, l-attivitajiet tal-Mejlis ġew ipprojbiti fil-Krimea u fir-Russja; billi din il-projbizzjoni tista' tapplika għall-aktar minn 2 500 membru tal-250 Mejlis tal-bliet u l-irħula fil-Krimea;

I.  billi d-deċiżjoni tal-hekk imsejħa Prosekutur Ġenerali u Qorti Suprema tal-Krimea huma parti intrinsika mill-politika ta' repressjoni u intimidazzjoni min-naħa tal-Federazzjoni Russa, li qiegħda tikkastiga lill-minoranza għal-lealtà tagħha lejn l-Istat Ukren matul l-annessjoni illegali tal-peniżola li seħħet sentejn ilu;

J.  billi hemm ksur ċar tad-dritt umanitarju internazzjonali (inkluża r-Raba' Konvenzjoni ta' The Hague tal-1907, ir-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokoll Addizzjonali I tagħha tal-1977), li jgħid li potenza okkupanti ma tistax tipproċedi kontra persuni ċivili għal reati li jkunu seħħew qabel l-okkupazzjoni u li l-liġijiet kriminali tat-territorju okkupat għandhom jibqgħu fis-seħħ;

1.  Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-hekk imsejħa Qorti Suprema tal-Krimea li tipprojbixxi lill-Mejlis tal-Poplu Tartar tal-Krimea, u jitlob ir-revoka immedjata tagħha; iqis li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi persekuzzjoni sistemika u mmirata tat-Tartari tal-Krimea, u li hija azzjoni politikament motivata u mmirata lejn aktar intimidazzjoni fil-konfront tar-rappreżentanti leġittimi tal-komunità Tartara; jenfasizza l-importanza ta' dan il-korp deċiżjonali elett demokratikament li jirrappreżenta lill-Poplu Tartar tal-Krimea;

2.  Jirrimarka li l-projbizzjoni fuq il-Mejlis tal-Poplu Tartar tal-Krimea, li huwa l-korp rappreżentattiv leġittimu u rikonoxxut tal-poplu indiġenu tal-Krimea, se tipprovdi art fertili biex tiżdied l-istigma fil-konfront tat-Tartari tal-Krimea, u li dan se jwassal għal aktar diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili bażiċi tagħhom u huwa tentattiv biex jitkeċċew mill-Krimea, li storikament hija art twelidhom; jesprimi tħassib dwar il-fatt li t-tikkettar tal-Mejlis bħala organizzazzjoni estremista tista' twassal għal akkużi ulterjuri skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali tal-Federazzjoni Russa;

3.  Ifakkar li l-projbizzjoni tal-Mejlis tfisser li dan il-korp mhux se jkun jista' jiltaqa', jippubblika l-opinjonijiet tiegħu fil-mezzi tax-xandir, jorganizza avvenimenti pubbliċi jew juża kontijiet bankarji; jistieden lill-UE tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet tal-Mejlis tul l-eżilju tiegħu; jitlob li jiżdiedu l-fondi għall-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li qed jaħdmu f'isem il-Krimea;

4.  Ifakkar, bi swied il-qalb, it-tieni anniversarju tal-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa fl-20 ta' Frar 2014; ifakkar il-kundanna qawwija tiegħu fil-konfront ta' dak l-att, li kien bi ksur tad-dritt internazzjonali; jesprimi l-impenn qawwi tiegħu favur il-politika ta' nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea u favur is-sanzjonijiet imposti wara l-annessjoni, u jitlob li titqies il-possibbiltà li tiġi estiża l-lista ta' persuni fil-mira tas-sanzjonijiet tal-UE b'rabta mal-projbizzjoni tal-Mejlis; jistieden lill-Istati Membri jimxu strettament ma' dik il-lista; jiddeplora ż-żjarat fil-Krimea – organizzati mingħajr il-kunsens tal-awtoritajiet Ukreni – min-naħa ta' xi politiċi mill-Istati Membri tal-UE, inklużi membri tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew, u jistieden lill-membri parlamentari joqogħdu lura minn żjarat bħal dawn fil-futur;

5.  Itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur is-sovranità, l-indipendenza politika, l-għaqda u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-konfini tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u l-għażla libera u sovrana tagħha li taqbad perkors Ewropew; jistieden lill-partijiet kollha jipproċedu minnufih bir-riintegrazzjoni paċifika tal-peniżola tal-Krimea fl-ordni ġuridiku Ukren permezz tad-djalogu politiku u f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali; jemmen li r-ritorn għall-kontroll Ukren fil-peniżola huwa fundamentali biex jerġgħu jiġu stabbiliti relazzjonijiet ta' kooperazzjoni mal-Federazzjoni Russa, li jinkludu s-sospensjoni tas-sanzjonijiet relatati mal-Krimea;

6.  Jikkundanna r-restrizzjonijiet serji fuq il-libertajiet ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika, inkluż f'avvenimenti kommemorattivi tradizzjonali fosthom l-anniversarju tad-deportazzjoni tat-Tartari tal-Krimea min-naħa tar-reġim totalitarju Sovjetiku ta' Stalin u l-avvenimenti kulturali tat-Tartari tal-Krimea;

