MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
7.6.2016 - (2016/2699(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B8-0700/2016)
ECR (B8-0724/2016)
ALDE (B8-0728/2016)
S&D (B8-0729/2016)
Esteban González Pons, Luis de Grandes Pascual, Antonio Tajani, Cristian Dan Preda, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Gabriel Mato, Davor Ivo Stier, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Carlos Iturgaiz, Ramón Luis Valcárcel Siso, Milan Zver, Francisco José Millán Mon f'isem il-Grupp PPE
Eric Andrieu, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Soledad Cabezón Ruiz, Nicola Caputo, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Michela Giuffrida, Sylvie Guillaume, Richard Howitt, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Agnes Jongerius, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Cécile Kashetu Kyenge, Arne Lietz, Krystyna Łybacka, Andrejs Mamikins, Louis-Joseph Manscour, Costas Mavrides, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Daciana Octavia Sârbu, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Claudia Țapardel, Marc Tarabella, Elena Valenciano, Julie Ward, Damiano Zoffoli, Ana Gomes, Ramón Jáuregui Atondo, Victor Boştinaru, Sergio Gutiérrez Prieto, Pier Antonio Panzeri, Carlos Zorrinho, Enrique Guerrero Salom, Karoline Graswander-Hainz, Jonás Fernández, Juan Fernando López Aguilar f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker f'isem il-Grupp ECR
Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Enrique Calvet Chambon, Dita Charanzová, Martina Dlabajová, José Inácio Faria, Fredrick Federley, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Gesine Meissner, Louis Michel, Ulrike Müller, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Johannes Cornelis van Baalen, Matthijs van Miltenburg, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-diversi r-riżoluzzjonijiet preċedenti u reċenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela[2] u tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija parti għalih,
– wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikana adottata fil-11 ta' Settembru 2001,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u b'mod partikolari l-Artikoli 72 u 233 tagħha,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar id-detenzjoni ta' dimostranti u persunaġġi politiċi fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-7 ta' Diċembru 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Jannar 2016 mill-Kelliem tas-SEAE dwar l-inawgurazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida tal-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' April 2016 mill-Kelliem għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Ravina Shamdasani,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Mejju 2016 mill-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-ittra tas-16 ta' Mejju 2016 mill-Human Rights Watch lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, Luis Almagro, dwar il-Venezwela[4],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani tat-18 ta' Mejju 2016,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet uffiċjali tas-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR) maħruġa fit-23 ta' Mejju[5] u fit-28 ta' Mejju[6] 2016 dwar il-laqgħat esploratorji biex jitnieda djalogu nazzjonali bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern Venezwelan u l-koalizzjoni tal-oppożizzjoni tal-MUD (Mesa de la Unidad Democrática),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja li pparteċipaw fis-Summit tal-G7 li sar f'Ise-Shima fis-26 u s-27 ta' Mejju 2016[7],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, John Kerry, tas-27 ta' Mejju 2016, dwar it-telefonata tiegħu mal-eks Prim Ministru Spanjol, José Luis Rodríguez Zapatero[8],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-koalizzjoni tal-oppożizzjoni tal-Venezwela, il-MUD, rebħet 112-il siġġu fl-Assemblea Nazzjonali li għandha kamra leġiżlattiva waħda b'167 membru, jiġifieri maġġoranza ta' żewġ terzi meta mqabbla mal-55 siġġu tal-PSUV (Partido Socialista Unido de Venezuela); billi l-Qorti Suprema sussegwentement imblukkat erba' rappreżentanti li kienu għadhom kemm ġew eletti fl-Assemblea Nazzjonali (li 3 minnhom huma tal-MUD) milli jieħdu l-kariga, u dan ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-maġġoranza tagħha ta' żewġ terzi;
B. billi, fil-ħames xhur ta' attività leġiżlattiva tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida, li fiha l-oppożizzjoni demokratika għandha l-maġġoranza, il-Qorti Suprema qatgħet 13-il sentenza b'motivazzjonijiet politiċi favur l-eżekuttiv, li kollha kemm huma jipperikolaw il-bilanċ tas-setgħat neċessarju fi stat iggvernat bl-istat tad-dritt;
C. billi deċiżjonijiet bħal dawk li ħarġu u kkonfermaw id-Digriet ta' Stat ta' Eċċezzjoni u ta' Emerġenza Ekonomika, li eliminaw is-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali rigward l-iskrutinju tal-politiki, li rrifjutaw li jirrikonoxxu s-setgħa kkonferita mill-kostituzzjoni lill-Assemblea Nazzjonali li din tal-aħħar tirrevoka l-ħatra ta' mħallfin tal-Qorti Suprema, li ddikjaraw mhux kostituzzjonali r-riforma tal-Liġi dwar il-Bank Ċentrali tal-Venezwela u ssospendew l-artikoli tar-Regoli dwar id-Dibattiti Interni tal-Assemblea Nazzjonali, fost l-oħrajn, ittieħdu bi ksur tas-setgħat leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali, bl-ebda rispett għall-bilanċ tas-setgħat li huwa essenzjali fi stat iggvernat bl-istat tad-dritt;
D. billi hemm madwar 2 000 persuna miżmuma l-ħabs, taħt arrest domiċiljarju jew fuq probation għal raġunijiet politiċi, fosthom mexxejja politiċi importanti bħal Leopoldo López, Antonio Ledezma u Daniel Ceballos; billi fit-30 ta' Marzu 2016, l-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela għaddiet liġi li tagħti amnestija lill-priġunieri msemmijin hawn fuq, u b'hekk wittiet it-triq għal djalogu lejn ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali; billi din il-liġi hija konformi mal-Artikolu 29 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, minkejja d-dikjarazzjoni ta' nonkostituzzjonalità mogħtija mill-Qorti Suprema; billi Zeid Ra’ad Al Hussein, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, stqarr pubblikament li l-Liġi dwar l-Amnestija u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali kienet konformi mad-dritt internazzjonali u esprima d-diżappunt tiegħu dwar ir-rifjut tagħha;
E. billi l-istat tad-dritt u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat mhumiex irrispettati kif xieraq fil-Venezwela; billi l-fatti attwali jindikaw l-influwenza u l-kontroll tal-gvern fuq il-poter ġudizzjarju u l-Kunsill Elettorali Nazzjonali, fatt li għandu impatt detrimentali fuq is-setgħat tal-leġiżlatur u tal-oppożizzjoni, li huma l-pedament ta' kull sistema demokratika, bi ksur ċar tal-prinċipju ta' indipendenza u separazzjoni tas-setgħat li huwa karatteristika ta' stati demokratiċi rregolati mill-istat tad-dritt;
F. billi l-oppożizzjoni demokratika bdiet proċess rikonoxxut kostituzzjonalment li jippermetti li uffiċjali pubbliċi jitneħħew mill-kariga permess ta' referendum ta' revoka wara li jkunu lestew 50 % tal-mandat tagħhom; billi l-Kunsill Elettorali Nazzjonali rċieva mingħand il-MUD 1.8 miljun firma ta' ċittadini tal-Venezwela b'appoġġ għal dan il-proċess, ħafna aktar mill-198 000 inizjalment meħtieġa biex il-proċess ikun legali u aċċettat kostituzzjonalment;
G. billi l-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi umanitarja serja, ikkawżata minn nuqqasijiet ta' ikel u mediċina; billi l-Assemblea Nazzjonali ddikjarat 'kriżi umanitarja tas-saħħa u tal-ikel' minħabba n-nuqqas ġenerali ta' mediċini, tagħmir u provvisti mediċi, u talbet lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għal għajnuna umanitarja u żjara teknika biex jiġu ċertifikati l-kundizzjonijiet deskritti hawn fuq;
H. billi, minkejja n-nuqqas ta' data uffiċjali, skont l-ENCOVI (Encuesta de Condiciones de Vida) r-rata tal-faqar fil-Venezwela irdoppjat, minn 30 % fl-2013 għal 60 % fl-2016; billi 75 % tal-mediċini meqjusa bħala essenzjali mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa mhumiex disponibbli fil-Venezwela;
I. billi l-gvern qed jimpedixxi d-dħul tal-għajnuna umanitarja fil-pajjiż, u qed jibbojkottja d-diversi inizjattivi internazzjonali ta' assistenza lis-soċjetà ċivili, kif seħħ fil-każ tal-Caritas u NGOs oħra;
J. billi skont il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), l-ekonomija tal-Venezwela hija mbassra li se tiċkien bi 8 % fl-2016, wara t-tnaqqis ta' 5,7 % fl-2015; billi minkejja ż-żieda ta' 30 % fil-paga minima, ir-rata ta' inflazzjoni ta' 180,9 % xxekkel kwalunkwe prospett li l-prodotti bażiċi jkunu għall-but tal-Venezwelani; billi l-FMI jbassar rata medja tal-inflazzjoni ta' 700 % sa tmiem l-2016 u ta' 2 200 % fl-2017;
K. billi n-nuqqas ta' prospettiva fl-infrastruttura bażika u l-ineffiċjenza fil-governanza wasslu għal kriżi ekonomika u soċjali kbira, kif juru l-iskarsezzi - li ilhom għaddejjin -, ta' riżorsi, materji primi, fatturi ta' produzzjoni, prodotti tal-ikel bażiċi u mediċini essenzjali, flimkien ma' produzzjoni żero, u billi l-pajjiż jinsab f'xifer ta' taqliba soċjali kbira u kriżi umanitarja b'konsegwenzi imprevedibbli;
L. billi r-rati ta' kriminalità għoljin ħafna u l-impunità totali fil-Venezwela biddlu lill-pajjiż f'wieħed mill-aktar pajjiżi perikolużi tad-dinja, b'Caracas għandha l-ogħla rata ta' kriminalità vjolenti fid-dinja, b'aktar minn 119,87 omiċidju għal kull 100 000 persuna;
M. billi l-ġlied għal kontroll ta' minjieri illegali huwa komuni fiż-żona li hija għanja fil-minerali qrib il-fruntieri mal-Guyana u mal-Brażil; billi fl-4 ta' Marzu 2016 seħħ massakru f'Tumeremo fl-istat ta' Bolívar, li fih 28 ħaddiem tal-minjieri għebu u mbagħad wara ġew maqtula; billi għadha dovuta tweġiba sodisfaċenti min-naħa tal-awtoritajiet, u billi l-ġurnalista Lucía Suárez, li dan l-aħħar kienet investigat il-każ, inqatlet b'arma tan-nar fit-28 ta' April 2016 f'darha f'Tumeremo;
N. billi fis-27 ta' Mejju 2016 il-pajjiżi tal-G7 ħarġu stqarrija li fiha ħeġġew lill-Venezwela ''tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għal djalogu bejn il-gvern u ċ-ċittadini tagħha biex tiġi riżolta l-kriżi politika u ekonomika dejjem aktar serja'', u billi fl-1 ta' Ġunju l-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) ħareġ dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela;
O. billi, fil-qafas tal-UNASUR, dan l-aħħar saru laqgħat esploratorji fir-Repubblika Dominikana, immexxija mill-eks Prim Ministru Spanjol José Luis Rodríguez Zapatero, mill-eks President tar-Repubblika Dominikana Leonel Fernández u mill-eks President tal-Panama Martín Torrijos, bl-għan li jingħata bidu għal djalogu nazzjonali mar-rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u l-partiti fl-oppożizzjoni rrappreżentati mill-MUD;
P. billi soluzzjoni għall-kriżi tista' tinstab biss permezz ta' djalogu mal-livelli kollha tal-gvern, l-oppożizzjoni demokratika u s-soċjetà;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjoni soċjoekonomika fil-Venezwela, bi klima ta' instabilità politika u soċjali li kulma jmur qed tkompli tiżdied;
2. Jesprimi t-tħassib tiegħu anke dwar l-impass istituzzjonali attwali u l-użu min-naħa tal-eżekuttiv ta' setgħat statali biex jikkontrolla lill-Qorti Suprema u l-Kunsill Elettorali Nazzjonali bl-għan li jimpedixxi l-applikazzjoni ta' liġijiet u inizjattivi adottati mill-Assemblea Nazzjonali; jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jirrispetta l-istat tad-dritt u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat; ifakkar li s-separazzjoni u n-nuqqas ta' interferenza bejn is-setgħat li huma ugwalment leġittimi huwa prinċipju essenzjali ta' stati demokratiċi mmexxija mill-istat tad-dritt;
3. Jistieden lill-Gvern Venezwelan jadotta attitudni kostruttiva sabiex tingħeleb is-sitwazzjoni attwali kritika tal-Venezwela permezz ta' soluzzjoni kostituzzjonali, paċifika u demokratika bbażata fuq id-djalogu;
4. Jilqa' l-isforzi ta' medjazzjoni mibdija fuq l-istedina tal-UNASUR sabiex jitnieda proċess ta' djalogu nazzjonali bejn l-eżekuttiv u l-oppożizzjoni rappreżentata mill-komponenti ta' maġġoranza tal-MUD;
5. Jieħu nota tad-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G7 dwar il-Venezwela; jitlob lill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju biex joħroġ dikjarazzjoni politika dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż u biex jappoġġa l-isforzi ta' medjazzjoni li ġew imnedija reċentement sabiex jagħtu lok li jintlaħaq qbil fuq soluzzjonijiet demokratiċi u politiċi għall-Venezwela;
6. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Venezwela biex jeħles minnufih lill-priġunieri politiċi kollha; ifakkar li l-ħelsien ta' priġunieri politiċi huwa prerekwiżit stabbilit mill-oppożizzjoni għall-bidu tat-taħdidiet ta' negozjati, u jistieden liż-żewġ naħat jaqblu dwar soluzzjoni ta' kompromess bl-għan li jiġu appoġġati l-isforzi ta' medjazzjoni li jeżistu bħalissa; jistieden lill-UE u lill-VP/RGħ jħeġġu l-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi u ta' dawk miżmuma b'mod arbitrarju, bi qbil mat-talbiet li għamlu diversi korpi tan-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-Liġi dwar l-Amnestija u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali;
7. Jitlob lill-awtoritajiet jirrispettaw u jiggarantixxu d-dritt kostituzzjonali għal dimostrazzjonijiet paċifiċi; jistieden ukoll lill-mexxejja tal-oppożizzjoni jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b'responsabilità; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jiggarantixxu sigurtà u l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet taċ-ċittadini kollha, partikolarment tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti, tal-attivisti politiċi u tal-membri tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti;
8. Jistieden lill-President Nicolas Maduro u l-gvern tiegħu jimplimentaw riformi ekonomiċi urġenti f'kooperazzjoni mal-Assemblea Nazzjonali biex tinstab soluzzjoni kostruttiva għall-kriżi ekonomika u tal-enerġija, b'mod partikolari l-iskarsezza ta' ikel u ta' mediċini;
9. Jesprimi tħassib serju rigward it-tensjoni soċjali li kulma jmur qed tiddeterjora, ikkawżata mill-iskarsezza ta' prodotti bażiċi bħall-ikel u l-mediċini; jistieden lill-VP/RGħ tipproponi pjan ta' assistenza għall-pajjiż u tħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex jippermettu li l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż u biex jagħtu aċċess lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lis-setturi l-aktar affettwati fis-soċjetà bil-ħsieb li jindirizzaw l-aktar ħtiġijiet urġenti u bażiċi tal-popolazzjoni;
10. Iħeġġeġ lill-gvern u lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Venezwela biex jirrispettaw il-Kostituzzjoni, inklużi l-mekkaniżmi u l-proċeduri leġittimi u rikonoxxuti għall-attivazzjoni tal-proċess stabbilit fil-Kostituzzjoni tal-Venezwela għad-destituzzjoni tal-president qabel tmiem l-2016;
11. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ tikkoopera mal-pajjiżi tal-Amerika Latina u ma' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali bil-għan li jkun żgurat li fil-Venezwela jiġu implimentati mekkaniżmi għad-djalogu, għar-rikonċiljazzjoni u għall-medjazzjoni nazzjonali ħalli jirfdu soluzzjoni paċifika, demokratika u kostituzzjonali għall-kriżi li l-pajjiż qed iġarrab bħalissa;
12. Iqis bħala prijorità assoluta t-tnaqqis tal-livelli għoljin attwali ta' impunità, li jżidu u jrawmu l-vjolenza u l-insigurtà, dejjem akbar, fil-pajjiż, u l-garanzija tar-rispett tas-sistema ġuridika fis-seħħ, li tesiġi ġustizzja għall-vittmi tas-sekwestri, tal-qtil u ta' delitti oħra kommessi kuljum, kif ukoll għall-familji tagħhom;
13. Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jinvestigaw il-massakru ta' Tumeremo, li fih 28 ħaddiem tal-minjieri nqatlu, bl-għan li l-awturi u l-instigaturi jinġiebu quddiem il-ġustizzja, inklużi dawk involuti fil-qtil reċenti tal-ġurnalista Lucía Suárez, li seħħ fl-istess post u li hemm suspett li huwa konness;
14. Itenni t-talba tiegħu li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Venezwela u li jkun hemm djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2014)0176.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2014)0106.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2015)0080.
- [4] https://www.hrw.org/news/2016/05/16/letter-human-rights-watch-secretary-general-almagro-about-venezuela
- [5] http://www.unasursg.org/es/node/719
- [6] http://www.unasursg.org/es/node/779
- [7] http://www.mofa.go.jp/files/000160266.pdf
- [8] http://www.state.gov/r/pa/prs/ps/2016/05/257789.htm