7.  Jikkundanna r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Krimea, b'mod partikolari l-irtirar tal-liċenzja tal-ATR, l-akbar stazzjon televiżiv Tartar tal-Krimea; jitlob il-ftuħ mill-ġdid ta' dan l-istazzjon, kif ukoll tal-istazzjon televiżiv tat-tfal Lale u l-istazzjon tar-radju Meydan; iqis li dawn l-atti jċaħħdu lill-poplu Tartar tal-Krimea minn strument essenzjali biex iżommu l-identità kulturali u lingwistika tagħhom; jinnota l-ftuħ tal-istazzjon televiżiv il-ġdid Millet, u jitlob li tiġi żgurata l-indipendenza editorjali sħiħa tiegħu;

8.  Jiddeplora bil-qawwa r-restrizzjonijiet sistematiċi fuq il-libertà ta' espressjoni bl-iskuża tal-estremiżmu, kif ukoll il-monitoraġġ tal-midja soċjali bil-għan li jiġu identifikati l-attivisti li ma jirrikonoxxux l-ordni l-ġdid u li jikkritikaw il-validità tar-"referendum" li sar fis-16 ta' Marzu 2014; ifakkar li mitt stat membru tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ħadu l-istess pożizzjoni bl-adozzjoni tar-riżoluzzjoni 68/262;

9.  Ifakkar li, tul l-istorja, it-Tartari indiġeni tal-Krimea sofrew inġustizzji li wasslu għad-deportazzjoni massiċċa tagħhom min-naħa tal-awtoritajiet Sovjetiċi kif ukoll għall-esproprjazzjoni tal-artijiet u r-riżorsi tagħhom; jiddeplora l-fatt li l-politiki diskriminatorji applikati mill-hekk imsejħa awtoritajiet qed jimpedixxu r-ritorn ta' tali proprjetajiet u riżorsi, jew qed jintużaw bħala strument biex jinxtara l-appoġġ;

10.  Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa, li skont id-dritt umanitarju internazzjonali għandha r-responsabbiltà finali bħala l-istat okkupanti fil-Krimea, tirrispetta l-ordni ġuridiku fil-Krimea u tipproteġi liċ-ċittadini minn miżuri u deċiżjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi arbitrarji, u b'hekk tissodisfa l-impenji tagħha bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, u twettaq investigazzjonijiet internazzjonali indipendenti fir-rigward ta' kwalunkwe ksur tad-dritt internazzjonali jew tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-forzi okkupanti u l-hekk imsejħa awtoritajiet lokali; jitlob ir-riattivazzjoni tal-grupp ta' kuntatt għall-qraba tal-persuni li għebu;

11.  Jitlob li l-korpi internazzjonali rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem jingħataw aċċess permanenti u mingħajr xkiel għall-Krimea, bil-għan li jitwettaq monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Ukrajna li, bil-għan li terġa' tiġi stabbilita s-sovranità Ukrena fil-Krimea, tistabbilixxi mekkaniżmu ta' negozjati internazzjonali fil-format "Ġinevra +", li għandu jinkludi l-involviment dirett tal-UE; jistieden lill-Federazzjoni Russa tibda negozjati dwar id-deokkupazzjoni tal-Krimea mal-Ukrajna u mal-partijiet l-oħra, sabiex jitneħħew l-embargos fuq il-kummerċ u l-enerġija u jiġi revokat l-istat ta' emerġenza fil-Krimea;

13.  Jitlob li jiġi ppreservat l-ambjent multikulturali storiku u tradizzjonali tal-Krimea u li jkun hemm rispett sħiħ għall-Ukren, it-Tartar u minoranzi lingwistiċi u kulturali oħra; jikkundanna l-pressjoni ġuridika fuq l-organizzazzjonijiet kulturali u edukattivi tat-Tartari tal-Krimea, fosthom dawk li jaħdmu mat-tfal Tartari tal-Krimea;

14.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa tinvestiga l-każijiet kollha ta' tortura ta' priġunieri arrestati b'mod illegali fil-Krimea, fosthom Ahtem Çiygoz, l-Ewwel Viċi President tal-Mejlis, Mustafa Degermendzhi u Ali Asanov, li ġew arrestati fil-Krimea mill-hekk imsejħa awtoritajiet lokali talli pprotestaw paċifikament kontra l-okkupazzjoni, u tiggarantixxi r-ritorn sikur tagħhom lejn l-Ukrajna; itenni l-appell tiegħu għall-ħelsien ta' Oleg Sentsov u Oleksandr Kolchenko; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa ttemm il-persekuzzjoni politika tad-dissidenti u l-attivisti ċiviċi; jikkundanna t-trasferiment sussegwenti tagħhom lejn il-Federazzjoni Russa u l-attribuzzjoni furzata taċ-ċittadinanza Russa; jistieden lill-Federazzjoni Russa tikkoopera mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropa u mal-OSKE fil-każijiet imsemmija hawn fuq;

15.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kunsill iżidu l-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa biex tippermetti l-aċċess għall-Krimea min-naħa tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, bil-għan li jitwettaq monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dawl tal-ksur gravi kontinwu tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola, u jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' monitoraġġ internazzjonali permanenti u bbażati fuq il-Konvenzjonijiet; jenfasizza li kwalunkwe preżenza internazzjonali fuq il-post għandha tkun ikkoordinata sew, miftiehma mal-Ukrajna u appoġġjata mill-organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem;

16.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fil-Krimea, li marret ferm għall-agħar wara l-annessjoni mar-Russja;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa u lill-Mejlis tal-Poplu Tartar tal-Krimea.

 

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza